Siti tad-Dolmens ta' Gochang, Hwasun u Ganghwa
Is-Siti tad-Dolmens ta' Gochang, Hwasun u Ganghwa jinkludu mijiet ta' dolmens tal-ġebel li kienu jintużaw bħala markaturi tal-oqbra u għal skopijiet ta' ritwali matul l-ewwel millenju Q.K. meta l-kultura megalitika kienet prominenti fil-Korea t'Isfel u fil-Peniżola Koreana inġenerali. Is-siti tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000.[1] Il-Peniżola Koreana fiha iżjed minn 35,000 dolmen, li jirrappreżentaw bejn wieħed u ieħor 40 % tat-total dinji. Fis-siti tad-dolmens ta' Gochang, Hwasun u Ganghwa biss hemm iktar minn 1,000 dolmen.[2][3]
Il-ħaġar megalitiku huma imprezzabbli għaliex jimmarkaw l-oqbra tal-elit fit-tmexxija. Minn dawn id-dolmens ġew skavati bċejjeċ tal-fuħħar, ġojjellerija, għodod tal-ġebel u artefatti funebri oħra. Il-kultura tan-nies ta' dak iż-żmien toħroġ fid-dieher mill-evidenza tad-dolmens. Barra minn hekk, mill-ħaġar jista' jinftiehem kif kienet tinkiseb, tiġi ttrasportat u tintuża l-ġebla fil-kostruzzjoni tad-dolmens.
Id-dolmens fil-Korea ġew datati li jmorru lura għas-seklu 7 Q.K. f'postijiet bħas-sit ta' Gochang u l-prattika ntemmet għall-ħabta tas-seklu 3 Q.K. Il-kultura tad-dolmens hija kkollegata mal-kulturi taż-żminijiet Neolitiċi u tal-Bronż tal-Korea.
L-iskavi fis-siti ma bdewx qabel l-1965. Minn dak iż-żmien 'l hawn, ġew sponsorjati diversi skavi u l-gvern Korean ta bidu għal programm estensiv ta' tfassil ta' inventarju u ta' preservazzjoni.
Teoriji dwar l-origini
[immodifika | immodifika s-sors]Jeżistu tliet teoriji prinċipali rigward l-oriġini tad-dolmens Koreani: 1) it-tagħrif dwar id-dolmens u dwar il-kostruzzjoni tagħhom ġie trażmess tul ir-rotot tal-baħar mix-Xlokk tal-Asja; 2) it-tagħrif dwar id-dolmens u dwar il-kostruzzjoni tagħhom ġie trażmess mill-popli Neolitiċi li kienu jgħixu fit-Tramuntana tal-Peniżola Koreana; u 3) id-dolmens fil-Korea oriġinaw minn ċivilizzazzjonijiet Neolitiċi fil-Peniżola Koreana.[4]
Teorija tat-trażmissjoni mix-Xlokk tal-Asja
[immodifika | immodifika s-sors]Skont din it-teorija, it-tagħrif dwar id-dolmens u dwar il-kostruzzjoni tagħhom infirex mix-Xlokk tal-Asja flimkien mal-kultura tar-ross. Bosta dolmens fil-Peniżola Koreana huma mifruxa tul il-kosta tal-Punent tal-Korea, speċjalment fin-Nofsinhar tal-peniżola, u din id-distribuzzjoni jaf hija konsistenti mat-trażmissjoni permezz ta' migrazzjoni mix-Xlokk tal-Asja.[5]
Teorija tal-firxa mill-Grigal tal-Asja
[immodifika | immodifika s-sors]Skont din it-teorija l-popli Neolitiċi mit-territorju li llum il-ġurnata huwa l-Manċurja u n-Nofsinhar tas-Siberja wasslu t-tagħrif dwar id-dolmens u dwar il-kostruzzjoni tagħhom permezz tal-migrazzjoni lejn il-Peniżola Koreana, jew inkella ttrażmettew dak it-tagħrif lil popli Neolitiċi oħra li diġà kienu jgħixu fil-Korea. Din it-teorija sserraħ fuq xi osservazzjonijiet oħra: ix-xebħ fl-għamla bejn id-dolmens fil-Korea u dawk fejn illum il-ġurnata hemm il-Manċurja u n-Nofsinhar tas-Siberja fi Żmien il-Bronż; u x-xebħ fl-artefatti funebri ta' Żmien il-Bronż (pereżempju tal-kultura ta' Liaoning) bejn dawk li nstabu fil-Korea u dawk li nstabu fejn illum il-ġurnata hemm il-Manċurja; u r-rabta sfiqa bejna id-dolmens fil-Manċurja u fin-Nofsinhar tas-Siberja u l-kultura ta' Żmien il-Bronż f'dawk ir-reġjuni. Madankollu, id-distribuzzjoni tad-dolmens fil-Manċurja u fin-Nofsinhar tas-Siberja hija ferm inqas ikkonċentrata minn dik tal-Korea, u dan l-aspett idgħajjef din it-teorija.[6]
