Rivoluzzjoni Franċiża
Dan l-artiklu għandu bżonn jiġi wikifikat biex jaqbel mal-istandard tal-Wikipedija. B'mod partikolari, dan l-artiklu huwa nieqes minn referenzi għal sorsi esterni li jivverifikaw il-fatti u perspettivi dwar is-suġġett. Jekk jogħġbok għin biex ittejjeb dan l-artiklu skont il-konvenzjonijiet tal-Wikipedija. |
Ir-Rivoluzzjoni Franċiża (1789–1799) kienet perjodu ta' diżordni soċjali u politika fl-istorja ta' Franza, li matulu l-istruttura governattiva Franċiża, li qabel kienet taħt forma ta' monarkija assoluta bi privileġġi fewdali għall-aristokrazija u l-kleru Kattoliku, inbidlet radikalment għal forom ibbażati fuq il-prinċipji tal-Illuminiżmu dwar in-nazzjonaliżmu, iċ-ċittadinanza, u drittijiet "naturali".
Dan it-tibdil ġab miegħu disturbi vjolenti li jinkludu l-proċess u l-eżekuzzjoni tar-re, it-tixrid ta' demm u s-soppressjoni matul ir-Renju tat-Terrur, u gwerer li kienu jinvolvu qawwiet oħra Ewropej. Fost il-ġrajjiet oħra ta' wara li setgħu kienu r-riżultat tar-Rivoluzzjoni hemm il-Gwerer Napoleoniċi, żewġ restawrazzjonijiet separati tal-monarkija, u żewġ rivoluzzjonijiet oħra hija u tifforma Franza moderna.
Fis-seklu ta' wara, Franza kienet iggvernata bħala repubblika, dittatura, monarkija kostituzzjonali, u żewġ imperi differenti.
Kawżi
[immodifika | immodifika s-sors]- Biex tapprofondixxi, ara l-artiklu: Kawżi tar-Rivoluzzjoni Franċiża.
Is-segwaċi tal-parti kbira mill-mudelli storiċi jidentifikaw ħafna mill-istess karatteristiċi tal-Ancien Régime fost il-kawżi tar-Rivoluzzjoni. Fatturi ekonomiċi kienu jinkludu l-għaks u l-malnutrizzjoni qalb il-popolazzjoni fqira tal-pajjiż, minħabba prezzijiet ogħla tal-ħobż, wara snin ta' ħsad fqir tal-qamħ. Il-ħsad ħażin (ikkawżat ukoll mit-temp aħrax), il-prezzijiet dejjem jogħlew tal-ikel, u sistema mhux adegwata għat-trasport tal-prodotti minn żoni rurali għaċ-ċentri b'popolazzjonijiet ikbar affettwaw bil-kbir l-istabbilità tas-soċjetà Franċiża fis-snin li ppreċedew ir-Rivoluzzjoni.
Raġuni oħra kienet li l-istat kien jinsab f'pożizzjoni ekonomika diżastruża kawża tal-involviment ta' Franza fi gwerer preċedenti. Lwiġi XV kien iġġieled diversi gwerer, li bihom wassal lil Franza qrib il-falliment, u Lwiġi XVI appoġġja l-kolonjalisti matul ir-Rivoluzzjoni Amerikana, u hekk tefa' lura l-kundizzjoni prekarja tal-finanzi tal-gvern. Dan mar għall-agħar bit-telf ta' kolonji fl-Amerika ta' Fuq u t-tisħiħ fl-att kummerċjali tar-Renju Unit. Is-sistema finanzjarja ineffiċjenti u antikwata ma setgħetx tamministra d-dejn nazzjonali, ħaġa li kienet kemm ikkawżata u intensifikata mill-piż tas-sistema tat-taxxi.
Barra minn hekk, f'għajnejn in-nies Versailles kien jidher bħala iżolat u indiffirenti għat-tbatija tal-klassijiet il-baxxi. Minkejja li teorikament ir-Re Lwiġi XVI kien monarka assoluta, fil-prattika kien ta' karattru dgħajjef u kien influwenzat malajr meta affaċċjat minn oppożizzjni b'saħħitha. Minkejja li rnexxielu jnaqqas l-infiq tal-gvern, l-oppożizzjoni fil-parlements xejnet kull attentat ta' riforma. Dawn li kienu kontra l-politika ta' Lwiġi dgħajjfu iktar l-awtorità rjali billi xerrdu pamfleti (li ħafna drabi kienu jinkludu informazzjoni żbaljata jew esaġerata) li kienu jikkritikaw il-gvern u l-uffiċjali tiegħu.
