Shennongjia
Shennongjia jew id-Distrett tal-Forestrija ta' Shennongjia (biċ-Ċiniż simplifikat: 神农架林区; biċ-Ċiniż tradizzjonali: 神農架林區; bil-Pinjin: Shénnóngjià Línqū) huwa unità amministrattiva fil-livell ta' kontea (jew "distrett tal-forestrija") fil-Majjistral tal-Provinċja ta' Hubei, iċ-Ċina, subordinata direttament għall-gvern provinċjali. Tokkupa erja ta' 3,253 kilometru kwadru (1,256 mil kwadru) fil-Punent ta' Hubei, u mill-2007 kellha popolazzjoni residenti stmata ta' 74,000 ruħ (b'popolazzjoni rreġistrata ta' 79,976 ruħ). Fis-17 ta' Lulju 2016, Shennongjia tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, bis-saħħa tal-bijodiversità eċċezzjonali tagħha u l-protezzjoni ta' bosta speċijiet endemiċi rari u fil-periklu ta' estinzjoni.[1]
Il-popolazzjoni hija predominantement (95 %) Ċiniża Han, u l- 5 % l-oħra huma fil-biċċa l-kbira Tujia.
Amministrazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]L-istatus amministrattiv ta' Shennongjia huwa pjuttost mhux tas-soltu, għax hija l-unika unità amministrattiva fil-livell ta' kontea tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li ġiet iddeżinjata bħala "distrett tal-forestrija" (biċ-Ċiniż: 林区), minflok kontea jew belt iktar tas-soltu fil-livell ta' kontea.
L-istatus ta' Shennongjia fi ħdan il-Provinċja ta' Hubei hija kemxejn mhux tas-soltu wkoll, għax din l-unità fil-livell ta' kontea hija amministrata direttament mill-gvern provinċjali minflok mhi parti minn belt fil-livell ta' prefettura jew minn prefettura, kif inhuma l-kontej "normali" kollha tal-Provinċja ta' Hubei. Madankollu, dan l-arranġament mhuwiex uniku għal Shennongjia, peress li l-Provinċja ta' Hubei fiha wkoll tliet bliet fil-livell ta' kontea (Xiantao, Tianmen u Qianjiang) li jaqgħu direttament taħt il-gvern provinċjali, mingħajr ma jagħmlu parti minn unità fil-livell ta' prefettura.
Id-distrett tal-forestrija nħoloq fit-28 ta' Mejju 1970, miż-żona ta' biswit tal-Kontea ta' Badong, tal-Kontea ta' Baokang, tal-Kontea ta' Fang u tal-Kontea ta' Xingshan.[2]
Barra minn hekk, Shennongjia hija maqsuma wkoll f'sitt irħula, f'prefettura u f'raggruppament etniku.
Isem | biċ-Ċiniż | bil-Pinjin ta' Hanyu | Tip ta' diviżjoni | Popolazzjoni fl-2010 |
---|---|---|---|---|
Songbai | 松柏镇 | Sōngbǎi Zhèn | Raħal | 31,207 |
Yangri | 阳日镇 | Yángrì Zhèn | Raħal | 10,085 |
Hongping | 红坪镇 | Hóngpíng Zhèn | Raħal | 5,901 |
Muyu | 木鱼镇 | Mùyú Zhèn | Raħal | 9,089 |
Xinhua | 新华镇 | Xīnhuá Zhèn | Raħal | 3,688 |
Dajiuhu (li qabel kienet il-Prefettura ta' Jiuhu) | 大九湖镇 (九湖乡) | Dàjiǔhú Zhèn (Jiǔhú Xiāng) | Raħal | 3,657 |
Prefettura ta' Songluo | 宋洛乡 | Sòngluò Xiāng | Prefettura | 6,609 |
Raggruppament Etniku tat-Tujia ta' Xiaguping | 下谷坪土家族乡 | Xiàgǔpíng Tǔjiāzú Xiāng | Raggruppament etniku | 5,904 |
Is-sede tal-kontea hija r-raħal ta' Songbai fit-Tramuntana tad-distrett tal-forestrija; iċ-ċentru turistiku prinċipali huwa r-raħal ta' Muyu, qrib il-konfini tan-Nofsinhar tad-distrett tal-forestrija.
