Aqbeż għall-kontentut

Pressjoni tad-demm

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Sfigmomanometru, strument li jkejjel il-pressjoni arterjuża

Il-Pressjoni tad-demm (Ptad-D) hi l-pressjoni li jeżerċita d-demm fuq il-ħitan tal-kanali tad-demm meta jkun qiegħed jiċċirkola, u hi waħda mis-sinjali vitali (jew ta' ħajja) ewlenin. Ma' kull taħbita tal-qalb il-Ptad-D tvarja bejn pressjoni massima (sistolika) u minima (dijastolika). Il-Ptad-D medja, dovuta għat-taħbit tal-qalb u r-reżistenza fil-kanali tad-demm, tonqos meta d-demm li jkun jiċċirkola jgħaddi mill-arterji u jitbiegħed mill-qalb. Tonqos l-iżjed fl-arterji ż-żgħar u l-arterjoli, u tibqa' tonqos meta d-demm jgħaddi mill-kapillari u lura lejn il-qalb mill-vini[1]. Il-gravità, il-valvoli fil-vini u l-ippumpjar mill-kontrazzjoni tal-muskoli skeletali jinfluwenzaw ukoll il-Ptad-D f'bosta postijiet fil-ġisem.

It-terminu pressjoni tad-demm is-soltu jirreferi għall-pressjoni meta titkejjel fil-parti ta' fuq ta' driegħ ta' persuna. Titkejjel fuq ġewwa tal-minkeb fuq l-arterja brakjali, li hi l-usa' kanal fil-parti ta' fuq tad-driegħ li jġib id-demm mill-qalb. Il-Ptad-D ta' bniedem is-soltu nesprimuha billi ngħatu l-pressjoni sistolika u l-pressjoni dijatolika, pereżempju 120/80.

Klassifikazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Din il-klassifikazzjoni li ġejja tapplika għal adulti ta' tmintax-il sena u 'l fuq. Hi bbażata fuq il-medja tal-qari tal-Ptad-D ta' pazjenti bilqiegħda imkejla sewwa waqt żewġ żjarat jew iżjed fil-klinika[2][3].

Klassifikazzjoni tal-pressjoni tad-demm fl-adulti
Kategorija sistolika, mmHg dijastolika, mmHg
Ipotensjoni
< 90
< 60   
Normali
 90 – 119
u 60 – 79   
Preipertensjoni
120 – 139
jew 80 – 89  
L-ewwel fażi tal-Ipertensjoni
140 – 159
jew 90 – 99  
It-tieni fażi tal-Ipertensjoni
160 – 179
jew 100 – 109
Kriżi Ipertensiva
≥ 180
jew ≥ 110

Filwaqt li l-valuri medji għall-pressjoni arterjuża jistgħu jiġu kkalkulati għal popolazzjoni partikolari, sikwit ikun hemm varjazzjoni kbira minn persuna għall-oħra; il-pressjoni arterjuża tvarja wkoll fl-individwi minn mument għall-ieħor. Barra minn hekk, il-medja ta' popolazzjoni partikolari jista' jkollha korrelazzjoni mas-saħħa ġenerali tagħha, b'hekk ir-rilevanza ta' valuri medji bħal dawn huwa dubjużi. Madankollu, fi studju ta' 100 suġġett bla ebda storja magħrufa ta' pressjoni għolja, instabet il-Ptad-D tad-demm medja ta' 112/64 mmHg,[4] li huma l-valuri normali.

Diversi fatturi jinfluwenzaw il-Ptad-D medja ta' persuna u l-varjazzjonijiet. Fatturi bħall-età u s-sess[5] jinfluwenza il-valuri medji. Fit-tfal, il-meded normali huma inqas minn tal-adulti u jiddependu fuq it-tul.[6] Fl-adulti, iktar ma jikbru fl-età, il-pressjoni sistolika aktarx togħla u d-dijastolika tinżel.[7] Fl-anzjani, il-Ptad-D aktarx tkun 'il fuq mill-medda ta' adult normali,[8] il-biċċa l-kbira minħabba li tonqos il-flessibilità tal-arterji. Il-Ptad-D tal-individwu tvarja wkoll bl-eżerċizzju, ir-reazzjonijiet emozzjonali, l-irqad, id-diġestjoni u l-ħin tal-ġurnata.

