San Staniżlaw Martri
San Staniżlaw Martri (Szczepanow, Polonja, 26 ta' Lulju 1030 - Krakovja, Polonja, 11 ta' April 1079) huwa qaddis tal-Knisja Kattolika, ikkanonizzat mill-Papa Innoċenz IV fl-1253.
Imwieled minn ġenituri nobbli li għal ħafna żmien kienu bla tfal u li tawh trobbija reliġjuża tajba u ressquh bl-ezempju tagħhom lejn Alla. Meta kiber ġie ordnat saċerdot u mogħti kanonkat fil-katidral. Ħafna nies kienu jersqu lejn Alla minħabba l-prietki mqanqla tiegħu msaħħa b'ezempju tajjeb. Kemm il-poplu kif ukoll il-kleru kienu jfittxuh għall-pariri. Kien ġeneruż mal-foqra u mbotta ‘l quddiem ir-riformi religjuzi.
Isqof
[immodifika | immodifika s-sors]L-isqof ta’ Krakovja xtaq jirreżenja u jċedilu postu iżda Staniżlaw insista miegħu biex ma jiħux dan il-pass. Imma meta l-isqof miet, huwa intgħażel minfloku għalkemm aċċetta biss għax ordnalu l-Papa. Kien kkonsagrat isqof fl-1072. Baqa' bl-istess ħeġġa, jgħallem, jirriforma u benefattur ġeneruż tal-fqar. Dan l-isqof miet martri meta safa maqtul mir-re Boleslav li qatlu hu stess fil-katidral waqt li kien qed iqaddes. L-isqof Stanislaw safa vittma għax ried jaqdi id-dmir tiegħu ta' mexxej tal-erwieħ bl-aktar mod rett. Ir-re Boleslav kien ħataf mara ta' waħda min-nobbli tiegħu, u ħadha fil-palazz tiegħu. Dan kien skandlu kbir għan-nies tal-Polonja. Minkejja li Staniżlaw widdbu biex jindem, Boleslav baqa' kif kien u l-isqof skumnikah. Ir-re ma felaħx għal din l-umiljazzjoni u żvoga l-qilla tiegħu meta daħal fil-katidral u qatlu b'idejh stess wara li s-suldati li hu ordna biex ineħħulu ħajtu qalulu li ma setgħux jagħmlu dan għax Staniżlaw kien imdawwar b'dija kbira divina. San Staniżlaw huwa l-Qaddis Patrun tal-Polonja.