Hemm bosta attrazzjonijiet turistiċi fid-distrett tal-forestrija kollu, iżda mill-2009, il-biċċa l-kbira tad-distrett mhuwiex aċċessibbli għat-turisti barranin, bl-eċċezzjoni ta' strixxa dejqa tul il-konfini tan-Nofsinhar (fin-Nofsinhar ta' Salib it-Toroq ta' Yazikou). Iż-żona miftuħa għall-pubbliku tinkludi r-Riżerva Naturali Nazzjonali ta' Shennongjia.
Id-Distrett tal-Forestrija ta' Shennongjia ngħata isem il-katina muntanjuża ta' Shennongjia, li normalment titqies bħala s-sezzjoni tal-Lvant (u l-ogħla sezzjoni) tal-Muntanji Daba (Daba Shan). Il-muntanji ta' Shennongjia jiffurmaw punt ta' diviżjoni bejn żewġ partijiet tad-distrett: il-parti ċentrali u tat-Tramuntana għandha drenaġġ lejn it-Tramuntana fix-xmara Han (tributarja tax-xmara Yangtze li tingħaqad max-xmara Yangtze ferm iktar 'il quddiem fil-Lvant f'Wuhan), filwaqt li s-sezzjoni tan-Nofsinhar għandha drenaġġ fix-xmara Yangtze b'mod iktar dirett, permezz ta' għadd ta' nixxigħat qosra bi fluss lejn in-Nofsinhar, bħan-Nixxiegħa ta' Shen Nong. Uħud mill-ogħla muntanji tal-Provinċja ta' Hubei, li huma wkoll l-ogħla muntanji tad-Daba Shan, jinsab fi ħdan dan id-distrett tal-forestrija. L-ogħla tliet qċaċet, li jinsabu fil-Punent tar-raħal ta' Muyu, huma Shennong Deng (b'elevazzjoni ta' 3,105 metri (10,187 pied)), Da Shennongjia (b'elevazzjoni ta' 3,052 metru (10,013-il pied)), u Xiao Shennongjia (b'elevazzjoni ta' 3,005 metri (9,859 pied), fil-konfini mal-Kontea ta' Badong). Laojun Shan, b'elevazzjoni ta' 2,936 metru (9,633 pied), tinsab fil-Grigal tar-raħal ta' Muyu.
Bijodiversità u Konservazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Id-distrett tal-forestrija ta' Shannongjia jinsab fi ħdan l-ekoreġjun tal-foresti dejjem ħodor tal-Muntanji Daba.[3]
Hemm għadd ta' żoni ta' konservazzjoni fil-muntanji u fl-artijiet mistagħdra tad-distrett tal-forestrija, b'mod partikolari r-Riżerva Naturali Nazzjonali ta' Shennongjia (biċ-Ċiniż: 神农架国家自然保护区), elenkata fin-Network Dinji tar-Riżervi ta' Bijosfera tal-UNESCO.[4] Ir-riżerva tinkludi 2,618-il kilometru kwadru (1,011-il mil kwadru) ta' foresti,[5] u minħabba l-varjetà ta' kundizzjonijiet naturali f'elevazzjonijiet differenti, fiha hemm diversità kbira ta' pjanti. Stħarriġ partikolari tal-botaniċi Ċiniżi jirrapporta li hemm 3,479 speċi ta' pjanti tal-għoli f'żona partikolari.[6] Minn dawk l-ispeċijiet, 1,793 speċi huma endemiċi għaċ-Ċina. Fil-fatt, id-distrett tal-forestrija fiha l-ogħla diversità ta' speċijiet ta' pjanti ħorfija tal-injam fid-dinja.[7]
Minbarra li jħaddan fih diversità kbira ta' pjanti, id-distrett tal-forestrija ta' Shennongjia fih varjazzjoni fit-topografija u l-istabbilità tal-klima tar-reġjun tul avveniment ta' glaċjazzjoni tal-imgħoddi ppermettiet iż-żamma tad-diversità kbira ta' annimali. Fost l-ispeċijiet protetti ta' annimali hemm ix-xadina dehbija ta' mneħirha mfattar, b'popolazzjoni fid-distrett tal-forestrija li ġiet irrapportata li kibret bejn l-1990 u l-2005 minn 500 għal iktar minn 1,200 eżemplar. Żona speċjali ta' 100 kilometru kwadru tingħata protezzjoni speċjali minħabba din l-ispeċi ta' primat fil-periklu ta' estinzjoni. Speċijiet oħra fid-distrett tal-forestrija jinkludu s-salamandra ġganteska taċ-Ċina, il-leopard tal-pil imċajpar u l-ors iswed Asjatiku. B'kollox, 600 speċi ta' vertebrati ġew osservati fir-riżerva naturali (92 mammiferu, 399 għasfur, 55 ħuta, 53 rettilu u 37 anfibju), apparti l-4,365 speċi ta' insetti. F'dan id-distrett tal-forestrija jgħixu bosta speċijiet Ċiniżi.
