Aqbeż għall-kontentut

Skoll tal-Qroll ta' New Caledonia

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Immaġni satellitari tal-Iskoll tal-Qroll ta' New Caledonia madwar it-Tramuntana ta' Grande Terre

L-Iskoll tal-Qroll ta' New Caledonia jinsab madwar il-gżejjer ta' New Caledonia fin-Nofsinhar tal-Oċean Paċifiku, u huwa l-itwal skoll tal-qroll kontinwu fid-dinja kif ukoll it-tielet l-ikbar wara l-Iskoll il-Kbir tal-Qroll tal-Awstralja u l-Iskoll tal-Qroll Mesoamerikan.

L-Iskoll tal-Qroll ta' New Caledonia jinsab madwar Grande Terre, l-ikbar gżira ta' New Caledonia, kif ukoll il-gżira ta' Ile des Pins u diversi gżejriet oħra, u jlaħħaq tul ta' 1,600 kilometru. L-iskoll iħaddan fih laguni li f'daqqa fihom xi 24,000 kilometru kwadru, b'fond medju ta' 25 metru. L-iskolli tal-qroll jikbru sa 30 kilometru lil hinn mix-xatt, iżda jibqgħu jestendu sa kważi 200 kilometru sal-iskolli ta' Entrecasteaux fil-Majjistral. Din l-estensjoni fil-Majjistral tħaddan fih il-Gżejjer ta' Belep u gżejriet oħra bir-ramel tal-qroll. Diversi passaġġi naturali jagħtu għall-oċean. Il-passaġġ ta' Boulari, li jwassal sa Noumea, il-belt kapitali u l-port ewlieni ta' New Caledonia, huwa mmarkat permezz tal-Fanal ta' Amédée.[1]

Id-dugongu f'qiegħ il-baħar

L-Iskoll tal-Qroll ta' New Caledonia jitqies li huwa t-tieni l-ikbar fid-dinja wara dak tal-Iskoll il-Kbir tal-Qroll tal-Awstralja, l-itwal skoll tal-qroll kontinwu fid-dinja b'tul ta' 1,600 kilometru, u għandu l-ikbar sistemi ta' laguni fid-dinja b'erja ta' 24,000 kilometru kwadru. Din l-ekosistema, flimkien ma' dik ta' Fiġi, tospita l-iżjed konċentrazzjoni varjata ta' strutturi ta' skolli tal-qroll fid-dinja; b'kollox 146 tip abbażi ta' sistema ta' klassifikazzjoni globali, u saħansitra jilħqu jekk mhux jaqbżu l-Iskoll il-Kbir tal-Qroll (li hu ferm akbar) fid-diversità tal-qroll u tal-ħut.

L-iskoll għandu diversità kbira ta' speċijiet b'livell għoli ta' endemiżmu, u jospita wkoll it-tielet l-ikbar popolazzjoni ta' dugongi (Dugong dugon) fid-dinja, u huwa sit importanti fejn ibejtu l-fkieren il-baħar tat-tip Chelonia mydas. Fil-laguni ta' New Caledonia hemm bosta speċijiet li jvarjaw fid-daqs minn plankton għal ħut kbir u saħansitra klieb il-baħar.[1]

Theddidiet ambjentali

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Bajja ta' Upi fil-Laguna madwar l-Ile des Pins b'sikkiet antiki tal-qroll

Huwa maħsub li l-biċċa l-kbira tal-iskolli b'mod ġenerali jinsabu f'saħħithom sew. Uħud mill-iskolli tal-Lvant ġarrbu ħsarat minn effluwenti tal-estrazzjoni tan-nikel fil-gżira ta' Grand Terre. Is-sedimentazzjoni mix-xogħol fil-minjieri, mill-agrikoltura, u mir-ragħa affettwat l-iskolli qrib il-bokki tax-xmajjar, u s-sitwazzjoni baqgħet sejra għall-agħar bil-qerda tal-foresti tal-mangrovji, li minnhom stess jgħinu biex iżommu s-sedimenti. Uħud mill-iskolli ntradmu taħt diversi metri ta' sedimentazzjoni. Fl-2008, valutazzjoni tal-iskolli tal-Majjistral li jinsabu qrib ix-xatt ikkonkludiet li ħafna skolli kienu se jmutu fi żmien ftit snin jew l-iktar l-iktar fi żmien deċennji, jekk ix-xejriet identifikati dak iż-żmien b'rabta mas-sedimenti mix-xogħol fil-minjieri u s-sedimentazzjoni inġenerali ma jinbidlux.[2]

L-għadis biċ-ċilindri tal-arja huwa komuni ħafna, u hemm diversi siti tal-għadis fil-laguni u madwar l-iskoll tal-qroll. Dawn jinkludu siti li ngħataw ismijiet bħall-Foss tal-Klieb il-Baħar, il-Katidral u l-Labra ta' Prony, li huma fost l-iktar siti tal-għadis famużi f'New Caledonia.[3]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Laguna Blu ta' New Caledonia mill-ajru

F'Jannar 2002, il-gvern ta' Franza ppropona l-Laguni ta' New Caledonia bħala Sit Indikattiv biex iktar 'il quddiem, eżattament nhar is-7 ta' Lulju 2008, jitniżżel bħala Sit ta' Wirt Dinji naturali tal-UNESCO.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]

B'kollox hemm 13-il kumitat ta' ġestjoni lokali, magħmula minn operaturi turistiċi, sajjieda, politiċi, u kapijiet ta' tribujiet lokali li jaħdmu id f'id mal-komunità lokali biex tiġi mmonitorjata s-saħħa tal-laguni ta' New Caledonia.[4]

  1. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Lagoons of New Caledonia: Reef Diversity and Associated Ecosystems". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-29.
  2. ^ Fenner, Douglas; Muir, Paul (1 February 2008). "Reef Corals of the Northwestern Lagoon of Grande-Terre, New Caledonia". A Rapid Marine Biodiversity Assessment of the Coral Reefs of the Northwest Lagoon, between Koumac and Yandé, Province Nord, New Caledonia. p. 18.
  3. ^ "New Caledonia - Scuba diving". web.archive.org. 2016-12-20. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-12-20. Miġbur 2021-09-29.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  4. ^ "UNESCO World Heritage Centre - Historic Local community meeting in New Caledonia to strengthen World Heritage conservation". web.archive.org. 2016-12-20. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-12-20. Miġbur 2021-09-29.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)