Aqbeż għall-kontentut

Riżerva Naturali tas-Suriname Ċentrali

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Veduta minn Voltzberg.

Ir-Riżerva Naturali tas-Suriname Ċentrali (bl-Olandiż: Centraal Suriname Natuurreservaat (CSNR)) hija unità ta' konservazzjoni fis-Suriname u tippreserva żona ta' forestra pluvjali tropikali li tinsab f'kundizzjoni mhux mittiefsa.[1]

Ir-Riżerva Naturali tas-Suriname Ċentrali nħolqot fl-1998 minn Conservation International u l-gvern tas-Suriname permezz tal-fużjoni ta' tliet riżervi naturali eżistenti: Ralleighvallen, Tafelberg u Eilerts de Haan.[2] Tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000 bis-saħħa tal-ekosistema mhux mittiefsa bil-foresti pluvjali tropikali.[1]

Il-foresti ngħataw appoġġ materjali mill-kofundatur tal-Microsoft Jeff Harbers.

Iċ-ċpar ta' filgħodu tal-foresta pluvjali primarja fil-Gżira ta' Fungu.

Ir-riżerva naturali tinsab fl-ekoreġjun tal-foresti bl-indewwa tal-Guyana.[3] Fiha erja ta' 16,000 kilometru kwadru (6,200 mil kwadru) ta' foresti tropikali primarji muntanjużi u tal-artijiet baxxi, inkluż sezzjonijiet tal-Artijiet Għoljin tal-Guyana.

Hija magħrufa għax-xmajjar bil-kurrent rapidu u għall-ispeċijiet differenti ta' għasafar, inkluż il-cock-of-the-rock tal-Guyana (Rupicola rupicola). Fir-riżerva ġew identifikati iktar minn 5,000 pjanta differenti, mammiferi kbar bħall-ġagwar, l-armadillo ġgantesk, u tmien speċijiet ta' primati. Hemm ċentru tar-riċerka fil-bażi ta' Voltzberg u l-inħawi huma attrazzjoni turistika.[4]

Uħud mill-iżjed karatteristiċi straordinarji tar-Riżerva Naturali tas-Suriname Ċentrali huma diversi "koppli" tal-granit – monoliti olzati tal-granit ferm ogħla mill-foresta pluvjali tropikali tal-madwar. Il-wiċċ bla veġetazzjoni tal-granit ta' lewn skur huwa espost għall-impatt tax-xemx u b'hekk ħoloq bijotopu kserofitiku uniku li jinkludi wkoll speċijiet ta' pjanti endemiċi. L-iżjed koppla tal-granit magħrufa hija magħrufa bħala Voltzberg, b'għoli ta' 245 metru.[5]

Attrazzjonijiet oħra jinkludu Julianatop (1,230 metru), l-ogħla muntanja fis-Suriname, Tafelberg (1,026 metru), Hendriktop (908 metri), Van Stockumberg (360 metru), u Duivelsei (litteralment Bajda tax-Xitan), li hija blata apparentement ibbilanċjata fix-xifer ta' muntanja.[6]

Il-muntanji Eilerts de Haan ingħataw kunjom Johannes Gijsbert Willem Jacobus Eilerts de Haan, li kien esploratur li miet fuq in-naħa ta' ġewwa tas-Suriname.[7]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Ir-Riżerva Naturali tas-Suriname Ċentrali ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]

  1. ^ a b ċ d "Central Suriname Nature Reserve - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2024-12-15.
  2. ^ "Central Suriname Nature Reserve | TEAM Network - Early Warning System for Nature". web.archive.org. 2017-05-20. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2017-05-20. Miġbur 2024-12-15.
  3. ^ "Global Species : Ecoregion : Guianan moist forests". web.archive.org. 2017-03-17. Arkivjat mill-oriġinal fl-2017-03-17. Miġbur 2024-12-15.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  4. ^ "Nature reserves of Suriname". web.archive.org. 2016-04-18. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-04-18. Miġbur 2024-12-15.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  5. ^ "Voltzberg | Wondermondo". www.wondermondo.com (bl-Ingliż). 2010-08-20. Miġbur 2024-12-15.
  6. ^ "Hoogtelijn nummer 3 juni 2011 by Koninklijke NKBV - Issuu". issuu.com (bl-Ingliż). 2011-06-13. Miġbur 2024-12-15.
  7. ^ Albert Helman (1980). Het eind van de kaart (bl-Olandiż). Amsterdam: De Arbeiderspers. p. 38. ISBN 902951907X.