Shennongjia fiha siti ta' interess xjentifiku għall-paleontologi wkoll. L-Għar tar-Rinoċeront fir-raħal ta' Hongping ġie deskritt mill-paleontologi Ċiniżi bħala l-iżjed sit b'rikkezza ta' fossili fil-pajjiż wara Zhoukoudian.[8]
Klima
[immodifika | immodifika s-sors]Shennongjia għandha klima subtropikali umduża u titqies bħala Cwa skont il-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen.
Data klimatika Shennongjia, elevazzjoni ta' 935 metru, temp. normali fl-1991–2020, temp. estremi fl-1981–2010 | |||||||||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
Xahar | Jan | Fra | Mar | Apr | Mej | Ġun | Lul | Aww | Set | Ott | Nov | Diċ | Sena |
Temp. għolja rekord °C (°F) | 19.8 (67.6) |
25.3 (77.5) |
30.7 (87.3) |
33.1 (91.6) |
35.3 (95.5) |
35.6 (96.1) |
37.1 (98.8) |
35.4 (95.7) |
36.9 (98.4) |
30.6 (87.1) |
25.8 (78.4) |
19.4 (66.9) |
37.1 (98.8) |
Medja massima kuljum °C (°F) | 6.4 (43.5) |
9.1 (48.4) |
14.2 (57.6) |
20.2 (68.4) |
23.5 (74.3) |
26.9 (80.4) |
29.0 (84.2) |
28.0 (82.4) |
23.5 (74.3) |
18.7 (65.7) |
13.9 (57.0) |
8.5 (47.3) |
18.5 (65.3) |
Medja kuljum °C (°F) | 1.1 (34.0) |
3.4 (38.1) |
7.8 (46.0) |
13.5 (56.3) |
17.2 (63.0) |
20.8 (69.4) |
23.2 (73.8) |
22.2 (72.0) |
18.0 (64.4) |
12.9 (55.2) |
7.8 (46.0) |
2.9 (37.2) |
12.6 (54.6) |
Medja minima kuljum °C (°F) | −2.6 (27.3) |
−0.5 (31.1) |
3.2 (37.8) |
8.2 (46.8) |
12.2 (54.0) |
16.0 (60.8) |
18.8 (65.8) |
18.2 (64.8) |
14.2 (57.6) |
9.1 (48.4) |
3.8 (38.8) |
−0.9 (30.4) |
8.3 (47.0) |
Temp. baxxa rekord °C (°F) | −14.0 (6.8) |
−10.5 (13.1) |
−6.3 (20.7) |
−2.3 (27.9) |
3.1 (37.6) |
7.7 (45.9) |
10.6 (51.1) |
10.0 (50.0) |
6.7 (44.1) |
−4.5 (23.9) |
−6.5 (20.3) |
−13.5 (7.7) |
−14.0 (6.8) |
Preċipitazzjoni medja cm (pulzieri) | 17.9 (0.70) |
19.6 (0.77) |
46.0 (1.81) |
73.0 (2.87) |
113.1 (4.45) |
132.3 (5.21) |
153.0 (6.02) |
160.8 (6.33) |
98.2 (3.87) |
80.7 (3.18) |
34.4 (1.35) |
22.9 (0.90) |
951.9 (37.46) |
Medja għall-jiem bil-preċipitazzjoni (≥ 0.1 mm) | 8.6 | 9.1 | 11.6 | 12.3 | 14.4 | 13.7 | 16.3 | 15.0 | 13.6 | 12.0 | 9.1 | 7.2 | 142.9 |
Medja għall-jiem bil-borra | 11.4 | 7.5 | 4.2 | 0.4 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0.2 | 2.0 | 6.9 | 32.6 |
Medja tal-umdità relattiva (%) | 69 | 69 | 68 | 68 | 72 | 75 | 80 | 81 | 81 | 79 | 73 | 68 | 74 |
Medja fix-xahar għas-siegħat bid-dawl tax-xemx | 109.8 | 103.7 | 136.2 | 154.8 | 164.1 | 164.3 | 183.6 | 183.1 | 137.5 | 130.8 | 124.2 | 116.0 | 1,708.1 |
Perċentwal għall-possibilità tax-xemx | 34 | 33 | 36 | 40 | 38 | 39 | 43 | 45 | 38 | 37 | 40 | 37 | 38 |
Sors: China Meteorological Administration |
