Rasputin

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
Rasputin-Big-photos-2-crop.jpg

Grigorij Efimovič Rasputin (Novyj) (bir-Russu: Григо́рий Ефи́мович Распу́тин (Но́вый)), magħruf l-iżjed bħala Rasputin (Pokrovskoye, 22 ta' Jannar 1869 – San Pietruburgu, 17 ta' Diċembru 1916)[1] kien patri Russu. Grigorij Rasputin twieled f'belt żgħira fis-Siberja fejn ken jgħix ta' gabillot sakem iddeċieda li jidħol patri. Kiseb fama tant kbira għall-qawwa li jfejjaq il-morda li ġie mistieden bosta drabi fil-qorti taz-Zar Nikola II, l-aħħar Zar tar-Russja. F'waħda minn dawn l-okkażżjonijiet ġie ppreżentat liz-Zarina Aleksandra Fëdorovna Romanova, li baqgħet sedotta għal kollox bil-qawwa li biha Rasputin irnexxielu jsalva l-ħajja tal-eredi għat-trono, binha, Aleksej Nikolaevič Romanov li kien ibati bl-emofilja. Minn dak il-mument 'l hemm iz-Zarina saret taħlef b'Rasputin għal qawwa li kellu biex ifejjaq u b'hekk il-patri Siberjan tant kiseb poter fil-gvern u fost in-nobbiltà Russa li għamel ħafna għedewwa fost il-prinċpijiet qawwijin bħal Feliks Jusupov, li ordna l-qtil tiegħu.

Iż-żogħżija[editja]

Rasputin twieled fir-raħal ta' Pokrovskoye, (Russu: Покровское) fil-provinċja ta' Tobol'sk fis-Siberja minn Efim Jakovlevič Vilkin u Anna Vasil'evna Paršukova.[2]

Għal ħafna snin kien jgħix il-ħajja normali tal-gabillotti Siberjani, jaħdem ir-raba', irabbi ż-żwiemel u jagħmilha ta' sewwieq taż-żwiemel. Mindu kien tifel wera ġibda għall-ispiritwalità u għall-mistiċiżmu ossessiv, fenomenu li fir-realtà kien komuni u ilu mifrux għal sekli twal fost in-nies tar-Russja ċentrali li qatt ma kienu raw l-oppressjoni tas-servitù tal-gleba bħal ma ġara fil-kampanja tar-Russja Ewropea. Wara li żżewweġ u kellu tlett ulied, imma kien għadu żagħżugħ, mar fuq pellegrinaġġi twal li fl-aħħar wassluh għal Muntanja Athos. Fl-1905 wasal fil-qorti taz-zar Nikola II. Kien issusspettat li kien membru tas-setta tal-Khlysti, kongregazzjoni moħbija ta' orġijastiċi kontra l-eċċessi ta' sekolarità tal-Knisja ortodossa u mbagħad li ħa sehem fil-Moviment nazzjonalista tar-Russi veri. Minkejja n-nuqqas ta' edukazzjoni għamel xibka ta' relazzjonijiet ta' livell għoli ħafna li fi ftit żmien wasslitu fil-qorti fejn ġab miegħu il-fama tal-qawwiet xamaniċi tiegħu.

L-influwenza fuq il-familja Romanov[editja]

Il-marda taz-zarevič[editja]

Kien proprju minħabba l-fama tiegħu ta' fejjieq li ġie f'kuntatt ma' nies qrib il-familja imperjali, bit-tama li seta' jkun ta' għajnuna biex itaffi emofilja mingħajr tama ta' fejqan li kellu Aleksej, iċ-ċkejken zarevič. Fl-ewwel laqa' Rasputin irnexxielu jkollu xi effett fuq it-tfajjel marid, tant li z-zar u z-zarina ħallewh iżur iżjed u iżjed spiss id-dar tagħhom, li kienu jżommu privata ħafna, li kienet fi-park ta' Carskoe Selo. Skont teorija waħda, Rasputin irnexxieu jwaqqaf il-kriżijiet emolitiċi ta' Aleksej permezz ta' tip ta' ipnożi li naqqas taħbit il-qalb tat-tfajjel, u hekk tbaxxietlu l-pressjoni tad-demm. Skont ipoteżi oħra, it-tobba tal-qorti kienu qegħdin jippruvaw ifejqu l-emofilja taz-zarevič permezz tal-aspirina li, waqt li min-naħa waħda kienet qiegħda ttaffi l-uġiegħ artikolari, min-naħa l-oħra kienet qiegħda tagħmel agħar l-emorraġiji kkawżati mill-emofilja. Meta Rasputin neħħilu l-aspirina Aleksej mar għall-aħjar u l-mertu ħadu Rasputin.

