Wadi Al-Hitan

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Fossila ta' baliena Basilosawrida f'Wadi Al-Hitan.

Wādī al-Ḥītān (bl-Għarbi: وادي الحيتان, litteralment "il-Wied tal-Balieni"; pronunzja bl-Għarbi Eġizzjan: [ˈwa.diː elˈħit.æːn]) huwa sit paleontoloġiku fil-Governorat ta' Faiyum, l-Eġittu, madwar 150 kilometru (93 mil) fil-Lbiċ tal-Kajr.[1] Il-wied ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO f'Lulju 2005 għall-mijiet ta' fossili li nstabu ta' wħud mill-iżjed tipi bikrin ta' balieni, l-arkeoċeti (subordni estinta ta' balieni).[2][3] Is-sit joħroġ fid-dieher evidenza għall-ispjegazzjoni ta' wieħed mill-ikbar misteri tal-evoluzzjoni tal-balieni: l-evoluzzjoni tal-balieni minn annimal terresti għal mammiferu tal-baħar.[4]

L-ebda post ieħor fid-dinja ma fih għadd, konċentrazzjoni u kwalità simili ta' dawn il-fossili, f'pajsaġġ daqstant aċċessibbli, attraenti u protett. B'hekk Wadi Al-Hitan tniżżel bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2005.[3]

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Tabella fid-daħla tas-sit.

Il-fossili li nstabu fis-sit jaf mhumiex l-eqdem iżda l-konċentrazzjoni kbira tagħhom fl-inħawi u l-livell ta' preservazzjoni tagħhom huma tal-għaġeb, tant li saħansitra xi kontenut fl-istonku tal-balieni għadu intatt. Il-preżenza ta' fossili ta' annimali bikrin oħra, fosthom klieb il-baħar, kukkudrilli, pixxisega, fkieren tal-baħar u rajja, li nstabu f'Wadi Al-Hitan jippermettu r-rikostruzzjoni tal-kundizzjonijiet ambjentali u ekoloġiċi tal-madwar ta' dak iż-żmien.

L-ewwel fossili ta' skeletri ta' balieni ġew skoperti fix-xitwa tal-1902-1903. Għat-80 sena ta' wara ma tantx attiraw wisq interess, l-iktar minħabba d-diffikultà biex wieħed jasal ħdejhom. Fis-snin 80 tas-seklu 20 l-interess fis-sit reġa' tqanqal peress li l-vetturi li jingranaw fuq erba' roti saru iktar disponibbli faċilment. Flimkien ma' dan l-interess, bdew iżuru s-sit diversi kollezzjonisti tal-fossili, u ħafna għadam tneħħa. Dan wassal għal diversi appelli biex is-sit jiġi kkonservat.

Il-fdalijiet joħorġu fid-dieher bejn wieħed u ieħor l-għamla tipika simili għall-balieni moderni, għalkemm għad hemm xi aspetti primittivi tal-istruttura tal-kranju u tas-snien. L-ikbar skeletru li nstab huwa twil 21 metru, u fih pinen żviluppati sew b'ħames swaba' fuq ir-riġlejn ta' quddiem u l-preżenza mhux mistennija ta' riġlejn ta' wara, bis-saqajn u bis-swaba', xi ħaġa li ma kinitx magħrufa fl-ebda arkeoċeti. L-għamla tagħhom kienet qisha ta' serp u kienu karnivori. Ftit minn dawn il-fdalijiet huma esposti, iżda l-biċċa l-kbira għadhom taħt saffi baxxi ta' sedimenti, li bil-mod il-mod qed jinkixfu bl-erożjoni. Wādī al-Ḥītān jipprovdi evidenza ta' miljuni ta' snin ta' ħajja kostali u tal-baħar.

Fossili[immodifika | immodifika s-sors]

Skeletri ta' balieni basilosawridi bħad-Dorudon ġew skoperti fis-sit.

Wādī al-Ḥītān huwa l-iżjed sit importanti fid-dinja biex juri wieħed mill-bidliet ikoniċi tal-ħajja fid-dinja: l-evoluzzjoni tal-balieni. Joħroġ fid-dieher b'mod ċar l-għamla tagħhom u l-mod kif kienu jgħixu waqt it-tranżizzjoni tagħhom minn annimali terrestri għal annimali tal-baħar. Jisboq sew lil siti oħra komparabbli bħala għadd, konċentrazzjoni u kwalità tal-fossili, u l-aċċessibbiltà u l-ambjent tagħhom f'pajsaġġ attraenti u protett. Jinkludi fih ġabra ikonika ta' skeletri fossilizzati tal-arkeoċeti (balieni primittivi li jiddokumentaw it-tranżizzjoni tal-ċetaċji lejn il-ħajja fil-baħar), tas-sirenjani u tar-rettili, kif ukoll snien tal-klieb il-baħar mill-Formazzjoni ta' Gehannam (40-41 miljun sena ilu). L-istrati f'Wādī al-Ḥītān imorru lura għall-epoka tal-Eoċen Nofsani u fihom ġabra estensiva ta' fossili ta' vertebrati f'erja ta' 200 km2 (77 mil kwadru). Instabu bosta fossili u l-biċċa l-kbira għandhom kwalità eċċellenti ta' preservazzjoni. L-iżjed fossili ewlenin huma l-iskeletri u l-għadam tal-balieni u tal-baqar tal-baħar, u ġew dokumentati diversi mijiet ta' fossili tagħhom. Wādī al-Ḥītān (il-Wied tal-Balieni) huwa partikolari peress li fih konċentrazzjoni kbira ta' fossili tal-balieni (1,500 skeletru fossilizzat ta' vertebrati tal-baħar) f'erja relattivament żgħira.