Teorija tal-oriġini Koreana
[immodifika | immodifika s-sors]Din it-teorija hija bbażata fuq il-fatt li: id-dolmens Koreani jirrappreżentaw l-ikbar konċentrazzjoni ta' dolmens fid-dinja, u l-Korea biss fiha xi 40 % tad-dolmens kollha fid-dinja; id-dolmens Koreani għandhom morfoloġija differenti u distinta minn dawk f'inħawi oħra fid-dinja;[7][8][9] u l-kultura megalitika fil-Peniżola Koreana u fil-qrib jidher li nfirxet b'mod estensiv, u xi dolmens jirrappreżentaw formazzjonijiet astronimiċi datati lura għat-3000 Q.K.[10], għal raġunijiet li attwalment mhumiex magħrufa.[11] Skont din it-teorija huwa probabbli ħafna li l-kultura/i taż-żminijiet Neolitiċi u tal-Bronż tal-Peniżola Koreana u fil-qrib żviluppaw kultura unika tad-dolmens. B'mod partikolari, il-preżenza ta' żewġ stili distinti ta' dolmens (tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar; id-distribuzzjoni tagħhom bejn wieħed u ieħor tikkorrispondi mat-tnixxija tax-xmara Bukhan) tissuġġerixxi li l-pożizzjoni ġeografika tal-Korea jaf ipprovdiet aċċess faċli għall-popli Neolitiċi/ta' Żmien il-Bronż tal-Korea għall-kulturi tad-dolmens minn diversi reġjuni, u b'hekk dan influwenza l-iżvilupp ta' kultura unika tad-dolmens.[12]
Deskrizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Id-dolmens ġeneralment huma kklassifikati f'żewġ tipi fil-Lvant tal-Asja: it-tip b'għamla ta' mejda jew tat-Tramuntana u t-tip tan-Nofsinhar. Fl-ewwel każ, erba' ħaġriet kienu jiġu ppożizzjonati biex jiffurmaw il-ħitan ta' kaxxa u fuqhom kienet titqiegħed ħaġra fuqhom qishom riffieda. Fit-tieni każ, kien ikun hemm qabar taħt l-art u fuqu ħaġriet mad-dawra li kienu jirfdu ħaġra kbira orizzontali li ssaqqaf il-qabar.[13]
Sit tad-Dolmens ta' Gochang
[immodifika | immodifika s-sors]Dan is-sit tad-dolmens fih l-ikbar grupp u l-iżjed wieħed varjat. Id-dolmens huma magħrufa bħala d-dolmens ta' Jungnim-ri u huma ċċentrati fil-villaġġ ta' Maesan, fil-Kontea ta' Gochang, fil-provinċja tat-Tramuntana ta' Jeolla.[14]
Id-dolmens inbnew mil-Lvant għall-Punent fil-bażi ta' sensiela ta' għoljiet f'altitudni ta' bejn 15-il metru (49 pied) sa 50 metru (164 pied). Ġeneralment, il-ħaġriet orizzontali tad-dolmens għandhom tul ta' madwar metru (3.2 piedi) sa 5.8 metri (19-il pied) u jistgħu jiżnu sa 225 tunnellata. 442 dolmen ġew iddokumentati u kklassifikati abbażi tad-daqs tal-ħaġra orizzontali.[15]
Huwa maħsub li dan il-grupp inbena għall-ħabta tas-seklu 7 Q.K. Is-Sit tad-Dolmens ta' Gochang ġie elenkat bħala s-Sit Storiku Nru 391 tal-Korea t'Isfel.[16]
Sit tad-Dolmens ta' Hwasun
[immodifika | immodifika s-sors]Is-Sit tad-Dolmens ta' Hwasun jinsab fil-widien madwar ix-xmara Jiseokgang, li tikkollega lil Hyosan-ri, Dogok-myeon u lil Dasin-ri. Chunyang-myeon. Huwa stmat li madwar Hyosan-ri, Dogok-myeon hemm 135 dolmen minn total ta' 980 struttura tal-ġebel. Dawn id-dolmens huma inqas ippreservati tajjeb mill-grupp ta' Jungnim-ri.[17]