Ta' min isemmi x'ġara fit-12 ta' Ottobru 1912. Dakinhar irċieva telegramma minn Pietrugrad mill-familja rjali li għarrfitu bi-kriżi gravi li kellu z-zarevič li kien qiegħed imut: "It-tobba iddisprati. It-talb tiegħek hu l-unika tama li għandna". Jgħidu li Rasputin intefa' jitlob għal sigħat sħaħ f'daru fis-Siberja u intilef mid-dinja. Meta waqaf jitlob bagħat telegramma lill-familja rjali li fiha żgurhom bil-fejqan taċ-ċkejken, ħaġa li seħħet fi ftit sigħat, wara jiem sħaħ ta' kura medika għa xejn.

Rasputin imdawwar minn grupp ta' viżitaturi fl-appartament tiegħu ta' San Pietruburgu. Fost il-klijenti tiegħu jidhru membri importanti tal-gvern u tas-soċjetà għolja Russa. Is-sinjura bilwieqfa, t-tielet mix-xellug, hi Anna Vyrubova, ħabiba tal-qalb u konfidenti taz-zarina Alessandra.

Il-poter fi-belt kapitali[editja]

Il-kariżma mistika tiegħu eżerċitat fuq il-familja Romanov, b'mod partikuari fuq iz-zarina Alessandra, influwenza tant qawwija li kien hemm ħafna għajdut dwar l-imġiba tiegħu man-nisa tal-aristoktazija li li l-koppja rjali giddbu regolarment u xi drabi anki kkastigaw li dawk li kienu qegħdin jaqilgħuhom bil-ħerqa.Rasputin, barra li jagħti t-tama lill-familja imperjali dwar il-possibbiltà ta' fejqan tat-tfajjel Aleksej, deher li kien jissodifa x-xewqat l-iżjed intimi tagħhom. Billi kien iben sempliċi tar-raħħala, kien jrrappreżenta dak li Nikola II u Aleksandra Fëdorovna kienu dejjem xtaqu, kuntatt dirett mal-poplu Russu awtentiku, mingħajr l-indħil ta' etiketta u konvenzjonijiet soċjali.

Wara li Rasputin stabilzza ruħu fil-belt kapitali, minħabba l-influenza enormi li kellu maz-zarina, malajr inħolqot madwaru xibka wiesgħa ta' persunaġġi u politiċi importanti. Għal dawn hu kien jinterċedi maz-zarina u huma kienu lesti li jpattuhulu billi jissodifaw it-talbiet tiegħu għal eluf ta' nies li kienu jirrikorru għandu. Mill-kampanja kienu jiġu gabillotti u ħaddiema biex jitolbuh l-għajnuna u biex jidħol għalihom, tant li l-appartament tiegħu kien ikun dejjem iffullat matul il-jum u t-telefonu ma kiena jaqta' jċempel. Minn idejn Rasputin kienu jgħaddu mijiet ta' rubli, li kien iqassam li dawk li jitobuh. Kienu jitolbuh flus, impjieg u anki tgergir mill-bdiewa kontra l-propjetarji kbar u hu bili l-persunaġġi tas-soċjetà għolja kien jafulu fil-maġġoranza tal-każi kien jirranġalhom.

Il-bqija tal-kwantità enormi ta' flus nefaqha, kif jixhdu ir-rapporti tal-pulizija, f'postijiet ta' billejl u f'laqgħat fil-banjijiet pubbliċi ma' nisa ta' kull klassi u età. Hemm hafna leġġendi fuq iż-żina insazjabbli tiegħu. L-istampa kienet tippubblika kontinwament rakkonti skabrużi ta' fantasija fuq l-iljieli leġġendarji u kibru l-għajdut mhux biss fuq dotazzjoni kbira imma wkoll dwar relazzjoni maz-zarina li kienet dejjem miċħuda u kienet improbabbli. Però ġie pruvvat li maż-żmien, kiseb iżjed u iżjed influwenza fuq iz-zarina li kienet interessata mill-mistiċiżmu u kien jibgħatilha messaġġi iżjed spissi b'pariri perentorji ta' karattru morali, reliġjuż u politiku.