Il-pressjoni tad-demm medja f'mmHg:

sena
6 snin - 9 snin
adulti
95/65
100/65
110/65 - 140/90

Patofiżjoloġija

[immodifika | immodifika s-sors]

Hemm ħafna fatturi fiżiċi li jinfluwenzaw il-pressjoni arterjuża. Kull wieħed minn dawn jista' mbagħad jiġi influwenzat minn fatturi fiżjoloġiċi oħra, bħad-dieta, eżerċizzju, mard, drogi jew alkoħol, tensjoni, obeżità, u oħrajn. [9]

Fost il-fatturi fiżiċi insibu:

  • Ir-rata tal-ippumpjar. Fis-sistema ċirkolatorja, din ir-rata tissejjaħ ir-rata tal-qalb, ir-rata li biha d-demm (il-fluwidu) jiġi ppumpjat mill-qalb. Il-volum tal-fluss tad-demm li joħroġ mill-qalb jissejjaħ il-fluss kardijaku, li huwa l-rata tal-qalb (ir-rata ta' kontrazzjoni) immultiplikata bil-volum tal-kontrazzjoni (l-ammont ta' demm ippumpjat 'il barra mill-qalb ma' kull kontrazzjoni). Iżjed ma tkun għolja r-rata tal-qalb, iżjed togħla l-pressjoni arterjuża, jekk nassumu li m'hemm l-ebda tnaqqis fil-volum tal-kontrazzjoni.
  • Il-volum tal-fluwidu jew il-volum tad-demm, l-ammont ta' demm li hemm fil-ġisem. Iżjed ma jkun hemm demm fil-ġisem, iżjed togħla r-rata ta' ritorn tad-demm lejn il-qalb u l-fluss kardijaku li jirriżulta. Hemm relazzjoni bejn il-konsum tal-melħ fid-dieta u l-volum tad-demm, li jista' jirriżulta fi pressjoni arterjuża ogħla, għalkemm din tvarja skond l-individwu u tiddipendi ħafna mir-rispons tas-sistema awtonomika nervuża u s-sistema renin-anġjotensin.
  • Ir-reżistenza. Fis-sistema ċirkolatorja, din hi r-reżistenza tal-kanali tad-demm. Iżjed ma jkun hemm reżistenza, iżjed ma togħla l-pressjoni arterjuża 'l hemm mill-qalb minħabba r-reżistenza għall-fluss tad-demm. Ir-reżistenza hija relatata mar-raġġ tal-kanali (akbar ma jkun ir-raġġ, inqas tkun ir-reżistenza), it-tul tal-kanali (itwal ma jkun il-kanal, iżjed ma togħla r-reżistenza), kif ukoll kemm ikunu lixxi l-ħitan arterjużi. Il-ħitan arterjużi jsiru anqas lixxi mill-akkumulazzjoni ta' depożiti xaħmija fuqhom. Xi sustanzi msejħa vażokostritturi jistgħu inaqqsu l-wisgħa tal-kanali tad-demm, u hekk iżidu l-Ptad-D. Il-vażodilataturi (bħan-nitrogliċerina) iwessgħu il-kanali tad-demm, u b'hekk inaqqsu l-pressjoni arterjuża. Ir-reżistenza, u r-relazzjoni tagħha mar-rata volumetrika tal-fluss (Q) u d-differenza fil-pressjoni bejn iż-żewġt itruf ta' kanal huma deskritti mill-Liġi ta' Poiseuille.
  • Il-viskożità, jew il-ħxuna tal-fluwidu. Jekk id-demm jeħxien, il-pressjoni arterjuża tiżdied. Ċerti kundizzjonijiet mediċi jistgħu jbiddlu l-viskożità tad-demm. Pereżempju, livell baxx fil-konċentrazzjoni taċ-ċelluli ħomor tad-demm (anemija) inaqqas il-viskosità, waqt li żieda fil-konċentrazzjoni taċ-ċelluli ħomor tad-demm iżied il-viskożità. Kienu jaħsbu li l-aspirina u d-drogi relatati li "jraqqu d-demm" inaqqsu l-viskożità tad-demm, iżda xi istudji sabu [10] li minflok dawn jaġixxu billi jnaqqsu t-tendenza tad-demm li jagħqad.