Huwa stmat li d-dolmens ta' Hyosan-ri ġew esposti f'minn tal-inqas 250 post, inkluż dawk miġjuba mill-barriera għall-kostruzzjoni tad-dolmens. Skont stħarriġ huwa stmat li 124 struttura mit-3,309 struttura tal-ġebel fis-sit huma dolmens.[18]
Is-Sit tad-Dolmens ta' Hwasun huwa magħruf partikolarment għax hemm konċentrazzjoni ta' 596 dolmen f'żona żgħira u hemm l-ikbar dolmen fil-Korea f'Daesin-ri, Chunyang-myeon. Id-dolmen hija twila 7.3 metri, wiesgħa 5.0 metri, ħoxna 4.0 metri, u tiżen 280 tunnellata. L-ikbar dolmen f'Hyosan-ri, Dogok-myeon hija twila 5.3 metri, wiesgħa 3.6 metri, u ħoxna 3.0 metri, u huwa stmat li tiżen iktar minn 100 tunnellata.[19]
Is-Sit tad-Dolmens ta' Hwasun huwa elenkat bħala s-Sit Storiku Nru 410 fil-Korea t'Isfel.[20]
Sit tad-Dolmens ta' Ganghwa
[immodifika | immodifika s-sors]Is-Sit tad-Dolmens ta' Ganghwa jinsab fuq il-gżira ta' Ganghwa, il-Kontea ta' Ganghwa, Incheon. Id-dolmens jinsabu fuq xaqlibiet ta' muntanji u b'hekk għandhom elevazzjoni ogħla mid-dolmens l-oħra fis-siti l-oħra. Huwa maħsub li dawn id-dolmens huma l-iżjed bikrin għaliex il-grupp ta' dolmens f'Bugeun-ri (부근리, f'Hajeom-myeon) u f'Gocheon-ri (고천리, f'Naega-myeon) jixbah ħafna l-kostruzzjoni tad-dolmens bikrin. Madankollu, dan ma ntweriex b'mod konklużiv.[21]
Il-gżira ta' Ganghwa hija post mimli muntanji u korpi tal-ilma. Ġew iffurmati gruppi bikrin ta' tmexxija li huwa maħsub li bnew id-dolmens. B'kollox hemm madwar 150 dolmen. Il-mappa tad-distribuzzjoni tad-dolmens turi li d-dolmens kellhom rabta sfiqa mas-sajd fi Żmien il-Bronż, għalkemm illum il-ġurnata huma sseparati mill-baħar.[22]
Dolmen notevoli fil-gżira ta' Ganghwa hija tat-tip tat-Tramuntana b'għamla ta' mejda, fejn huwa maħsub li kienu jsiru xi riti tal-antenati tal-kultura tad-dolmens. Din id-dolmen għandha l-ikbar ħaġra fil-Korea t'Isfel, b'daqs ta' 2.6 × 7.1 × 5.5 metri, għalkemm hija mirfuda biss żewġ ħaġriet. F'daqqa, il-ħaġriet riffieda u l-ħaġra orizzontali jiżnu bejn 150 u 225 tunnellata.[23]
Is-Sit tad-Dolmens ta' Ganghwa ġie elenkat bħala s-Sit Storiku Nru 137 tal-Korea t'Isfel bħala wieħed mit-tipi ta' oqbra rappreżentattivi ta' Żmien il-Bronż. Intużat ħaġra kbira twila 710 cm, għolja 260 cm, u wiesgħa 550 cm, u l-għamla tal-ħaġra hija qisha ta' mejda jew tat-tip tat-Tramuntana, li kienet sors tajjeb għar-riċerka dwar l-istorja tal-qedem jew il-preistorja.[24]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Is-Siti tad-Dolmens ta' Gochang, Hwasun u Ganghwa ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-24 sessjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji li saret f'Cairns, l-Awstralja, bejn id-29 ta' Novembru u t-2 ta' Diċembru 2000.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[1]
Dolmens Koreani oħra
[immodifika | immodifika s-sors]Id-dolmens fil-Korea t'Isfel huma kkonċentrati l-iktar fil-provinċja tan-Nofsinhar ta' Jeolla. Bħala reġjuni, hemm 338 dolmen f'Gangwon-do, 502 f'Gyeonggi-do, 189 f'Chungcheongbuk-do, 1,597 f'Jeollabuk-do, 10,068 f'Jeollanam-do, 2,800 f'Gyeongsangbuk-do, u 140 f'Jeju-do.
