Aqbeż għall-kontentut

Riżerva tal-Bijosfera Transkonfinali Ohrid-Prespa

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Ritratt bis-satellita tar-Riżerva tal-Bijosfera Transkonfinali Ohrid-Prespa

Ir-Riżerva tal-Bijosfera Transkonfinali Ohrid-Prespa (bil-Maċedonjan: Прекуграничен биосферен резерват „Охрид-Преспа“, b’ittri Rumani: Prekugraničen biosferen rezervat „Ohrid-Prespa“; bl-Albaniż: Oher – Prespe, Rezerve Ndërkufitare Biosfere) hija riżerva ta’ bijosfera li tinkludi ż-żoni tal-Lag ta’ Ohrid u tal-Lag ta’ Prespa fil-Maċedonja ta’ Fuq u fl-Albanija.[1]

Ir-riżerva ġiet iddikjarata f’Ġunju 2014 u tinkludi għadd ta’ korpi tal-ilma u żoni muntanjużi tal-madwar, li jkopru erja ta’ covering an area of 446,244.52 ettaru. In-naħa taż-żona tal-Lag ta’ Ohrid li tagħmel mal-Maċedonja ta’ Fuq ilha Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO mill-1979[2], filwaqt li n-naħa taż-żona tal-Lag ta’ Ohrid li tagħmel mal-Albanija ġiet estiża fl-2019 bħala parti mill-istess sit.[3]

Dikjarazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Iż-żona tar-Riżerva tal-Bijosfera Transkonfinali Ohrid-Prespa ġiet iddikjarata bħala riżerva ta’ bijosfera fil-11 ta’ Ġunju 2014 fis-sessjoni tal-kummissjoni internazzjonali tal-UNESCO li seħħet f’Jönköping, l-Iżvezja.[1] Il-proposta kienet tressqet mis-Segretarjat Bilaterali tal-Lag ta’ Ohrid, flimkien mal-kummissjonijiet nazzjonali tal-UNESCO tal-Maċedonja ta’ Fuq u tal-Albanija u l-Ministeri għall-Ambjent rispettivi tagħhom.

It-trota ta’ Ohrid

Ir-Riżerva tal-Bijosfera Transkonfinali Ohrid-Prespa tinkludi diversi ekosistemi, li jvarjaw miż-żoni muntanjużi madwar il-lagi, għall-foresti subtropikali miti f’altitudnijiet iktar baxxi madwar il-baċiri tal-ilma. Is-sistema tal-lagi Ohrid-Prespa hija waħda mill-ikbar fl-Ewropa. Iż-żewġ lagi jingħad li għandhom valur eċċezzjonali fil-livell nazzjonali u fil-livell internazzjonali minħabba li huma uniċi ġeoloġikament u bijoloġikament. Il-Lag ta’ Ohrid huwa rinomat għall-ispeċijiet endemiċi tiegħu (iktar minn 200), fosthom ħamsa li huma limitati għall-mikrosistemi fi ħdan il-lag innifsu. Għaxra mis-sbatax-il speċi ta’ ħut huma endemiċi, inkluż it-trota ta’ Ohrid (Salmo letnica).[1]

Hemm ukoll żoni forestali endemiċi u uniċi bħal dawk mimlijin bis-siġar taż-żnuber tal-Maċedonja ta’ Fuq (Pinus peuce).

Il-mammiferi jirrappreżentaw it-tieni l-iktar grupp importanti ta’ speċijiet fir-Riżerva tal-Bijosfera Transkonfinali Ohrid-Prespa, u l-protezzjoni tagħhom hija kruċjali għar-riżerva. Fost il-mammiferi hemm it-talpa tal-Balkani (Talpa stankovici), il-linċi tal-Balkani (Lynx lynx martinoi), il-lupu griż (Canis lupus), l-ors kannella (Ursus arctos) u oħrajn. Il-linċi tal-Balkani hija speċi partikolarment rari, u għaldaqstant għandha valur simboliku għoli. Speċi ta’ għasfur partikolari fiż-żona li ta’ min jissemma huwa l-pellikan tad-Dalmazji (Pelecanus crispus). Ir-reġjun ta’ Prespa fih madwar 260 speċi ta’ għasfur, u jirrappreżenta iktar minn nofs l-ispeċijiet ta’ għasafar fl-Ewropa. Xi 140 speċi jbejtu f’din iż-żona.[1]

