Riżerva Naturali ta’ Yulen
Ir-Riżerva Naturali ta’ Yulen (bil-Bulgaru: Юлен) hija riżerva naturali fil-Park Nazzjonali ta’ Pirin li huwa Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO.[1] Din ir-riżerva tinsab fil-katina muntanjuża ta’ Pirin fil-Lbiċ tal-Bulgarija, fil-Muniċipalità ta’ Bansko, fil-Provinċja ta’ Blagoevgrad. Ir-Riżerva Naturali ta’ Yulen ġiet iddikjarata bħala riżerva naturali fis-26 ta’ Awwissu 1994 biex jiġi ssorveljat it-tkabbir ta’ speċijiet ta’ pjanti Alpini mingħajr l-influwenza tal-bniedem, kif ukoll biex jiġu protetti speċijiet rari ta’ pjanti u ta’ annimali. Ir-riżerva għandha territorju ta’ 3,156 ettaru jew 31.56 km2.[2]
Ġeografija
[immodifika | immodifika s-sors]Ir-Riżerva Naturali ta’ Yulen tinsab f’altitudni ta’ bejn 1,600 metru u 2,851 metru. Il-blat fit-territorju tar-riżerva huwa l-iktar granit u gneiss, iżda hemm ukoll blat karbonat. Ir-riżerva hija rikka fir-riżorsi tal-ilma u tipproteġi għadd ta’ lagi glaċjali, bħal-Lagi ta’ Vasilashki, il-Lagi ta’ Tipitski, il-Lagi ta’ Gazeyski, il-Lagi ta’ Polezhanski u oħrajn li huma sors ta’ ilma ta’ diversi xmajjar. Il-klima tar-riżerva hija Alpina minħabba l-altitudni għolja. It-tipi ta’ ħamrija preżenti l-iktar fir-riżerva huma prinċipalment il-ħamrija forestali kannella u l-ħamrija tal-mergħat Alpini.[3]
Flora
[immodifika | immodifika s-sors]Il-flora tar-Riżerva Naturali ta’ Yulen tikkonsisti minn iktar minn 700 speċi ta’ pjanti vaskulari; 44 minnhom huma inklużi fil-Ktieb l-Aħmar tal-Bulgarija (tal-ispeċijiet rari jew mhedda).[4] Uħud mill-ispeċijiet importanti li jinsabu fir-riżerva huma t-Trollius europaeus, l-Anemone narcissiflora, l-Aquilegia aurea, l-Isoetes lacustris (l-uniku post fil-Bulgarija fejn tokkorri din il-pjanta), ir-Rhynchocorys elephas, il-Carex rupestris, eċċ. Hemm relitti glaċjali bħall-Empetrum nigrum u s-Sibbaldia procumbens.[3]
Hemm foresti antiki b’siġar tal-arżnu Maċedonjan (Pinus peuce), tal-arżnu Skoċċiż (Pinus sylvestris), tal-abit tan-Norveġja (Picea abies) u tal-abit abjad Ewropew (Abies alba), kif ukoll gruppi iżolati ta’ siġar tal-arżnu tal-Bożnija (Pinus heldreichii).[3]
Fawna
[immodifika | immodifika s-sors]L-iktar mammiferi tipiċi fir-Riżerva Naturali ta’ Yulen huma l-ors kannella, il-lupu griż u l-kamoxx. Hemm ukoll diversi għasafar ta’ importanza għall-konservazzjoni tal-ispeċi, fosthom il-bulewż tat-tikek, iċ-ċinkonja, is-serduq selvaġġ tal-Punent, il-ħaġla Alpina, l-alwetta tal-qrun, l-ajkla irjali, l-isparvier tal-ħamiem, eċċ. F’żoni li jintlaħqu iktar mix-xemx jgħixu wkoll il-viperi komuni Ewropej. Ix-xmajjar u wħud mil-lagi glaċjali għandhom popolazzjonijiet abbundanti ta’ trota kannella.[3]
Monumenti
[immodifika | immodifika s-sors]Fit-territorju tar-Riżerva Naturali ta’ Yulen hemm fortizza antika. Il-fortizza tinsab madwar 12-il kilometru mir-raħal ta’ Bansko. Permezz tal-iskavi u tas-sejbiet arkeoloġiċi, nistgħu ngħidu li l-fortizza nbniet qabel żmien l-Imperu Ruman. Il-fortizza hija twila kważi 100 metru u hija wiesgħa bejn 25 u 40 metru. L-uniċi fdalijiet viżibbli tal-fortifikazzjoni huma sezzjoni żgħira tal-ħitan tat-Tramuntana.[3]
Sit ta’ Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Ir-Riżerva Naturali ta’ Yulen tagħmel parti mill-Park Nazzjonali ta’ Pirin li ġie ddeżinjat bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1983.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta’ tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) “Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta’ ġmiel naturali u ta’ importanza estetika eċċezzjonali”; il-kriterju (viii) “Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta’ art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti”; u l-kriterju (ix) “Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta’ ekosistemi u ta’ komunitajiet ta’ pjanti u ta’ annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar”.[1]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Pirin National Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-27.
- ^ "Регистър на ЗТ и ЗЗ". pdbase.government.bg. Miġbur 2021-04-27.
- ^ a b ċ d e UNEP-WCMC (2017-05-22). "PIRIN NATIONAL PARK". World Heritage Datasheet (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-27.
- ^ "Езерен шилолист :: Червена Книга на Република България". e-ecodb.bas.bg. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2017-12-07. Miġbur 2021-04-27.