Fil-prattika, is-sistema awtonomika nervuża ta' kull individwu tirreaġġixxi għal dawn il-fatturi interattivi u tirregolhom b'tali mod li, għalkemm il-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq huma importanti, ir-reazzjoni attwali mill-pressjoni arterjuża ta' individwu partikolari tvarja ħafna kemm minħabba reazzjonijiet ta' frazzjoni ta' seconda u kemm minħabba reazzjonijiet bil-mod tas-sistema nervuża u l-organi fit-tarf. Dawn ir-reazzjonijiet huma effettivi ħafna fit-tibdil tal-varjabbli u tal-Ptad-D li jirriżultaw minn mument għall-ieħor.

Barra minn hekk, il-Ptad-D hi r-riżultat tal-fluss kardijaku 'l barra mqawwija mir-reżistenza periferika: Il-pressjoni tad-demm= il-fluss kardijaku 'l barra X ir-reżistenza periferika. Allura, bidla anormali fil-Ptad-D hija, sikwit, indikazzjoni ta' problema li taffettwa il-fluss 'l barra mill-qalb, ir-reżistenza tal-kanali tad-demm, jew it-tnejn. Għalhekk, huwa importanti ħafna li nkunu nafu l-Ptad-D tal-pazjent kull meta nqisu xi patoloġija li għandha x'taqsam mal-fluss 'l barra u r-reżistenza.

Il-pressjoni arterjuża medja

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-pressjoni arterjuża medja (PAM) hija l-medja fuq iċ-ċiklu kardijaku u hi ddeterminata mill-fluss kardijaku 'l barra (FK), ir-reżistenza tas-sistemika vaskulari (RSV), u l-pressjoni venuża ċentrali (PVC),[11]

Il-PAM tista' titqis bejn wieħed u ieħor mill-kejl tal-pressjoni sistolika   u l-pressjoni dijastolika   filwaqt li jkun hemm rata tal-qalb normali fil-mistrieħ,[11]

Il-pressjoni pulsatorja

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-fluttwazzjoni 'l fuq u 'l isfel tal-pressjoni arterjuża ġejja min-natura pulsanti tal-fluss kardijaku 'l barra, jiġifieri it-taħbit tal-qalb. Il-pressjoni pulsatorja hi ddeterminata mill-interazzjoni tal-volum tal-fluss li joħroġ ma' taħbita tal-qalb, l-elastiċità tal-aorta (abbiltà li tespandi) u r-reżistenza għall-fluss fis-siġra arterjuża. Meta tespandi taħt il-pressjoni, l-aorta tassorbi xi ftit mill-forza tal-mewġa tad-demm ħierġa mill-qalb matul taħbita. B'dan il-mod il-pressjoni pulsatorja ssir inqas minn kemm kienet tkun kieku l-aorta ma kinitx terħi[12]. It-tnaqqis fl-elastiċità arterjuża li ġġib magħha x-xjuħija tispjega l-pressjoniji pulsatorja għolja li nsibu fil-pazjenti anzjani.

Il-pressjoni pulsatorja nistgħu nikkalkolawha sempliċement mid-differenza bejn il-pressjoni sistolika u dik dijastolika,[12]

Il-gradjent driegħ-riġel

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-gradjent (fil-Ptad-D) driegħ-riġel hu d-differenza bejn il-Ptad-D mkejla fid-dirgħajn u dik imkejla fir-riġlejn. Normalment hi inqas minn 10 mmHg,[13] imma tista' tiżdied pereżempju meta jkun hemm koartazzjoni tal-aorta.[13]

Ir-reżistenza vaskulari

[immodifika | immodifika s-sors]

L-arterji mdaqqsin, inklużi dawk li huma l-kbar biżżejjed li nistgħu narawhom mingħajr tkabbir, huma kanali li għandhom reżistenza vaskulari baxxa (nassumu li m'hemmx bidliet aterosklerotiċi avvanzati) b'rati għolja ta' fluss li jiġġeneraw tnaqqis żgħir biss fil-pressjoni. L-arterji iżgħar u l-arterjoli għandhom reżistenza ogħla, u huma l-kawża tat-tnaqqis prinċipali fil-Ptad-D matul is-sistema ċirkolatorja.