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Shennongjia ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2016.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]
Ekonomija
[immodifika | immodifika s-sors]Id-distrett tal-forestrija huwa wieħed muntanjuż u bħalma jissuġġerixxi l-isem stess fih bosta foresti, li storikament wasslu biex il-forestrija tkun l-industrija prinċipali. Iktar minn 100,000 metru kubu ta' injam kien jiġi prodott fid-distrett kull sena mis-snin 60 sa 80 tas-seklu 20 (iktar minn 1,000,000 metru kubu (35,000,000 pied kubu) fis-snin 70 tas-seklu 20), iżda fl-aħħar tas-snin 90 tas-seklu 20, l-enfasi nbidlet mill-qtugħ tas-siġar għall-injam għall-konservazzjoni tal-foresti. Uffiċjalment, il-qtugħ tas-siġar fil-foresti naturali waqaf għalkollox f'Marzu tas-sena 2000.
Il-popolazzjoni żgħira tad-distrett tal-forestrija, meta mqabbla ma kontea tipika ta' Hubei ta' daqs simili, tfisser komparattivament ammont żgħir ta' agrikoltura; minkejja dan, id-distrett tal-forestrija jipprova jiddistingwi ruħu fid-dinja bħala produttur tat-te. Barra minn hekk, hemm operazzjonijiet tal-estrazzjoni fid-distrett kollu.
Bħal fil-kumplament tal-Punent muntanjuż tal-Provinċja ta' Hubei, bosta impjanti idroelettriċi żgħar jużaw l-enerġija tax-xmajjar u tan-nixxigħat ta' Shennongjia.
Bosta faċilitajiet turistiċi joperaw tul l-Awtostrada Nazzjonali taċ-Ċina Nru 209, b'mod partikolari fir-raħal ta' Muyu u fil-madwar.
Bħala medja, iż-żona hija komparattivament fqira, bi Prodott Domestiku Gross per capita li hu iktar baxx minn kwalunkwe unità fil-livell ta' prefettura tal-Provinċja ta' Hubei. Tabilħaqq, il-paragun dirett bejn Shennongjia u unità fil-livell ta' prefettura tal-Provinċja ta' Hubei bħal Yichang jew Huangshi tista' tkun qarrieqa, peress li kważi l-unitajiet kollha fil-livell ta' prefettura tal-Provinċja ta' Hubei għandhom qalba urbanizzata kbira (b'introjtu korrispondenti ogħla), filwaqt li Shennongjia ma għandhiex.
Trasport
[immodifika | immodifika s-sors]Ir-rotta prinċipali mit-Tramuntana għan-Nofsinhar tul id-distrett tal-forestrija hija l-Awtostrada Nazzjonali taċ-Ċina Nru 209 (G209), li madankollu mill-2009 għadha ma ttejbitx f'ħafna postijiet kemm fi ħdan id-distrett (fit-Tramuntana tad-daħla tal-park nazzjonali f'Yazikou) u fil-Kontea ta' Badong fin-Nofsinhar tagħha. Fil-prattika, il-biċċa l-kbira tal-viżitaturi jidħlu fid-distrett tal-forestrija mill-konfini tan-Nofsinhar tiegħu, u jivvjaġġaw tul awtostrada provinċjali minn Yichang, li tingħaqad mal-G209 qrib Gaoyang fil-Kontea ta' Xingshan. Din ir-rotta hija triq pavimentata sew, iddeżinjata bħala r-Rotta ta' Yi-Shen (Yichang-Shennongjia).