Fatturi u raġunijeit oħra kienu lkoll affettwati mill-miġja tal-ideali tal-Illuminiżmu. Dawn kienu jinkludu l-animożità lejn l-assolutiżmu rjali; animożità min-naħa tal-foqra, il-ħaddiema u l-klassi tal-professjonisti lejn il-privileġġi tradizzjoni tan-nobbli; animożità lejn l-influwenza tal-Knisja fuq il-politika u l-istituzzjonijiet pubbliku; aspirazzjonijiet għal-libertà tat-twemmin; l-eżasperazzjoni tal-kleru miż-żoni rurali lejn l-isqfijiet aristokratiċi; xewqa kbira għal ugwaljanza soċjali, politika u ekonomika, u (speċjalment meta bdiet sejra l-quddiem ir-rivoluzzjoni) għar-repubblikaniżmu; stmerrija lejn ir-Reġina Marie Antoinette, li b'mod skorret kienet ġiet akkużata li kienet tonfoq ħafna u li kienet spija Awstrijaka; u rabja lejn ir-Re talli keċċa lil Jacques Necker u lil Anne Robert Jacques Turgot minn kunsillieri finanzjarji, hekk kif dawn kienu meqjusa min-nies bħala rappreżentanti tal-poplu
Qabel ir-Rivoluzzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Kriżi finanzjarja
[immodifika | immodifika s-sors]Lwiġi XI tela' fit-tron qalb kriżi finanzjarja; il-pajjiż kien qrib il-falliment u kull sena kien qed jikber l-iżbilanċ bejn id-dħul u l-ħruġ. Dan kien minħabba l-involviment ta' Franza kemm fil-Gwerra tas-Seba' Snin u l-parteċipazzjoni fir-Rivoluzzjoni Amerikana.[1] F'Mejju tal-1776, il-Ministru tal-Finanzi Turgot tkeċċa wara li ma baqax favorit. Is-sena ta' wara, inħatar bħala Direttur-Ġenerali tal-Finanzi l-Iżvizzeru Jacques Necker. Hu ma ġiex inkarigat bħala ministru minħabba li kien Protestant u ma setax isir ċittadin naturalizzat Franċiż. Necker fehem li s-sistema tat-taxxa tal-pajjiż ma kinitx qed titmexxa b'mod ġust; numru kbir ta' privileġġi kienu jeżistu għan-nobbli u l-kleru. Hu argumenta li l-pajjiż ma setax jiġi ntaxxat aktar, li n-nobbli u l-kleru ma jkunux dispensati mit-taxxi, u ppropona li l-problemi fiskali tal-pajjiż setgħu jiġu solvuti biss permezz tas-self. Necker ippubblika rapport biex l-istqarrija tiegħu, li kienet tistima li d-defiċit kien se jkun ta' madwar 36,000 livres, iqawwiha u ppropona li jiġi ristrett il-poter tal-parlement fuq l-ispiża. Dawn il-proposti xejn ma ntlaqgħu tajjeb mill-ministri tar-Re, u Necker, li kien qed jittama li jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu, argumenta li jkun aċċettat bħala ministru. Ir-Re irrifjuta; Necker tkeċċa u minfloku daħal Charles Alexandre de Calonne.
Calonne għall-bidu beda jonfoq liberament, però mal-ewwel induna bis-sitwazzjoni finanzjarja kritika u ppropona kodiċi ġdida tat-taxxi. Il-proposta kienet tinkludi taxxa konsistenti fuq l-art, li kienet tinkludi taxxa fuq in-nobbli u l-kleru, u l-laqgħa tal-Istati Ġenerali ġiet ippjanata għal Mejju tal-1978. Dan kien sinjal li l-monarkija ta' Borbon kienet iddagħjfet u kienet suġġetta għal dak li jgħid il-poplu.