Il-mewġa tal-pressjoni vaskulari

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-fiżjoloġija moderna żviluppat il-kunċett tal-mewġa tal-pressjoni vaskulari. Din il-mewġa tinħoloq mill-qalb waqt is-sistole u toriġina fl-aorta axxendenti. Din hi ħafna aktar mgħaġġla mill-fluss tad-demm stess u tiġi ttrasportata permezz tal-ħitan tal-kanali għall-arterji periferiċi. Hemm il-mewġa tal-pressjoni tista' tinħass bħala l-polz periferiku. Meta l-mewġa tiġi riflessa fil-vini periferiċi tmur lura b'mod ċentripet. Fejn il-quċċati tal-mewġa riflessa u tal-mewġa oriġinali jiltaqgħu, il-pressjoni ġewwa l-kanal hi ogħla mill-pressjoni veru fl-aorta. Dan il-kunċett jispjega għaliex il-pressjoni arterjuża ġewwa l-arterji periferiċi tar-riġlejn u d-dirgħajn hi ogħla mill-pressjoni arterjali fil-aorta,[14][15][16] u wkoll għaliex il-pressjonijiet li nsibu fil-għaksa huma għoljin imqabblin mal-valuri normali tal-indiċi tal-pressjoni brakjali fl-għaksa.

Il-kontroll endoġenu tal-pressjoni arterjuża mhuwiex mifhum kompletament. Sa issa, tliet mekkaniżmi għall-kontroll tal-pressjoni arterjuża ġew karatterizzati sewwa:

Dawn il-mekkaniżmi differenti mhumiex neċessarjament indipendenti minn xulxin, kif turi r-rabta bejn is-SRA u l-ħruġ tal-aldosterun. Bħalissa, is-SRA hija ttrattat farmakoloġikament bl-inibituri ACE u antagonisti tar-riċettur tal-anġjotensina II. Is-sistema tal-aldosterun hi ttrattata direttament bl-ispironolakton, antagonist tal-aldosterun. Ir-ritenzjoni tal-fluwidu tista' tiġi kkurata bid-dijuretiċi; l-effett anti-ipertensiv tad-dijuretiċi hu dovut għall-effett tagħhom fuq il-volum tad-demm. Ġeneralment, ir-rifless baroriċettiv ma jitmissx fl-ipertensjoni għaliex jekk dan jiġi mblukkat, l-individwu jistgħu jsofri ipotensjoni ortostatika u ħass ħażin.

Student tal-mediċina jiċċekkja l-Ptad-D permezz ta' sfigmomanometru u stetoskopju

Il-pressjoni arterjuża titkejjel l-iżjed permezz ta' sfigmomanometru, li fl-imgħoddi kellu kolonna bil-merkurju li l-għoli tagħha kien juri l-Ptad-D jiċċirkola.[18] Il-Ptad-D għadna s'issa nkejluha b'millimetri tal-merkurju (mmHg), allavolja l-istrument li jintużaw illum ma jużawx il-merkurju.

Għal kull taħbita tal-qalb, il-Ptad-D tvarja bejn il-pressjoni sistolika u d-dijastolika. Il-pressjoni sistolika hi l-ogħla pressjoni fl-arterji. Din tintlaħaq lejn l-aħħar taċ-ċiklu kardijaku meta l-ventrikli jkunu jikkontrattaw. Il-pressjoni dijastolika hi l-iżjed pressjoni baxxa fl-arterji. Din tintlaħaq lejn il-bidu taċ-ċiklu kardijaku meta l-ventrikli jkunu mimlijin bid-demm. Il-valuri ta' dawn għal bniedem adult f'saħħtu huma madwar 120 mmHg sistolika u 80 mmHg dijastolika (niktbu 120/80 mmHg, u ngħidu "mija u għoxrin fuq tmenin").