Dan l-aħħar ġew skoperti bosta siti f'Chuncheon, Gangwon-do, u b'hekk żdiedu 101 dolmen mal-lista diġà twila ta' dolmens fil-Korea.[25]
F'Sansuri, Yulchon-myeon, Yeosu, Jeollanam-do, hemm dolmen li x'aktarx li hija l-ikbar waħda fid-dinja.[26]
Huwa maħsub li f'Seoul u fiż-żona metropolitana tagħha fl-imgħoddi kien hemm għadd kbir ta' dolmens, u dan kieku jkun konsistenti mal-konċentrazzjoni ogħla ta' dolmens fil-Punent tal-Korea. Madankollu, fil-proċess ta' żvilupp urban rapidu, huwa maħsub li bosta dolmens intilfu għal dejjem. Kienu jeżistu dolmens f'Jeongneung-dong, Gaepo-dong, fil-muntanja Daemo, Umyun-dong, Yangjae-dong, Wonji-dong, u f'Gocheok-dong. Fosthom, fl-1984 ġew skoperti d-dolmens f'Won Ji-dong flimkien ma' artefatti relatati, iżda huwa maħsub li l-biċċa l-kbira tagħhom inqerdu minħabba nuqqas ta' protezzjoni mill-gvern (pereżempju faċilitajiet protettivi, tabelli u deżinjazzjonijiet bħala proprjetajiet kulturali).[27]
Rwoli tad-dolmens
[immodifika | immodifika s-sors]Għalkemm kien hemm bosta kontroversji dwar il-funzjoni tad-dolmens fil-Peniżola Koreana, fl-1967 ġie kkonfermat li l-istruttura tal-ġebel kienet issir bi skop funebri, meta nstab l-iskeletru sħiħ ta' bniedem fis-sit tad-dolmens ta' Hwangseok-ri f'Jecheon, fil-provinċja tat-Tramuntana ta' Chungcheong.[28]
Madankollu, uħud isostnu li l-funzjoni tad-dolmens ma kinitx ta' oqbra. Minkejja li ma kienx hemm oġġezzjoni uffiċjali għall-fatt li d-dolmens kienu jiffunzjonaw bħala oqbra, uħud xorta waħda jsostnu li d-dolmens kellhom il-funzjoni ta' markatur funebri apparti l-qabar proprja taħt l-art. Min-naħa l-oħra hemm min isostni li kellhom funzjoni ta' artal iktar milli ta' qabar speċjalment it-tip ta' dolmen b'għamla ta' mejda, li jingħad li nbnew iktar fl-għoli sabiex in-nies ta' dak iż-żmien setgħu jarawhom faċilment. Barra minn hekk, hemm min isostni li d-dolmens jaf intużaw ukoll bħala pedestall.[29]
Fil-każ ta' gruppi ta' dolmens, xi kultant xi dolmen tkun ferm ikbar mill-bqija jew tkun orjentata f'direzzjoni oħra meta mqabbla mad-dolmens l-oħra. Huwa maħsub li dawn id-dolmens inbnew hekk apposta b'funzjoni sempliċi li jiżvelaw l-awtorità u l-prestiġju ta' grupp ta' nies tal-kultura tal-kostruzzjoni tad-dolmens.
Skeletru u status
[immodifika | immodifika s-sors]Eżempji ta' għadam ta' bniedem ġew skavati mis-sit tad-dolmens ta' Hwangseok-ri f'Jecheon, il-provinċja tat-Tramuntana ta' Chungcheong, f'Chuncheon fil-provinċja ta' Gangwon, f'Jincheon-dong f'Daegu, u f'Daepyeong-ri f'Jinyang, il-provinċja tan-Nofsinhar ta' Gyeongsang. L-iskoperta ta' għadam ta' bniedem tipprovdi tagħrif dwar id-drawwiet funebri fiż-żmien il-kultura tal-kostruzzjoni tad-dolmens, u tipprovdi wkoll tagħrif dwar il-ħsieb u l-aspetti reliġjużi ta' dak iż-żmien.[30]
B'mod notevoli, l-iskeletru li nstab fis-sit tad-dolmens ta' Hwangseok-ri huwa kważi intatt, b'tul ta' madwar 176 ċentimetru, u b'għamla tal-kranju li tvarja minn dik tal-Koreani moderni, iżda għad irid jiġi kkonfermat hijiex għamla komuni jew differenza individwali.[31]
Kulma jmur, iktar studjużi qed jaħsbu li l-persuna midfuna taħt id-dolmen kienet xi mexxej setgħan, pereżempju xi kap ta' tribù. Minkejja dan, hemm oħrajn li ressqu ipoteżi differenti, bħal pereżempju li l-qabar kien ta' persuna li tat kontribut siewi f'xi gwerra, jew li kien ta' familja sħiħa ta' persuna importanti.[32]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Gochang, Hwasun and Ganghwa Dolmen Sites". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-30.
