Aqbeż għall-kontentut

Rosalba Carriera

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Rosalba Carriera, awtoritratt 1715

Rosalba Carriera (7 ta' Ottubru, 1675 – 15 ta' April, 1757) kienet pittriċi Venezjana tal-istil rokokò. F'żgħożitha speċjalizzat fil-pittura tal-minjaturi. Aktar tard saret magħrufa għax-xogħol tagħha bil-pastelli, mezz li jaqbel sewwa mal-istil rokokò.

Rosalba Carriera twieldet Venezja u kellha żewġt aħwa bniet. Kienet prominenti u ammirata ħafna bħala ritrattista tar-rokokò Taljan. Il-familja tagħha kienet mill-klassi medju-baxxa ta' Venezja, u bdiet il-karriera artistika tagħha meta kienet tifla billi tpinġi l-mudelli għax-xogħol tal-bizzilla għal ommha, li kienet taħdem f'din is-sengħa. Hemm min isostni li l-pittur Venezjan ftit magħruf Giuseppe Diamantini taha l-ewwel tagħlim fuq it-teknika taż-żejt[1].

Meta t-tabakk beda jsir popolari, Carriera bdiet tpinġi l-minjaturi fuq l-għotjien tat-tabakkieri u kienet l-ewwel li użat l-avorju għal dan l-iskop. Ftit ftit dan żviluppa fil-pittura tar-ritratti u kienet pijuniera fl-użu tal-pastelli waħidhom għal dan ix-xogħol. Nies prominenti barranin li kienu jżuru l-belt ta' Venezja, pereżempju l-ulied żgħażagħ tan-nobbiltà fuq il-Grand Tour u d-diplomatiċi, kienu ħerqana li jitpinġew minnha[2]. Fost ir-ritratti li pinġiet fil-bidu insibu dawk ta' Massimiljanu II tal-Bavarja, ta' Federiku IV tad-Danimarka, tal-isbaħ 12-il mara tal-qorti Venezjani, tal-Artista u oħtha Naneta (Uffizi), u ta' Awgustu l-Qawwi tas-Sassonja, li ġabar kollezzjoni kbira ta' pastelli tagħha [3].

Sal-1721, meta Carriera għamlet l-ewwel vjaġġ tagħha għal Pariġi, kien sar hemm domanda kbira għar-ritratti mpinġijin minnha. Meta kienet Pariġi, bħala l-mistiedna tad-dilettant u kollettur tal-arti kbir, Pierre Crozat, pinġiet ritratti tal-pittur Watteau u tan-nies irjali u nobbli kollha mir-Re u r-Reġġent 'l isfel, u ġiet eletta membru tal-Akkademja b'akklamazzjoni[4]. Żewġ oħtha Angela, il-pittur Antonio Pellegrini li kien stmat ħafna, kien ukoll Pariġi dik is-sena. Pellegrini kien imqabbad minn John Law, finanzier u avventurier Ingliż biex ipinġi s-saqaf tal-Grand Salle fil-bini ġdid tal-bank tiegħu.

Oħtha l-oħra, Giovanna, u ommha kienu magħha Franza. Iż-żewġ ħutha, l-iżjed Giovanna, kienu jgħinuha tpinġi l-mijiet ta' ritratti li kienet mitluba tpinġi. Id-djarju ta' Carriera ta' dawn it-18-il xahar f'Pariġi ġie ppublikat aktar tard mill-ammiratur ħerqan tagħha, Antonio Zanetti fl-1793. Il-korrispondenza estensiva tagħha ukoll ġiet ippublikata[5]. Fl-1721 marret lura Venezja u żaret Modena, Parma, u Vjenna, u intlaqgħet b'entużjażmu kbir mill-mexxejja u l-qrati.