Il-fossili tal-balieni jvarjaw minn għadam individwali għal skeletri sħaħ, u għadd ta' skeletri parzjali attwalment jinsabu għall-wiri fil-parti pubblika tal-park. L-iżjed żewġ balieni komuni huma l-basilosawru kbir, u d-Dorudon kemxejn iżgħar (bejn 3-5 metri). Instabu wkoll mill-inqas żewġ speċijiet oħra minn fdalijiet iktar rari. Il-balieni kellhom riġlejn żgħar ta' wara, li ma għadhomx preżenti fil-balieni moderni, u kellhom kranju b'saħħtu bi snien simili għal dawk ta' annimali terresti karnivori. Mammiferi oħra huma rrappreżentati permezz tal-iskeletri ta' tliet speċijiet ta' sirenjani jew baqar tal-baħar. Dawn kienu annimali tal-baħar għalkollox bħall-balieni, u bl-istess mod kellhom karatteristiċi primittivi li ma għadhomx preżenti fl-ispeċijiet moderni, u għandhom snien li jissuġġerixxu li kienu jieklu l-ħaxix tal-baħar u pjanti oħra tal-baħar. Instab ukoll l-għadam ta' iljunfant primittiv tal-ispeċi Moeritherium.

Skeletru parzjali ta' basilosawru f'Wādī al-Ḥītān.

Ir-rettili fossilizzati huma rrappreżentati mill-fossili ta' kukkudrilli u ta' fkieren il-baħar, u l-għadam ta' sriep tal-baħar instab ukoll. Instabu wkoll bosta speċijiet ta' ħut bl-għadam, klieb il-baħar u rajja, iżda l-biċċa l-kbira tal-fossili huma snien żgħar iżolati u ma tantx jispikkaw. Fossili ta' ħut ikbar jinkludu ir-rostra u s-"snien tas-sega" tal-pixxisega; rostrum ta' pixxisega twila 1.8 metru hija preżenti fil-park. Il-qxur tal-baħar fossilizzati mhumiex komuni fil-blat ewlieni bil-fossili tal-balieni, iżda huma komuni ħafna fi blat ieħor; bosta blat imwaqqa' fih varjetà wiesgħa ta' qxur tal-baħar fossilizzati. Il-fossili ta' nummuliti b'għamla tonda huma komuni f'xi nħawi, u spiss jiksu l-wiċċ tad-deżert. Fil-park instabet ukoll fossila ta' zokk kbir, u din hija mimlija fossili ta' dud tal-baħar. Hemm ukoll fossili ta' xi ħaxix tal-baħar.

L-eqdem fossila ta' pellikan li ġiet skoperta sa issa (li tmur lura għall-Eoċen Aħħari) ġiet identifikata f'Wādī al-Ḥītān fl-2021.[5]

Ġeoloġija[immodifika | immodifika s-sors]

Ġebel ramli stratifikat u mikul bl-erożjoni f'Wādī al-Ḥītān.

Il-ġeoloġija tal-wied ħolqot xenarju spettakolari ta' rdumijiet u ta' blat iffurmati bl-erożjoni bir-riħ u bl-ilma. Il-blat preżenti f'Wādī al-Ḥītān huwa kollu tal-Eoċen Nofsani sa Aħħari u jinkludi tliet unitajiet prinċipali ta' blat. Il-Formazzjoni ta' Gehannam tinkludi ġebel tat-tajn tal-baħar miftuħ, li huwa preżenti l-iktar fuq l-artijiet iktar ċatti fil-Lvant tal-park pubbliku. L-unità tal-blat li fiha l-iżjed fossili ta' balieni hija l-Formazzjoni ta' Birket Qarun. Din hija magħmula minn ġebel ramli safrani li jifforma l-biċċa l-kbira tal-irdumijiet.

