Aqbeż għall-kontentut

Morus (botanika)

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
(Rindirizzat minn Tuta)
Morus
Morus alba (Ċawsla)
Klassifikazzjoni xjentifika
Renju: Plantae
(mhux klassifikata): Angiospermae
Sottodiviżjoni: Ara t-test .
(mhux klassifikata): Eudicotyledones
(mhux klassifikata): Rosidae
Ordni: Rosales
Familja: Moraceae
Tribù: Moreae[1]
Ġeneru: Morus

Morus huwa ġeneru ta' pjanti fil-familja Moraceae li jwarrdu. Il-ġeneru fih xi 10 sa 16-il speċi ta' siġar li jwaqqgħu il-weraq fix-xitwa. L-iżjed magħrufin fosthom huma t-tuta (Morus nigra) u ċ-ċawsla (Morus alba).

It-tassonomija tal-Morus hi komplessa u m'hemmx qbil fuqha. Ġew ippublikati 'l fuq minn 150 isem ta' speċi. Però sorsijiet differenti jiċċitaw għażliet differenti ta' ismijiet aċċettati u 10–16 biss huma aċċettati minn maġġoranza kbira ta' awtoritajiet botaniċi. Il-klassifikazzjoni Morus hi mħawda iżjed bl-għadd kbir ta' ibridi li jeżistu li huma għammiela.

Dawn l-ispeċi huma aċċettati fil-wisa':

  • Morus alba L. Ċawsli (Asja tal-Lvant)
  • Morus australis Poir. Tut Ċiniż (Asja tax-Xlokk)
  • Morus celtidifolia Kunth (Il-Messiku)
  • Morus insignis (Amerika t’Isfel)
  • Morus mesozygia Stapf Tut Afrikan (Afrika t'Isfel u tan-Nofs)
  • Morus microphylla Tut ta' Texas (Mexico, Texas (SUA))
  • Morus nigra L. Tut (Asja tal-Lbiċ)
  • Morus rubra L. Tut Aħmar (Amerika ta' Fuq tal-Lvant)

Użi u trawwim

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-frott jittiekel u jintuża ħafna fit-torti, tortini, inbejjed, tè u xorb ieħor. It-tut, indiġenu fl-Asja tal-Lbiċ, u t-tut aħmar, indiġenu fil-Lvant tal-Amerika ta' Fuq, għandhom l-iżjed togħma qawwija. Iċ-ċawsli, speċi li ġejja mill-Asja tal-lvant, għandu togħma differenti, kważi bla togħma[2]. Ix-xtieli maturi fihom ammonti sinifikanti ta' reżveratrolu, l-iżjed fil-qoxra taz-zkuk [3]. Il-frott u l-weraq jinbigħu f'diversi għamliet bħala supplimenti nutrizzjonali. Il-frott nej u l-partijiet ħodor tal-pjanta fihom sugu abjad li hu intossikanti u kemmxejn alluċinoġeniku[4].

It-tut, it-tut aħmar u ċ-ċawsli huma mifruxa fl-Albanija, l-Ażerbajġan, l-Armenja, L-Indja ta’ fuq, il-Ġordan, is-Sirja, il-Libanu, Ġorġja, il-Pakistan, l-Iran, it-Turkija, l-Eġittu, il-Libja u l-Afganistan, fejn is-siġra u l-frott huma magħrufa bħala tut jew xaħtut, kliem li ġejjin mill-Persjan. Sikwit f’dan ir-reġjun, minhomm jagħmlu ġammijiet u sorbetti. It-tut ġie importat fil-Gran Brittanja għall-ewwel darba fis-seklu 17 bit-tama li jintuża fit-trobbija tad-dud tal-ħarir. Kien jintuża ħafna fil-mediċina popolari speċjalment bħala duwa għall-ħżież. Fl-iStati Uniti it-tut ġiem importat mill-Pakistan. Fil-Greċja it-tut hu mifrux sewwa b'mod partikolari fil-Peloponneżu, li fil-Medju Evu kien magħruf bħala Morea (bil-Grieg Μωριάς,Morias) , li ġejja mill-kelma Griega għas-siġra (Μουριά, Μouria).