Stati Ġenerali tal-1789
[immodifika | immodifika s-sors]L-Istati Ġenerali kienet organizzata fi tliet stati, rispettivament: il-kleru, in-nobbli, u l-kumplament ta' Franza. Il-Parlement ta' Pariġi beża' li l-gvern jipprova jimmanipola lil assemblea biex jikseb il-voti. B'hekk, huma kellhom bżonn li l-Istati jiġu rranġati bħal fl-1614: kull "Stat" kellu vot wieħed, u kwalunkwe żewġ stati setgħu jegħlbu lit-tielet wieħed. Ir-regoli tal-1614 kienu differenti minn dawk tal-assemblei lokali, fejn f'dawn tal-aħħar kull membru kellu vot wieħed u l-isħubija mat-tielet stat kienet irduppjata. F'Dauphiné l-istati qablu li: jirduppjaw it-tielet stat, li jżommu elezzjonijiet ta' sħubija, u li jagħtu vot kull persuna. Il-"Kumitat tat-Tletin", grupp ta' liberalisti minn Pariġi, argumentaw li l-Istati Ġenerali għandha timplimenta l-istess mekkaniżmu wżat f'Dauphiné. Huma kienu jemmenu li n-nies huma s-sovrani. Necker għaqqad it-Tieni Assemblea tan-Notabbli, li irrifjutat il-mozzjoni ta' rappreżentazzjonijiet doppja b'vot ta' 111 għal 333. Ir-Re, madanakollu, fis-27 ta' Diċembru qabel mal-proposta; imma hu ħalla d-diskussjoni fuq il-piż ta' kull vot lill-Istati Ġenerali stess.
L-elezzjonijiet saru fir-rebbiegħa tal-1789. Id-dritt tal-vot ingħata lil dawk li kellhom aktar minn 25 sena u li kienu jħallsu aktar minn 6 livres f'taxxi. Kien hemm numru kbir ta' votanti li pproduċew 1,201 delegat, li kienu jinkludu 291 nobbli, 300 kleru, u 610 membri tat-Tielet Stat. Biex jidderiġi lid-delegati, il-"Kotba tal-oġġezzjonijiet" (cahiers de doléances) ġew magħmula biex jiġu elenkati l-problemi. Il-kotba artikulaw ideat li sa xhur qabel kienu jidhru bħala radikali. Madanakollu, ħafna kienu favur is-sistema ta' monarkija. Ħafna assumew li l-Istati Ġenerali kienu se japprovaw taxxi futuri, u li l-ideali tal-Illuminiżmu kienu relattivament rari. Pamfletti minn kleru u nobbli liberali bdew jixterdu wara li tnaqqset iċ-ċensura tal-istampa. L-Abbé Sieyès argumentaw fuq l-importanza tat-Tielet Stat fil-pamflet Qu'est-ce que le tiers état? (X'inhu t-Tielet Stat?), ippubblikat f'Jannar tal-1789. Dan kien jgħid: "X'inhu t-Tielet Stat? Kollox. X'ġara s'issa fl-ordni politika? Xejn. Xi trid tkun? Xi ħaġa.[2]
L-Istati Ġenerali ltaqgħu f'Versailles fil-5 ta' Mejju 1789 u fetħu b'diskors ta' tliet sigħat ta' Necker. It-Tielet Stat staqsew biex mozzjoni għandha tgħaddi wara diskussjoni bħala grupp, imma n-negozjati mal-istati l-oħra naqsu li jagħmlu dan. In-nies ordinarji appellaw lill-kleru li rrispondew li kellhom bżonn aktar ħin. Necker asserta li kull stat għandu jivverifika l-kredenzjali u li "r-re kellu jservi bħala [persuna] arbitrarja". Madanakollu, in-negozjati maż-żewġ stati l-oħra ma kienux ta' suċċess hekk kif kemm il-kleru u l-maġġoranza tan-nobbli baqgħu jsostnu l-mozzjoni ta' votazzjoni skont l-ordni.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ SparkNotes (ed.). "France's Financial Crisis: 1783–1788". Parametru mhux magħruf
|aċċess=
injorat (forsi ridt tuża|data-aċċess=
minflok) (għajnuna) - ^ Doyle, The French Revolution: A very short introduction, pġ. 38