Aktar tard f'-ħajjitha, Carriera għamlet vjaġġ twil lejn il-qorti tal-Polonja. Ix-xogħlijiet li wettqet hemmhekk, aktar tard iffurmaw il-bażi tal-kollezzjoni kbira li hemm fil-Gemäldegalerie Alte Meister ta' Dresden. Fl-1705, inħatret "Accademico di merito" mill- Accademia di San Luca ta' Ruma, titlu riżervat għall-pitturi mhux Rumani.

Meta marret lura Venezja, Carriera kienet għadha immensament popolari u d-domanda għax-xogħol tagħha kienet għadha kbira (fil-fatti kienet hi li taqla' l-għixien tal-familja). Ir-ritratti tagħha kienu ta' sengħa kbira u juru 'l dak li jkun dejjem iżjed sabiħ, kienu kważi dejjem mill-qadd 'il fuq, bil-ġisem imdawwar ftit 'l hemm u r-ras tħares dritt lejn l-ispettatur. Carriera kellha ħila mhux tas-soltu biex tirrappreżenta t-tessuti u d-disinji fuq il-ħwejjeġ, biex fedelment toħloq mill-ġdid id-drappijiet, lazzijiet tad-deheb, il-bizzilla, il-pelliċji, il-ġojjelli, ix-xagħar u l-ġilda b'mod li jispikka l-istil tal-ħajja materjali lussuż tal-patruni influwenti tagħha.

Carriera nfisha ma kinitx mara sabiħa; l-awto-ritratti tagħha juruha b'wiċċ mhux attraenti wisq u b'imnieħer kbir u daqsxejn sfurmat. Però kienet magħrufa għall-ħlewwa tal-karattru tagħha u l-pulitizza u d-deċenza ta' lbisha, iżda kellha ukoll tendenza għad-dwejjaq u d-depressjoni, attribwiti minn xi wħud għall-fatt li qatt ma żżewġet. Fil-Prideaux Post, Padstow, Cornwall, hemm pittura affaxxinanti impinġija minn Carriera ta' Humphrey Prideaux, l-iben arketipiku tal-borgeżija għolja muri matul il-Grand Tour tiegħu, li wara l-gwarniċ tagħha, skont l-istorja, kien hemm moħbija ittra ta' mħabba minn Carriera għall-mudell. Kellha ħafna ħbieb irġiel li kienu jammiraw it-talent tagħha, iżda ħadd minnhom ma ried jiżżewiġha.

L-aħħar snin tal-ħajja twila ta' Carriera kienu traġiċi, billi għajnejha, forsi bil-ħsara li kienet għamlitilhom meta kienet tpinġi l-minjaturi f'żgħożitha, marru għal kollox u għamiet. Għamlet żewġ operazzjonijiet tal-katarretti imma dawn ma rnexxewx. Kienet l-aħħar waħda li mietet mill-familja tagħha u għaddiet l-aħħar snin ta' ħajjitha f'dar żgħira fl-inħawi ta' Dorsoduro f'Venezja fejn mietet.

  1. James R. Hobbes, Picture collector's manual adapted to the professional man, and the amateur (Manwal għall-kollettur tal-pittura adattat għall-professjonista u d-dilettant), T & W Boone, 29 Bond Street; Iddiġitat mill-Googlebooks paġna 74
  2. Rosalba Carriera minn Bernardina Sani, Umberto Allemandi et al. Ed. (1988), rivista minn Francis Russell, The Burlington Magazine (1989) paġna 857
  3. New International Encyclopedia, (Enċiklopedija Internazzjonali Ġdida)
  4. New International Encyclopedia
  5. Rosalba Carriera: lettere, diari, frammenti ta' Bernardina Sani, Leo S. Olschski ed., Firenze (1985), rivedut minn Francis Haskell fil-The Magazine Burlington,1987. paġni 122-123

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Neil Jeffares, Dictionary of pastellists before 1800, (Dizzjunarju tal-pastellisti ta' qabel l-1800), edizzjoni fuq l-internet
  • Rosalba Carriera fl-Artcyclopedia