Sit ta’ Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Parti ewlenija tar-Riżerva tal-Bijosfera Transkonfinali Ohrid-Prespa, preċiżament in-naħa taż-żona tal-Lag ta’ Ohrid li tagħmel mal-Maċedonja ta’ Fuq, ilha Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO mill-1979[2], filwaqt li n-naħa taż-żona tal-Lag ta’ Ohrid li tagħmel mal-Albanija ġiet estiża fl-2019 bħala parti mill-istess Sit ta’ Wirt Dinji mħallat (kulturali u naturali) imsejjaħ il-Wirt Naturali u Kulturali tar-Reġjun ta’ Ohrid.[3]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta’ erba’ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) “Rappreżentazzjoni ta’ kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem”, ladarba l-belt ta’ Ohrid hija waħda mill-eqdem insedjamenti umani fl-Ewropa bi fdalijiet kompluti minn Żmien il-Bronż sal-Medju Evu; il-kriterju (iii) “Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta’ tradizzjoni kulturali jew ta’ ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet”, ladarba s-sit huwa xhieda eċċezzjonali ta’ opri tal-arti ta’ żmien il-Biżantini, b’iktar minn 2,500 metru kwadru ta’ affreski u iktar minn 800 ikona ta’ fama dinjija, l-iktar fil-knejjes ta’ Santa Sofija, ta’ Marija Omm Alla ta’ Perivleptos u ta’ San Ġwann Kaneo; il-kriterju (iv) “Eżempju straordinarju ta’ tip ta’ bini, ta’ grupp ta’ siti jew ta’ pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”, ladarba fir-reġjun tal-Lag ta’ Ohrid hemm l-iktar monasteru Slavoniku antik u l-ewwel università Slavonika fil-Balkani – l-iskola letterarja ta’ Ohrid li firxet il-kitba, l-edukazzjoni u l-kultura fid-dinja Slavonika antika kollha; u l-kriterju (vii) “Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta’ ġmiel naturali u ta’ importanza estetika eċċezzjonali”, ladarba l-valuri distintivi tal-konservazzjoni tan-natura tal-Lag ta’ Ohrid, bi storja li tmur lura għaż-żminijiet preglaċjali, jirrappreżentaw fenomenu naturali superlattiv li għadu pjuttost intatt bis-saħħa tal-iżolament ġeografiku u l-attività bijoloġika bla interruzzjoni, u jagħti kenn lil diversi speċijiet endemiċi ta’ flora u ta’ fawna.[2]

Veduta tar-riżerva miż-żona muntanjuża biż-żewġ lagi jidhru

Karatteristiċi soċjoekonomiċi

[immodifika | immodifika s-sors]

Huwa stmat li r-Riżerva tal-Bijosfera Transkonfinali Ohrid-Prespa għandha popolazzjoni ta’ 455,000 ruħ, li tirrappreżenta żona ta’ diversità kulturali, etnika u reliġjuża. L-insedjamenti jinsabu biss fiż-żoni tranżizzjonali u jinkludu insedjamenti relattivament stabbli demografikament, filwaqt li żoni popolati oħra (speċjalment il-bliet ta’ Ohrid u Struga fix-xatt tal-Lag ta’ Ohrid tal-Maċedonja ta’ Fuq u Pogradec fl-Albanija), jilqgħu diversi eluf ta’ viżitaturi matul l-istaġun turistiku.

Fl-Albanija, l-attività ekonomika prinċipali tal-popolazzjonijiet lokali hija l-biedja, li għadha preżenti fiż-żona tranżizzjonali u f’xi partijiet taż-żona ta’ lqugħ. Dan l-aħħar, l-industrija tal-ipproċessar tal-ikel esperjenzat żvilupp sinifikanti (speċjalment f’Korçë), b’mod parallel mal-agrikoltura tradizzjonali, u dan wassal biex jiġu stabbiliti insedjamenti ġodda.

L-iktar settur importanti ta’ żvilupp fiż-żona tar-riżerva huwa s-settur primarju. F’bosta żoni, azjendi agrikoli żgħar ta’ unitajiet domestiċi individwali qed jiġu sostitwiti b’tip ta’ produzzjoni iktar intensiva (bħall-għelieqi bis-siġar tal-frott fiż-żona ta’ Resen). F’xi partijiet muntanjużi, il-forestrija hija wkoll attività ekonomika sinifikanti. It-tgħammir tal-bhejjem huwa importanti wkoll fir-reġjun transkonfinali kollu.

It-turiżmu huwa l-qasam ewlieni ta’ żvilupp tar-riżerva tal-bijosfera transkonfinali kollha. Il-belt ta’ Ohrid waħedha tilqa’ għadd kbir ta’ viżitaturi fl-istaġun turistiku, li huwa sitt darbiet iktar mill-popolazzjoni nattiva (42,000 ruħ).

Is-sajd huwa attività ewlenija oħra b’impatti ekoloġiċi u ekonomiċi fuq iż-żewġ lagi.[1]

Insedjamenti ewlenin

[immodifika | immodifika s-sors]

Maċedonja ta’ Fuq

[immodifika | immodifika s-sors]
  1. ^ a b ċ d e "Ohrid-Prespa | United Nations Educational, Scientific and Cultural Organization". www.unesco.org. Miġbur 2021-03-30.
  2. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Natural and Cultural Heritage of the Ohrid region". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-30.
  3. ^ a b "Celebrating the extension of the Ohrid Region World Heritage site in Albania". IUCN (bl-Ingliż). 2019-07-29. Miġbur 2021-03-30.