Il-Ptad-D artejuża sistolika u dik dijastolika mhumiex statiċi imma jġarrbu varjazzjonijiet naturali minn taħbita tal-qalb għal oħra u matul il-jum (f'ritmu ċirkadjan). Jinbidlu wkoll b'riazzjoni għat-tensjoni, fatturi nutrittivi, mediċini, mard u għal mument meta nqumu bil-wieqfa. Xi minn daqqiet il-varjazzjonijiet ikunu kbar. Ipertensjoni tirreferi għal pressjoni arterjuża li tkun normalment għolja, u bil-kuntrarju, l-Ipotensjoni tirreferi għal pressjoni arterjuża li tkun normalment baxxa. Flimkien mat-temperatura tal-ġisem, ir-rata tar-respirazzjoni, u r-rata tal-polz, il-Ptad-D hi waħda mill-parametri fiżjoloġiċi li l-iktar li jitkejlu.

Il-pressjoni arterjuża s-soltu titkejjel b'mod mhux invażiv, mingħajr il-penetrazzjoni tal-ġilda jew l-arterja. Il-kejl tal-pressjoni b'mod invażiv, bil-penetrazzjoni tal-ħajt tal-arterja, hu inqas komuni u s-soltu jsir fl-ambjent tal-isptar.

Kejl mhux invażiv

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-metodi mhux invażivi awskultatorji u oxxillometriċi huma iżjed sempliċi u ta' ħeffa mill-metodi invażivi, jeħtieġu inqas sengħa, kważi m’għandhom komplikazzjonijiet xejn u l-pazjent idejquh u jweġġgħuh mill-inqas. Però, il-metodi mhux invażivi jistgħu jgħatu riżultati inqas eżatti u differenzi żgħar sistematiċi fir-riżultati numeriċi. Il-kejl mhux invażiv is-soltu jintuża l-iżjed għall-kontroll u għal eżamijiet ta' rutina.

Il-metodu tal-palpazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-valur minimu sistoliku jista' jiġi stimat bejn wieħed u ieħor, mingħajr apparat permezz tal-palpazzjoni jew il-ħass tal-polz. Dan isir l-iżjed f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza. Fl-imgħoddi l-istudenti tal-mediċina kienu jitgħallmu li jekk jinħass polz radjali dan juri Ptad-D minima ta' 80 mmHg, polz femorali juri mill-inqas 70 mmHg, u l-polz karotidu juri minimu ta' 60 mmHg. Però mill-inqas studju wieħed wera li dan il-metodu spiss jgħati stima għolja tal-Ptad-D sistolika tal-pazjent[19]. Wieħed jista' jikseb valur iżjed preċiż tal-Ptad-D sistolika permezz ta' sfigmomanometru billi jħoss meta l-polz radjali jerġa' jibda[20]. Il-Ptad-D dijastolika ma tistgħax tinkiseb b'dan il-metodu[21]. Xi minn daqqiet il-palpazzjoni tintuża biex tinkiseb stima qabel jintuża il-metodu awskulatorju.

Il-metodu awskulatorju

[immodifika | immodifika s-sors]
Sfigmomanometru anerojde u stetoskopju użati fil-metodu awskulatorju
Manometru tal-merkurju

Il-metodu awskulatorju (mill-kelma Latina għas-smiegħ) juża stetoskopju u sfigmomanometru. Dan hu magħmul minn manikott jintefaħ (ta' Riva-Rocci) li jitqiegħed madwar id-driegħ 'il fuq mill-minkeb fil-livell tal-qalb bejn wieħed u ieħor, konness ma' manometru jew tal-merkurju jew anerojde. Il-manometru tal-merkurju ikejjel l-għoli ta' kolonna tal-merkurju u jgħati riżultat assolut mingħajr il-ħtieġa ta' kalibrazzjoni, u għalhekk mhux suġġett għall-iżbalji u l-bdil fil-kalibrazzjoni li jaffettwaw il-metodi l-oħra. L-użu tal-manometru tal-merkurju sikwit jinħtieġ fi studji kliniċi u għall-kejl tal-ipertensjoni f'pazjenti f'periklu serju bħan-nisa fit-tqala.