Rasputin u l-gwerra[editja]

Rasputin f'fotografija tal- 1914

Fl-1914, meta bdiet l-Ewwel Gwerra Dinjija, Rasputin oppona bil-qawwa d-dħul tar-Russja fil-gwerra, u bassar li ħa jkun hemm katastrofi enormi għan-nies tar-raba', li ħa jmutu bl-eluf. Madankollu ma setax jeżerċita l-influwenza tiegħu fuq iz-zar, għax kien hemm attentat fuq ħajtu fir-raħal tiegħu fit-28 ta' Ġunju, l-istess jum tal-qti ta' Sarajevo. Bagħat biss telegramma ddisprata liz-zar u z-zarina:

Nemmen, nittama fil-paċi. Qegħdin iħejju għemil orribbli, imma aħna mhux ħa nieħdu sehem fih.

—Telegramma tad-19 ta' Luju 1914

Iz-Zar qattgħu il-messaġġ. F'dawk l-istess ġranet it-tentattivi għal ftehim bejnu u kuġinuh il-Kaiser tal-Germanja fallew għaliex il-ministru tal-Gwerra Russu rnexxielu jikseb miz-Zar il-mobilitazzjoni totali matul il-fruntiera Europea kollha tar-Russja, u l-Germanja kellha tagħmel l-istess mossa u tagħti spinta il-formazzjoni tal-alleanzi li wasslet għall-isplużjoni tal-konflitt Europew.

Fl-1915, meta z-zar telaq għal fuq il-front, id-denunzji ta' Rasputin, kontra l-indħil tal-ministri u funzjonarji oħra fit-traffiku illegali tal-armi u l-ispekulazzjoni fuq l-artijiet għad-dannu tal-bdiewa, żdiedu. Iz-zarina, li z-zar ħallielha l-poter f'idejha f'Pietruburgu, imxiet mal-pariri kontinwi tiegħu u għamlet bidliet dizastruzi li ħadd ma kien jistennihom fil-quċċata tal-gvern fil-mument (matul l-ewwel gwerra dinjija) li fih l-assenza taz-zar mill-politika interna, kienet teħtieġ gvern sod.

Hemm suspett, forsi mhux bla raġuni, li kellu effett fuq id-deċiżjonijiet taz-zar u z-zarina fil-politika (b'mod partikolari fid-direzzjoni ta' politika paċifista u ħbiberija mal-Ġermanija, pajjiż iz-Zarina li r-relazzjonijiet miegħu kienu teżi). F'ċertu punt kien akkużat ukoll bil-korruzzjoni u għalhekk żamm ruħu inbiegħed mir-reżidenza imperjali taz-zar. Però, il-kondizzjoni taċ-ċkejken Aleksej marret għall-agħar, u allura z-zarina iddeċiediet li terġa' tmur għandu. It-tweġiba tiegħu kienet li l-kondizzjoni ta' binha ħa titjib anki mingħajr il-preżenza tiegħu, ħaġa li veru ġrat.

Fl-1916, meta kienet fl-aqwa tagħha l-kriżi tal-gvern - li Rasputin stess bix-xibka ta' klienti li kellu kien għen biex joħloq - u meta -fortuna tal-armati Russi fuq il-front orjentali kienet nieżla u tiela', il-granduka Dmitrij Pavlovič, il-prinċep Feliks Feliksovič Jusupov u d-deputat konservattiv Vladimir Mitrofanovič Puriškevič, ikkonfoffaw li jassassinawh.

Il-mewt[editja]

Mewtu kienet romanzeska daqs ħajtu. Kien avvelenat biċ-ċjanur waqt ikla għand Feliks Jusupov, imma billi kellu reżistenza tal-għaġeb għall-aqwa velenu, il-konfoffaturi ddeċidew li jisparawlu. Minkejja li ħallewh avvelenat sewwa u milqut b'tir ta' pistola f'ġenbu, Rasputin reġa' stenbaħ u allura sparawlu f'dahru u waqt li kaxkruh lejn il-kanċell tal-bitħa, qatluh b'tir fuq xbinu.