Il-weraq tal-morus, l-iżjed taċ-ċawsli, huma ekoloġikament importanti bħala l-uniku ikel tad-dudu tal-ħarir (Bombyx mori, imsemmi għall-ġeneru Morus), li l-fosqda tegħu tintuża biex isir il-ħarir. Il-larvi ta' xi lepidotteri oħra kultant jieklu dawn ix-xtieli, fosthom tal-baħrijiet Hemithea aestivaria, Mimas tiliae u Acronicta aceris.

Ix-xtieli tal-morus jistgħu jitkabbru miż-żerriegħa, u dan hu rakkomandat għax is-siġar imkabbra miż-żerriegħa ġeneralment ikollhom forma aħjar u huma iżjed b’saħħithom. Però iżjed spiss jitħawlu minn biċċiet li jrabbu l-għeruq faċilment.

Ċerti bliet fl-Amerika ta' Fuq jipprojbixxu t-tħawwil taċ-ċawsli minħabba li dawn jipproduċu ammonti kbar ta' pollin li jista’ jkun ta' periklu għas-saħħa ta' dawk jbatu minn xi allerġiji għall-pollin[5].

Antoċijani mill-frott tal-morus

[immodifika | immodifika s-sors]

L-antoċijani huma pigmenti li għandhom il-potenzjal li jiġu wżati bħala modulaturi tad-dieta ta' mekkaniżmi ta' xi mard [6][7] u bħala koloranti naturali tal-ikel. Minħabba d-domanda li dejjem tiżdied għall-koloranti naturali tal-ikel, l-importanza tagħhom fl-industrija tal-ikel qed tiżdied. L-antoċijani huma responsabbli għall-kuluri attraenti tal-frott u l-ħaxix frisk billi jipproduċu kuluri bħall-oranġjo, l-aħmar, u l-vjola, l-iswed, u l-ikħal. Dawn jinħallu fl-ilma u jistgħu jiġu estratti faċilment.

Ġie stabbilit metodu li ma jqumx ħafna u li hu industrijalment vijabbli biex jippurifika l-antċijani mit-tut li jistgħu jintużaw fl-ikkunzar tat-tessuti jew bħala kolorant tal-ikel ta' valur koloranti għoli (ogħla minn 100). Ix-xjenzjati sabu li minn 31 kultivari Ċiniż tat-tut li ttestjaw, il-produzzjoni tal-antoċjani totali varjat minn 148mg għal 2725mg għal kull litru ta' meraq tal-frott [8]. Iz-zokkor kollu, l-aċti kollha u l-vitamini baqgħu intatti fil-meraq li fadal wara t-tneħħija tal-antoċijani u l-meraq li fadal seta' jkun iffermentat biex jipproduċi prodotti oħra bħal inbid.

Il-kontenut tal-antoċjani jiddependi mill-klima, ir-reġjun tal-kultivazzjoni, u hu partikolarment għolja fi klimi xemxija [9]. Din is-sejba hi promettenti għall-pajjiżi tropikali li għandhom is-serikultura biex jipptofittaw mill-produzzjoni industrijali mill-antoċjani mit-tut permezz tar-rkupru tal-antoċjani.

  1. Morus L.
  2. "White Mulberry". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-01-16. Miġbur 2012-01-12.
  3. Cui XQ, Wang HQ, Liu C, Chen RY, Study of anti-oxidant phenolic compounds from stem barks of Morus yunanensis, Zhongguo Zhong Yao Za Zhi, vol. 33, ħarġa 13, p. 1569–72, 2008
  4. Erowid Mulberry Vault : Hallucinogenic properties
  5. Hou DX|, Potential mechanisms of cancer chemoprevention by anthocyanins, Current Molecular Medicine, vol. 3, ħarġa 2, p.149–59, 2003
  6. Liu X, Xiao G, Chen W, Xu Y, Wu J, Quantification and Purification of Mulberry Anthocyanins with Macroporous Resins, Journal of Biomedicine & Biotechnology, vol. 2004, ħarġa 5, p.326–331, 2004
  7. Matus JT, Loyola R, Vega A, et al., Post-veraison sunlight exposure induces MYB-mediated transcriptional regulation of anthocyanin and flavonol synthesis in berry skins of Vitis vinifera, Journal of Experimental Botany, vol. 60, ħarġa 3, p.853–67, 2009

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]