Aqbeż għall-kontentut

Riżerva Naturali ta' Okapi

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Ir-Riżerva Naturali ta' Okapi

Ir-Riżerva Naturali ta' Okapi (bil-Franċiż: Réserve de faune à okapis) hija riżerva tal-organiżmi selvaġġi fil-Foresta ta' Ituri fil-Grigal tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, qrib il-fruntieri mas-Sudan t'Isfel u l-Uganda.[1] B'erja ta' madwar 14,000 km2, ir-riżerva tkopri kważi 20 % tal-erja tal-foresta. Fl-1996, ir-Riżerva Naturali ta' Okapi tniżżlet fis-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bis-saħħa tal-popolazzjoni kbira ta' okapis mhedda u l-bijodiversità kbira inġenerali.[2]

Ir-riżerva naturali tkopri madwar 20 % tal-erja totali tal-Foresta ta' Ituri. Bħala refuġju tal-perjodu Plejstoċen, il-foresta fiha bosta siġar ħorfija u semiħorfija, l-iktar is-siġar Mbau (Gilbertiodendron dewevrei). Ix-xmajjar Nepoko, Ituri u Epulu jnixxu fi ħdan ir-riżerva mdawra b'foresti bl-imraġ. L-irdumijiet tal-granit fit-Tramuntana tar-riżerva jħarsu l-ħabitat kritiku għall-Encephalartos ituriensis, speċi mhedda ta' ċikadi.

Minħabba l-klima relattivament stabbli matul id-diversi eri glaċjali, ir-riżerva naturali, u l-Foresta ta' Ituri inġenerali, tipproteġi komunità bijoloġika unika. Kif jimplika isimha, ir-riżerva tospita bosta okapis. Mill-1996, l-għadd kien stmat li kien jammonta għal 3,900-6,350 individwu, minn popolazzjoni globali ta' madwar 10,000-20,000 individwu. Fl-1996 kien hemm madwar 7,500 iljunfant u 7,500 chimpanzee fi ħdan ir-riżerva, għalkemm dawk in-numri x'aktarx li naqsu b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar snin minħabba l-insib u l-instabbiltà politika.[3]

Mammiferi oħra identifikati fi ħdan ir-riżerva jinkludu l-leopard, il-buflu tal-foresti, ix-chevrotain tal-ilma, il-bongo, l-għażżiel nanu ta' Bates, u l-ħanżir selvaġġ ġgantesk tal-foresti. Il-Foresta ta' Ituri tospita 17-il speċi ta' primati li ġew osservati fi ħdan ir-riżerva, u b'hekk ir-riżerva fiha l-ogħla għadd ta' speċijiet ta' primati qalb il-foresti Afrikani.

Ir-riżerva fiha iktar minn 370 speċi ta' għasafar, u hija waħda mill-iżjed siti importanti għall-konservazzjoni tal-għasafar fl-Afrika kontinentali. Bosta mill-ispeċijiet ta' għasafar fir-riżerva huma endemiċi għall-Baċir tal-Kongo, inkluż il-pagun tal-Kongo li jinsab fil-periklu ta' estinzjoni.

Il-muntanja imponenti ta' Mbiya tinsab fl-isfond tal-villaġġ ta' Epulue, u fi ħdan ir-riżerva jgħixu wkoll il-pigmej Mbuti u l-bdiewa Bantu nomadiċi.

Ir-Riżerva Naturali ta' Okapi nħolqot bl-għajnuna tal-Proġett ta' Konservazzjoni tal-Okapi fl-1992. Il-proġett għadu jappoġġa r-riżerva permezz tat-taħriġ u l-armar tal-gwardji tal-organiżmi selvaġġi, kif ukoll bl-għoti ta' assistenza biex tittejjeb il-ħajja tal-komunitajiet ġirien. Ir-Riżerva Naturali ta' Okapi żdiedet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-periklu fl-1997. It-theddidiet prinċipali tar-riżerva huma d-deforestazzjoni, ikkawżata primarjament mill-agrikoltura tat-tqaċċit u tal-ħruq, u mill-kaċċa kummerċjali għall-bejgħ tal-laħam tal-annimali tar-riżerva. L-estrazzjoni tad-deheb kienet problematika wkoll għar-riżerva. Mill-2005, il-ġlieda fil-parti tal-Lvant tal-pajjiż resqet fi ħdan il-konfini tar-riżerva, u b'hekk il-persunal tagħha kellu jaħrab jew jiġi evakwat. In-nuqqas ta' finanzjament minħabba l-kundizzjonijiet politiċi u ekonomiċi batuti tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo kien problematiku wkoll. It-tama hi li t-turiżmu ekoloġiku jista' jiżviluppa fl-inħawi, u b'hekk iwassal għal żieda fil-finanzjament u sensibilizzazzjoni mtejba tal-pubbliku.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Ir-Riżerva Naturali ta' Okapi ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[2]

Konservazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Fir-riżerva naturali hemm iċ-Ċentru tal-Konservazzjoni u tar-Riċerka ta' Epulu, max-xmara Epulu. Din il-faċilità tmur lura għall-1928 meta l-kamp ġie stabbilit mill-antropologu Amerikan Patrick Putnam bħala post tal-qbid, fejn l-okapis fis-selvaġġ kienu jinqabdu u jintbagħtu lejn iż-żu Amerikani u Ewropej. Sal-2012 iċ-ċentru kien għadu jintuża għal dan l-għan, għalkemm b'metodoloġija differenti ferm, peress li l-okapis kienu jinżammu fil-Kongo. Fl-2012, attakk tar-ribelli wassal għall-qtil tal-okapis maqbuda u ġie deċiż li l-enfasi tingħata b'mod esklużiv (mill-inqas sakemm kien għad hemm tħassib rigward is-sigurtà) fuq il-preservazzjoni tal-okapis selvaġġi fir-riżerva. Iċ-ċentru jwettaq ukoll xogħol importanti ta' riċerka u ta' konservazzjoni.[4]