Il-monotonija ta' dan il-ġebel ramli hija interrotta minn saff abjad ta' moħbiet ippreservati sew tal-annimali (li qabel kienu maħsuba li kienu għeruq tal-mangrovji) u minn saff ta' tajn iswed issolidifikat iktar 'il fuq. Iktar lejn il-Lvant tal-irdumijiet tal-Formazzjoni ta' Birket Qarun, hemm ġebel tal-Formazzjoni ta' Gehannam. Dan jindika bidla fil-fond tal-ilma minn baxx għal iktar fond f'dik id-direzzjoni. Il-qċaċet tal-irdumijiet iktar għoljin jinsabu fi ħdan il-Formazzjoni ta' Qasr el Sagha, li tinkludi ġebel skur li jalterna ma' ġebel tal-ġir mimli qxur tal-baħar, li jirrappreżenta ambjent ta' laguna.

Volpi "fennec" f'Wādī al-Ḥītān.

Organiżmi selvaġġi[immodifika | immodifika s-sors]

Wādī al-Ḥītān jospita wkoll 15-il speċi ta' pjanti tad-deżert, għaram tar-ramel, u madwar 15-il tip ta' mammiferi selvaġġi, fosthom il-lupu Eġizzjan, il-volpi aħmar, il-leopard Afrikan, il-mangus Eġizzjan, il-qattus selvaġġ Afrikan, u l-gazzella ta' Dorcas. Il-volpi fennec huwa l-iktar mammiferu komuni u spiss jintlemaħ billejl qrib il-kampijiet tat-turisti. Barra minn hekk, attirati mil-lagi ta' Wadi El Rayan, ġew irreġistrati 19-il speċi ta' rettili u 36 speċi ta' għasafar li jitnisslu.

Turiżmu[immodifika | immodifika s-sors]

Madwar 1,000 viżitatur fis-sena biss isuqu f'Wādī al-Ḥītān b'vettura li tingrana fuq erba' roti peress li t-triq imħarbta u tgħaddi mir-ramel tad-deżert mingħajr ebda tabella. Il-biċċa l-kbira tal-viżitaturi ta' Wādī al-Ḥītān huma barranin, li spiss jikkampjaw fil-wied fit-tmiem il-ġimgħa tax-xitwa. Peress li Wādī al-Ḥītān jinsab fi ħdan iż-Żona Protetta ta' Wadi El Rayan, l-istess pjan ta' ġestjoni u ta' protezzjoni jirrestrinġi l-viżitaturi, li jistgħu jżuru s-sit permezz ta' żjarat gwidati biss b'rotta prestabbilita. It-turiżmu sostenibbli qed jibda jiżviluppa u jikber fl-inħawi, u spiss il-vetturi li jingranaw fuq erba' roti qed jiġu sostitwiti b'mixjiet jew b'mawriet fuq l-iġmla.

Billi parti minn Wādī al-Ḥītān sar attrazzjoni turistika, ġew stabbiliti mogħdijiet għall-mixi bejn il-fossili prinċipali u nbnew postijiet kennija żgħar għad-dell. Dan il-park pubbliku issa jżuruh regolarment għadd ta' gruppi ta' turisti, u hemm ukoll sit żgħar għall-kampeġġ.

Il-wied jinsab wara muntanja magħrufa bħala Garet Gohannam, litteralment "il-Muntanja tal-Infern". Fid-dawl ta' nżul ix-xemx, il-muntanja tidher mixgħula b'dawl ħamrani partikolari.

Il-gvern Eġizzjan sostna li f'Lulju 2007, żewġ karozzi misjuqa minn diplomatiċi Belġjani daħlu f'żona protetta tas-sit u qerdu parti minn fossila ta' baliena, u kkawżaw ħsara b'valur ta' 10 miljun dollaru Amerikan. Il-gvern Belġjan allega li d-diplomatiċi ma kkawżaw l-ebda ħsara, u l-kwistjoni baqgħet qatt ma ssolviet.

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Wadi Al-Hitan ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2005.[3]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti".[3]

Gallerija[immodifika | immodifika s-sors]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "Wadi Al-Hitan | For UNESCO World Heritage Travellers". www.worldheritagesite.org. Miġbur 2023-10-15.
  2. ^ "Africa World Heritage sites named" (bl-Ingliż). 2005-07-15. Miġbur 2023-10-15.
  3. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Wadi Al-Hitan (Whale Valley)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-15.
  4. ^ Ray, Amitava (2023-03-23). "Valley of the Whales Egypt at Wadi Al-Hitan | Whizzed Net" (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-15.
  5. ^ El Adli, Joseph J.; Wilson Mantilla, Jeffrey A.; Antar, Mohammed Sameh M.; Gingerich, Philip D. (2 June 2021). "The earliest recorded fossil pelican, recovered from the late Eocene of Wadi Al-Hitan, Egypt". Journal of Vertebrate Paleontology. 41 (1): e1903910.