Il-persuna li tkun qiegħda tkejjel il-pressjoni tgerbeb sewwa manikott ta' daqs xieraq madwar id-driegħ mingħajr issikkar, imbagħad tonfħu ftit ftit billi tagħfas ballun tal-lastiku sakemm il-pressa fuq l-arterja twaqqaf il-fluss tad-demm għal kollox. Waqt li bl-istetoskopju tissemma' fil-minkeb għall-arterja brakjali, terħi l-pressjoni fil-manikott bilmod. Malli d-demm jibda jiskolji fl-arterja, il-fluss turbulenti joħloq ħoss ta' "ċaffċif" jew tħabbit (l-ewwel ħoss ta' Korotkoff). Il-pressjoni fil-punt meta jinstema' l-ewwel ħoss hi il-Ptad-D sistolika. Il-pressjoni fil-manikott tintreħa iżjed sakemm ma jinstema' l-ebda ħoss (il-ħames ħoss ta' Korotkoff), u din tkun il-pressjoni arterjuża dijastolika.

Il-metodu awskultatorju ilu predominanti minn meta bdiet titkejjel il-Ptad-D imma qegħdin jintużaw metodi mhux invażivi oħra f'xi każijiet.[22]

Metodi Oxxillometriċi

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-metodu oxxillometriku kien ivvintat fl-1876 u jinvolvi l-osservazzjoni ta' oxxillazzjonijiet fil-pressjoni tal-manikott tal-isfigmomanometru[23] li huma kkawżati mill-oxxillazzjonijiet tal-fluss tad-demm, jiġifieri l-polz[24]. Il-verżjoni elettronika ta' dan il-metodu xi minn daqqiet tintuża fil-kejl fuq żmien twil u fil-mediċina ġenerika. Din tuża manikott ta' sfigmomanometru bħal fil-metodu awskultatorju, imma b'sensur elettroniku biex josserva l-oxxillazzjonijiet fil-pressjoni tal-manikott, apparat elettroniku biex jinterpretahom awtomatikament u inflazzjoni u defalzzjoni tal-manikott awtomatika. Is-sensur tal-pressjoni jrid jiġi kkalibrat kultant biex jibqa' eżatt.

Il-kejl oxxilometriku jeħtieġ inqas sengħa mill-metodu awskultatorju u jista' jiġi adattat għall-użu minn staff mhux imħarrġin u għall-monitoraġġ awtomatizzat mill-pazjenti f'darhom.

L-ewwel il-manikott jintefaħ sa pressjoni naqra ogħla mill-pressjoni arterjuża sistolika u mbagħad imniżżel għal pressjoni taħt id-dijastolika fuq perjodu ta' madwar 30 sekonda. Meta ma jkunx hemm iżjed fluss tad-demm (il-pressjoni tal-manikott taqbeż il-pressjoni sistolika) jew il-fluss ma jkollux ostakli (il-pressjoni tal-manikott tkun taħt il-pressjoni dijastolika), il-pressjoni tal-manikott se tkun essenzjalment kostanti. Hu importanti li l-manikott ikun ta' daqs tajjeb: jekk ikun issikkat jista' jagħti pressjoni ogħla milli suppost u jekk ikun merħi jagħti pressjoni baxxa. Meta jkun hemm fluss tad-demm, iżda dan ikun ristrett, il-pressjoni tal-manikott, li hi kkontrollata mis-sensur tal-pressjoni, tvarja perjodikament f'sinkronija mal-espansjoni u kontrazzjoni ċiklika tal-arterja brakjali, jiġifieri toxxilla. Il-valuri tal-pressjoni sistolika u dijastolika jiġu kkalkulati bl-użu ta' algoritmu u jintwerew ir-riżultati kkalkulati.

Il-monituri oxxillometriċi jistgħu jgħatu qari mhux eżatt f'pazjenti bi problemi tal-qalb u taċ-ċirkolazzjoni, fosthom sklerożi arterjuża, aritmija, preeclampsia, alternans pulsus, u pulsus paradoxus.