Estrazzjoni tad-deheb

[immodifika | immodifika s-sors]

Mill-2015 kien hemm impjant tal-estrazzjoni artiġjanali tad-deheb f'Muchacha fi ħdan ir-riżerva li kien jimpjega madwar 8,000 ruħ. L-impjant tal-estrazzjoni kien immexxi minn fazzjoni pjuttost organizzata ta' ribelli, Mai-Mai Simba, li kellha l-għan li teħles il-popolazzjoni lokali mir-restrizzjonijiet dwar l-użu tal-art tar-riżerva. Il-gwardjan tar-riżerva, il-Kurunell Lucien Gedeon Lokumu ħabbar l-operazzjoni Safisha biex jeħles ir-riżerva mill-forzi ribelli u mill-operazzjonijiet tal-estrazzjoni.

Rapport ta' Ġunju 2021 mill-Grupp ta' Esperti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo qajjem it-tħassib dwar il-preżenza ta' operazzjonijiet semiindustrijalizzati tat-tħammil 12-il kilometru fin-Nofsinhar ta' Bandegaido, fi ħdan ir-Riżerva Naturali ta' Okapi. L-estrazzjoni kienet issir fi ħdan il-Kumpless ta' Ming f'Muchacha (MMC) li huwa kopert minn permess mir-reġistru tal-art għall-estrazzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, ta' sjieda tan-negozjant Ċiniż Kong Maohuai għan-nom ta' MCC Resources. Il-kumpanija Kimia Mining Investment sarl kienet qed topera fl-impjant tal-estrazzjoni. L-estrazzjoni hija illegali fir-riżerva, u t-truppi tal-FARDC kienu inkarigati biex jgħassu s-sit tal-estrazzjoni, kontra l-liġi tal-Kongo.

Iktar 'il quddiem, l-awtoritajiet tal-Kongo ħabbru s-sekwestru ta' 31 kilogramma tad-deheb (b'valur ta' madwar $1.9 miljun) minn dan l-impjant ta' Muchaha. Mill-2022, organizzazzjonijiet mhux governattivi bħall-Kunsill għad-Difiża Ambjentali permezz tal-Legalità u t-Traċċabbiltà (CODELT) u l-Alerte Congolaise pour l’Environnement et les Droits de l’Homme (ACEDH) tefgħu l-ħtija fuq l-operazzjonijiet tal-estrazzjoni li skonthom qerdu l-foresti tropikali mhux mittiefsa fi ħdan ir-riżerva.

Attakki tar-ribelli

[immodifika | immodifika s-sors]
Okapi.

Fl-24 ta' Ġunju 2012, iċ-Ċentru tal-Konservazzjoni u tar-Riċerka ta' Epulu ġie attakkat, insterqu xi oġġetti minn ġo fih u ngħata n-nar minn grupp ta' ribelli Mai-Mai, taħt it-tmexxija ta' Paul Sadala (magħruf ukoll bil-psewdonimu ta' Morgan) u magħmul minn nassaba tal-iljunfanti u minaturi illegali. Matul l-attakk, 13 mill-14-il okapi fiċ-ċentru nqatlu (l-aħħar wieħed miet iktar 'il quddiem minħabba l-feriti li ġarrab matul l-attakk) u nqatlu wkoll sitt irġiel, inkluż żewġ rangers tar-riżerva. Bosta nies lokali oħra, uħud minnhom minorenni, inħatfu, iżda ġew meħlusa kollha iktar 'il quddiem. Fil-bidu ta' Awwissu, is-sitwazzjoni tas-sigurtà ttejbet bis-saħħa tat-truppi tal-armata tal-Kongo u l-gwardji mill-Awtorità tal-Organiżmi Selvaġġi tal-Kongo, u bdew it-tħejjijiet għat-tiswijiet fiċ-ċentru. Bis-saħħa tad-donazzjonijiet minn madwar id-dinja kollha, iċ-ċentru reġa' nbena sena wara l-attakk.

Fl-14 ta' Lulju 2017, sar attakk ieħor fis-sezzjoni tar-riżerva qrib Mambasa, x'aktarx minn ribelli Mai-Mai. Il-ġurnalisti barranin (tnejn Brittaniċi u wieħed Amerikan) u diversi rangers lokali tar-riżerva ħelsuha ħafif, iżda ħames impjegati lokali tar-riżerva (erba' għassa u insegwitur tal-annimali) inqatlu. Diversi persuni fost ir-ribelli nqatlu wkoll.[5]

  1. ^ "21 amazing World Heritage Sites you've probably never heard of" (bl-Ingliż). 2016-02-04. Miġbur 2024-02-09.
  2. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Okapi Wildlife Reserve". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-09.
  3. ^ Somers, Michael; Beyers, Rene L.; Hart, John A.; Sinclair, Anthony R. E.; Grossmann, Falk; Klinkenberg, Brian; Dino, Simeon (2011). "Resource Wars and Conflict Ivory: The Impact of Civil Conflict on Elephants in the Democratic Republic of Congo - The Case of the Okapi Reserve". PLOS ONE. 6 (11): e27129.
  4. ^ "A year after devastating attack, security returns to the Okapi Wildlife Reserve (photos)". Mongabay Environmental News (bl-Ingliż). 2013-09-09. Miġbur 2024-02-09.
  5. ^ "Kidnapped US journalist in DR Congo found safe, five wardens killed - France 24". web.archive.org. 2017-07-16. Arkivjat mill-oriġinal fl-2017-07-16. Miġbur 2024-02-09.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)