- ^ Jensen Jr., John. Earth Epochs: Cataclysms across the Holocene. John Jensen. p. 276.
- ^ Meyerhoff, Janusz (2013). Mysterious Megalithic Structures. Lulu. ISBN 978-1-304-65092-4.
- ^ "고인돌의 기원". terms.naver.com (bil-Korean). Miġbur 2022-08-30.
- ^ "(4)거석문화사에 우뚝 선 고인돌". n.news.naver.com (bil-Korean). Miġbur 2022-08-30.
- ^ 선임기자, 도재기 (2018-05-25). "[도재기의 천년향기](9)고인돌-'마고 할미'가 던졌다는 300톤 바위 밑엔 '청동기인의 삶'이 잠잔다". www.khan.co.kr (bil-Korean). Miġbur 2022-08-30.
- ^ Holcombe, Charles (2011). A history of East Asia : from the origins of civilization to the twenty-first century (1. publ. ed.). New York: Cambridge University Press. p. 79. ISBN 978-0-521-51595-5.
- ^ Nelson, Sarah Milledge (1993). The archaeology of Korea (Asian ed.). Cambridge, England: Cambridge University Press. p. 147. ISBN 0-521-40783-4.
- ^ Joussaume, Roger Dolmens for the Dead Batsford Ltd (Jan 1988) ISBN 978-0-7134-5369-0, p. 141–142.
- ^ "Astronomical signs of Korean tombs" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2016-09-24. Miġbur 2022-08-30.
- ^ Nelson, Sarah Milledge (2012). The Archaeology of Northeast China: Beyond the Great Wall. p. 16. ISBN 978-1-134-81659-0.
- ^ 천지일보. "[한국문화탐방] 거석문화, 고인돌(1)". 천지일보 - 새 시대 희망언론 (bil-Korean). Miġbur 2022-08-30.
- ^ A Study on the Dolmen Culture of Korea. Korea: Korean History Research Association. 1984. pp. 1~24.
- ^ "고창, 화순, 강화의 고인돌 유적". terms.naver.com (bil-Korean). Miġbur 2022-08-30.
- ^ "요청하신 페이지를 찾을 수 없습니다". www.gochang.go.kr. Miġbur 2022-08-30.
- ^ "문화재청 통합검색". search.cha.go.kr. Miġbur 2022-08-30.
- ^ "문화유산채널". www.k-heritage.tv (bil-Korean). Miġbur 2022-08-30.
- ^ "Destinations by Region : VisitKorea Destinations by Region Hwasun Dolmen Site [UNESCO World Heritage] (화순 고인돌군 유적 [유네스코 세계문화유산]) | Official Korea Tourism Organization". english.visitkorea.or.kr (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-30.
- ^ "대한민국 구석구석". korean.visitkorea.or.kr (bil-Korean). Miġbur 2022-08-30.
- ^ "문화재청 통합검색". search.cha.go.kr. Miġbur 2022-08-30.
- ^ "강화 부근리 지석묘(江華富近里支石墓) - 한국민족문화대백과사전". encykorea.aks.ac.kr. Miġbur 2022-08-30.
- ^ younghwan. "강화역사박물관, 강화도의 고인돌" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-30.
- ^ "[열린 광장] 고인돌 문화와 한민족의 얼". news.koreadaily.com (bil-Korean). 2018-07-22. Miġbur 2022-08-30.
- ^ "대한민국 구석구석". korean.visitkorea.or.kr (bil-Korean). Miġbur 2022-08-30.
- ^ "강원도 춘천 중도에서 대규모 고인돌 발굴". n.news.naver.com (bil-Korean). Miġbur 2022-08-30.
- ^ "여수 고인돌 세계최대 확인". n.news.naver.com (bil-Korean). Miġbur 2022-08-30.
- ^ "조인스프라임 종료 안내". www.joins.com. Miġbur 2022-08-30.
- ^ "죽음에 대한 청동기인들의 관념". 충청타임즈 (bil-Korean). 2018-08-12. Miġbur 2022-08-30.
- ^ 고인돌 (bil-Korean). Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt:
|iktar=
(għajnuna) - ^ "청동기시대 마을 사람들은?". 오마이뉴스 (bil-Korean). 2010-06-11. Miġbur 2022-08-30.
- ^ "3000년전 인도인 한반도서 벼농사?". 서울신문 (bil-Korean). Miġbur 2022-08-30.
- ^ 고인돌 (bil-Korean). Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt:
|iktar=
(għajnuna)