Pythagoreion
Il-Pythagoreion huwa sit arkeoloġiku tal-belt antika ta' Samos f'Samos, il-Greċja. Is-sit jinsab fl-inħawi tal-belt moderna ta' Pythagoreio, u minnu oriġina isem il-belt moderna. Is-sit arkeoloġiku fih monumenti Griegi u Rumani antiki kif ukoll mina famuża tal-qedem, magħrufa bħala l-Mina ta' Eupalinos jew l-Akkwedott ta' Eupalinos. Flimkien mal-Heraion ta' Samos, il-Pythagoreion tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1992 bħala xhieda tal-importanza kulturali, militari u ekonomika ta' Samos fi żmien il-qedem u fil-Greċja Klassika bikrija.[1]
Storja u deskrizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]L-iżjed sejbiet arkeoloġiċi bikrin fis-sit imorru lura għar-raba' millenju Q.K., matul żmien in-Neolitiċi. Madankollu, l-insedjament beda għall-ħabta tas-seklu 15 Q.K., meta l-Minoani kkolonizzaw il-gżira ta' Samos. Wara l-Gwerra ta' Trojja, l-importanza navali u ekonomika ta' Samos kibret sa ma laħqet il-quċċata tagħha fis-seklu 6 Q.K. Għalkemm inħakmet mill-Persjani ftit wara, il-belt baqgħet ċentru kummerċjali influwenti sas-seklu 3 W.K.
Il-belt antika hija mdawra minn fortifikazzjonijiet li jmorru lura għall-Perjodu Klassiku, jiġifieri għall-ħabta tas-sekli 5 u 4 Q.K. L-iskavi fil-belt stess ħarġu fid-dieher il-pjanta tat-toroq tal-belt antika, inkluż sistema tad-dranaġġ u binjiet pubbliċi kif ukoll reliġjużi. Barra minn hekk, il-fdalijiet ta' binjiet Rumani nstabu u għadhom fis-sit, inkluż agora, banjijiet pubbliċi, stadium, u djar residenzjali.
Dan l-aħħar inbena mużew tas-sit li jinsab fiċ-ċentru tal-belt moderna. Fih hemm għall-wiri iktar minn 3,000 oġġett li jippreżentaw l-evoluzzjoni kulturali tal-belt antika ta' Samos u tal-inħawi rurali tal-madwar mir-raba' millenju Q.K. sas-seklu 7 W.K.[2]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Pythagoreion u l-Heraion ta' Samos ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1992.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[1]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Pythagoreion and Heraion of Samos". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-04-20.
- ^ Programs, Directorate of Archaeological Museums, Exhibitions and Educational. "Archaeological Museum of Pythagoreion | Directorate of Archaeological Museums, Exhibitions and Educational Programs". Greek Archaeological Museums (bl-Ingliż). Miġbur 2024-04-20.