Ir-Rotta Provinċjali ta' Hubei Nru 307 (S307) tgħaddi mill-parti tal-Grigal tad-distrett tal-forestrija, mill-G209 fil-Lvant tar-raħal ta' Songbai u fil-Kontea ta' Baokang fil-qrib (parti mill-belt fil-livell ta' prefettura ta' Xiangyang).
F'Mejju 2021, Shennongjia ġiet ikkollegata man-network ta' veloċità għolja permezz tal-Expressway ta' Baoshen, fergħa tal-expressway G59.[9]
Minħabba l-art muntanjuża, id-distrett tal-forestrija ma għandux trasport ferrovjarju jew fuq l-ilma, u sa dan l-aħħar ma kellu l-ebda trasport bl-ajru. Minkejja l-art fraġli u mħarbta, il-kostruzzjoni tal-Ajruport ta' Shennongjia f'Hongping bdiet f'April 2011 b'investment ta' biljun yuan. L-ajruport jinsab fil-Punent tar-raħal ta' Hongping u nfetaħ f'Mejju 2014.[10]
Mitoloġija
[immodifika | immodifika s-sors]L-isem Shennongjia oriġina mill-isem tad-divinità mitoloġika/leġġendarja tal-Imperatur Shennong u jia, li tfisser sellum: jiġifieri litteralment, is-"sellum ta' Shennong". Dan l-isem ingħata minħabba sellum mitiku tar-rattan li l-Imperatur Shennong kien jingħad li kien juża biex jitla' u jinżel il-muntanja (iktar 'il quddiem, is-sellum jingħad li maġikament ittrasforma f'foresta folta).
Il-poplu ta' Shennongjia ppreserva l-Ġrajjiet Epiċi tad-Dlamijiet, li hija kollezzjoni ta' ġrajjiet u leġġendi taċ-Ċina primordjali f'poeżija epika.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Hubei Shennongjia". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-10-02.
- ^ "神农架林区历史沿革_区划地名网(行政区划网)". www.xzqh.org. Miġbur 2024-10-02.
- ^ Olson, David M.; Dinerstein, Eric; et al. (2001). "Terrestrial Ecoregions of the World: A New Map of Life on Earth". BioScience. 51 (11): 933–938. doi:10.1641/0006-3568(2001)051[0933:TEOTWA]2.0.CO;2. ISSN 0006-3568.
- ^ "Riżervi Naturali". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-10-02.
- ^ "What's wrong in Shennongjia? -- china.org.cn". www.china.org.cn. Miġbur 2024-10-02.
- ^ ZHAO, Chang-Ming; CHEN, Wei-Lie; TIAN, Zi-Qiang; XIE, Zong-Qiang (December 2005). "Altitudinal Pattern of Plant Species Diversity in Shennongjia Mountains, Central China". Journal of Integrative Plant Biology. 47 (12). Blackwell Publishing: 1431–1449. doi:10.1111/j.1744-7909.2005.00164.x. ISSN 1672-9072.
- ^ Ying, Jun-Sheng (2001). "Species diversity and distribution pattern of seed plants in China". Chinese Biodiversity. 9: 393–398.
- ^ Tong, Haowen; Wu, Xianzhu (2010). "Stephanorhinus kirchbergensis (Rhinocerotidae, Mammalia) from the Rhino Cave in Shennongjia, Hubei" (PDF). Chinese Science Bulletin. 55 (12): 1157–1168.
- ^ "沿着高速看中国丨保神高速正式通车 湖北实现"县县通高速"-新华网". m.xinhuanet.com. Miġbur 2024-10-02.
- ^ "神农架机场4月正式动工 从武汉起飞50分钟航程". web.archive.org. 2011-03-24. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-09-24. Miġbur 2024-10-02.