Il-katavru intefa' fix-xmara Neva, u reġa' tfaċċa l-għada. Skont ir-riżulati tal-awtopsja (li saret fl-20 ta' Diċembru mill-Professur Kosorotov), ħaġa tal-iskantament il-ġisem ma kien fih l-ebda traċċi ta' velenu u għalhekk xi storiċi jiddisputaw il-mod kif miet. X'aktarx iċ-ċjanur meta tħallat maz-zokor tal-ħlewwiet żviluppa f'cjanidrini li jistgħu jittieklu u ma javvelinawx. Fil-pulmuni sabulu l-ilma, jiġifieri minkejja l-velenu u t-tiri tal-pistola Rasputin intefa' fl-ilma meta kien għadu ħaj. Rasputin wara indifen, imma ġismu aktar tard inqala' mill-qabar u inħaraq ma' ġenb it-triq. Ma damux ma ttieħu passi kontra l-parteċipanti fil-konfoffa imma minħabba il-politika fil-palazz ma sar l-ebda proċess.

Jusupov ntbagħat fl-"eżilju fil-kampanja". Għall-ewwel jidher li Dmitrij Pavlovič mar l-agħar għax intbagħat il-Persja biex jiġġieled fuq il-front. Però b'ċajta biżarra tad-destin, filwaqt li ħafna mill-membri tal-monarkija kienu arrestati fir-Rivoluzzjoni Russa fl-1917, l-eżilju tal-Granduka Dmitrij taħ ċans li jkun wieħed mill-ftit Romanov li ħarbu għal barra l-pajjiż.

Rasputin fiċ-ċinema[editja]

Il-filmografija maħluqa madwar il-ġrajja ta' Rasputin hi tant vasta li wieħed ma jistax joqgħod fuqha mill-punto di vista storjografiku, għalhekk inwissu li wieħed ma jieħux letteralment l-avventuri rrakkontati fil-films li ġejjin, li l-parti l-kbira minnhom ma' espożizzjoni onesta ta' persunaġġ storiku tant kompless, żiedu traspożizzjoni rumanzata tal-fatti.

  • Rasputin, the Black Monk (1917)
  • La danzatrice rossa (The Red Dance) (1928)
  • Rasputins Liebesabenteuer (1928)
  • Rasputin, Dämon der Frauen (1932)
  • Rasputin and the Empress, reġija ta' Richard Boleslawski (1932)
  • La tragédie impériale, reġija ta' Marcel L'Herbier (1938)
  • Raspoutine reġija ta' Georges Combret (1954)
  • Rasputín (1958) Film għat-TV
  • Les nuits de Raspoutine (1960)
  • Rasputin (1966) Film TV
  • Rasputin: The Mad Monk reġija ta' Don Sharp (1966)
  • J'ai tué Raspoutine (1967)
  • Why Russians Are Revolting (1970)
  • Nicholas and Alexandra (1971)
  • Agoniya (1981)
  • Rasputin - Orgien am Zarenhof (1984)
  • The Successor (1996)
  • Rasputin, reġija ta' Uli Edel - Film għat-TV (1996)
  • Anastasia (1997) animazzjoni
  • Rasputin: The Devil in the Flesh (2002) Film għat-TV
  • Killing Rasputin (2003)
  • Hellboy (2004)
  • Rasputin, reġija ta' Louis Nero (2011)
  • Il caso Rasputin,(2011)


Referenzi[editja]

  1. ^ 10 ta' Jannar 1869 – 16 ta' Diċembru 1916 skont il-kalendarju Ġuljan
  2. ^ Fl-arkivju ta' Tobol'sk hemm ir-registri parrokkjali tal-knisja ta' Omm Alla ta' Pokrovoskoe, fejn tgħammed. Hemm insibu miktubin xi wħud minn ħutu iżgħar minnu li kollha kienu mietu. Ir-reġistri tas-snien ta' wara l-1869 tferrxu, imma nistgħu insibu d-data preċiża ta' twelidu miċ-ċensiment fl-arkivju ta' Tjumen' fejn hi riportata li kienet l-10 ta' Jannar 1869 (kalendarju Ġuljan), il-festa ta' San Girgor. Rasputin stess ħoloq din il-konfużżjoni dwar id-data ta' twelidu. Kien ixejjaħ lilu n-nifsu b'xi snin (f'xi każi b'5 snin) biex jidher iżjed bħala Starec, jew xiħ venerabbli tal-Knisja Ortodossa.

Ħoloq Esterni[editja]