Riżervi tal-Katina Muntanjuża ta' Talamanca-La Amistad
Ir-Riżervi tal-Katina Muntanjuża ta' Talamanca-La Amistad, magħrufa wkoll bħala l-Park Internazzjonali ta' La Amistad (bl-Ispanjol: Parque Internacional La Amistad) jew qabel bħala l-Park Nazzjonali ta' La Amistad, huma żona protetta transfruntiera fl-Amerka Latina, u l-ġestjoni tagħhom hija kondiviża bejn il-Costa Rica (iż-Żoni ta' Konservazzjoni ta' La Amistad fil-Karibew u fil-Paċifiku) u l-Panama, abbażi ta' rakkomandazzjoni tal-UNESCO wara li tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1983.[1] Il-park u r-riżervi ta' bijosfera tal-madwar huma fost l-iżjed żoni ta' konservazzjoni straordinarji fl-Amerka Ċentrali, u jippreservaw medda kbira ta' foresti tropikali mhux mittiefsa. Huma magħrufa għall-bijodiversità u għall-endemiżmu straordinarji tagħhom.
Il-Park Internazzjonali ta' La Amistad huwa maqsum b'mod indaqs bejn il-Costa Rica u l-Panama, bħala parti mill-eks Riżervi ta' La Amistad. Il-park jipproteġi parti kbira mill-katina muntanjuża ta' Talamanca, magħrufa wkoll bħala Cordillera de Talamanca, inkluż l-ogħla punt fil-Costa Rica, Cerro Chirripó. Ikopri 401,000 ettaru ta' foresti tropikali u huwa l-ikbar riżerva naturali fl-Amerka Ċentrali; flimkien ma' żona ta' lqugħ ta' 15-il kilometru, jirrappreżenta riżorsa kbira ta' bijodiversità fuq livell reġjonali (bejn wieħed u ieħor 20 % tad-diversità tal-ispeċijiet tar-reġjun) u fuq livell globali. Dan huwa rrikonoxxut abbażi tal-pożizzjoni strateġika tiegħu fil-Kuritur Bijoloġiku Mesoamerikan u d-deżinjazzjoni tiegħu bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1] Il-pożizzjoni transfruntiera tiegħu tagħtih potenzjal uniku biex jittejjeb l-ippjanar bijoreġjonali. Iż-żona ta' lqugħ tal-park tinkludi l-artijiet tal-produtturi tal-kafè u taċ-ċanga, kif ukoll tal-bdiewa indiġeni. Tliet tribujiet indiġeni – it-tribujiet Naso, Bribri u Ngöbe-Buglé – jgħixu wkoll fi ħdan il-park. Dawn il-popli indiġeni jgħixu f'villaġġi tradizzjonali żgħar.
Bijodiversità
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Park Internazzjonali ta' La Amistad huwa uniku fl-Amerka Ċentrali u joħroġ fid-dieher sinjali tal-glaċjazzjoni Kwaternarja. Il-glaċjazzjonijiet ripetuti u l-iżolament topografiku wasslu għal diversità straordinarja fil-ħabitats fi ħdan il-park, u dan iffavorixxa rati għoljin ta' bijodiversità u ta' speċijiet. Iktar minn 10,000 pjanta li jarmu l-fjuri ġew deskritti fi ħdan il-park, flimkien ma' 215-il speċi ta' mammiferi, bejn wieħed u ieħor 250 speċi ta' rettili u anfibji, u 115-il speċi ta' ħut tal-ilma ħelu.
Ħames speċijiet ta' felini kbar jimirħu fil-park: pumas, ocelots, margaj, ġagwari, u ġagwarundi. Il-park jipproteġi wkoll ħabitat kritiku għal bosta speċijiet fil-periklu, bħax-xadini Ateles geoffroyi ornatus, it-tapiri tal-Amerka Ċentrali, u ż-żrinġijiet velenużi Oophaga speciosa. Mill-inqas seba' speċijiet ta' anfibji jgħixu biss fi ħdan il-konfini tal-park, fosthom is-salamandra ta' Chiriquí. Il-park fih 600 tip ta' għasfur, inkluż il-bagħal tat-tliet għalliet, il-quetzal, l-isponsun isfar ħadrani, u l-għasfur tal-umbrella ta' għonqu bla rix.[2] Il-park ġie ddeżinjat bħala Żona Importanti tal-Għasafar mill-BirdLife International peress li jsostni popolazzjonijiet sinifikanti ta' bosta speċijiet ta' għasafar.[3]
Minħabba l-art imħarbta tiegħu, il-park baqa' relattivament mhux esplorat u l-uniċi esplorazzjonijiet xjentifiċi sostanzjali li saru fil-fond tal-park ġew immexxija mill-Mużew tal-Istorja Naturali ta' Londra, mill-INBio u mill-Università tal-Panama bejn l-2003 u l-2008. Fl-2006, l-Inizjattiva ta' Darwin tar-Renju Unit iffinanzjat proġett kollaborattiv ta' tliet snin immexxi mill-Mużew tal-Istorja Naturali ta' Londra, mill-INBio (il-Costa Rica) u mill-ANAM (il-Panama).[4] L-għan tal-inizjattiva kien li tiġi ġġenerata informazzjoni bażika dwar il-bijodiversità tal-park u li din tiġi mmappjata. Dan kien jinvolvi sensiela ta' seba' spedizzjonijiet multidixxiplinari u internazzjonali lejn partijiet remoti tal-Park Internazzjonali ta' La Amistad, u matulhom instabu iktar minn 7,500 pjanta, 17,000 ħanfusa u 380 ġabra erpetoloġika u ġew depożitati fil-kollezzjonijiet nazzjonali tal-Costa Rica u tal-Panama. Dawn l-ispedizzjonijiet wasslu wkoll għall-iskoperta ta' 12-il speċi ta' pjanti, speċi waħda ta' ħanfusa tad-demel, 15-il speċi ta' anfibji, u tliet speċijiet ta' rettili li ma kinux magħrufa għax-xjenza.[5]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Ir-Riżervi tal-Katina Muntanjuża ta' Talamanca-La Amistad ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1983.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; il-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti"; il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ d "Talamanca Range-La Amistad Reserves / La Amistad National Park - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-01-06.
- ^ Ponce, M.; Navarro, D.; Batista, A. (2022). "A new salamander of the genus Bolitoglossa (Caudata: Plethodontidae) from the highlands of western Panama". Zootaxa. 5129 (4): 543–556. doi:10.11646/ZOOTAXA.5129.4.4. PMID 36101121.
- ^ "La Amistad International Park (Panama) IBA | Summary | BirdLife International". datazone.birdlife.org. Miġbur 2025-01-06.
- ^ "Darwin Initiative project on the biodiversity of La Amistad". web.archive.org. Arkivjat mill-oriġinal fl-2019-04-03. Miġbur 2025-01-06.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Hogan, C. Michael (2008). "Isthmian-Atlantic_moist_forests. Encyclopedia of Earth. National Council of Science and the Environment, ed. Cutler Cleveland". editors.eol.org.