Fil-prattika l-metodi differenti ma jagħtux riżultati identiċi; jintużaw algoritmu u koeffiċjenti miksubin sperimentalment biex jirregolaw ir-riżultati oxxillometriċi biex jagħtu qari li jaqbel kemm jista' jkun mar-riżultati awskultatorji. Xi apparat juża analiżi megħjuna mill-kompjuter tal-mewġa istantanja tal-pressjoni arterjuża biex jiddetermina l-punt sistoliku, il-punt medju, u l-punt dijastoliku. Peress li ħafna apparati oxxillometriċi ma ġewx validati, wieħed irid joqgħod attent għax il-parti l-kbira minnhom mhumiex adattati għal ambjent kliniku u ta' kura akuta.

L-ipertensjoni minħabba l-biża' mit-tabib

[immodifika | immodifika s-sors]

Għal xi pazjenti, il-kejl Ptad-D fl-uffiċċju tat-tabib jista' jkun li ma jurix eżatt il-Ptad-D tipiku tagħhom.[25] Fi 'l fuq minn 25% tal-pazjenti, il-kejl fl-uffiċċju huwa ogħla mill-Ptad-D tipiku tagħhom. Dan l-iżball jista' jkun ġej mill-biża' assoċjata mal-eżami minn professjonista tas-saħħa.[26] Id-dijanjożi żbaljata ta' pressjoni għolja f'dawn il-pazjenti tista' jirriżulta f'medikazzjoni bla bżonn u forsi ta' ħsara. Din il-biża' tista' titnaqqas (mhux għal kollox) bil-kejl Ptad-D awtomatizzat matul 15 sa 20 minuta f'parti kwieta tal-uffiċċju jew klinika.[27]

Id-dibattitu rigward is-sinifikat ta' dan l-effett għadu sejjer. Xi pazjenti reattivi jirreaġixxu għal ħafna stimuli matul il-ħajja ta' kuljum tagħhom u jeħtieġu kura. F'xi każijiet il-kejl tal-Ptad-D jagħti valur iżjed baxx għand it-tabib.[28]

Monitoraġġ f’dar il-pazjenti

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-problemi tal-ipertensjoni minħabba l-biżgħa għand it-tabib jistgħu jiġu identifikati u mnaqqsa bl-użu tal-apparati tal-Ptad-D ambulatorji li jieħdu qari kull nofs siegħa matul il-ġurnata u bil-lejl. Minflok il-monitoraġġ ambulatorju tal-Ptad-D, ħlief fl-irqad, jista' jintuża l-monitoraġġ fid-dar għal dan l-għan.[29]

Il-monitoraġġ f'dar il-pazjent jista' jintuża biex itejjeb il-kontroll tal-ipertensjoni u biex jimmonitorja l-effetti tal-bidliet fl-istil tal-ħajja u tal-mediċini li għandhom x'jaqsmu mal-Ptad-D.[2] Instab li mqabbel mal-kejl ambulatorju tal-Ptad-D il-monitoraġġ f'dar il-pazjent hu alternattiva effettiva li hi orħos.[29][30][31]

Apparti mill-effett tal-biżgħa mit-tabib, il-kejl tal-Ptad-D barra l-ambjent kliniku s-soltu hu kemm xejn aktar baxx fil-maġġoranza tan-nies. L-istudji li ħarsu lejn ir-riskji mill-ipertensjoni u l-benefiċċji tat-tnaqqis fil-Ptad-D fil-pazjenti affettwati kienu bbażati fuq kejl f'ambjent kliniku.

Biex il-kejl tal-Ptad-D ikun eżatt jeħtieġ li l-pazjent ma jixrobx kafè, ipejjep is-sigaretti, jew jagħmel eżerċizzju vigoruż għal 30 minuta qabel isir il-kejl. Jekk il-bużżieqa tal-awrina tkun mimlija din tista' jkollha xi effett żgħir fuq qari tal-Ptad-D, allura jekk wieħed iħoss li għandu bżonn jgħaddi l-awrina, għandu jagħmel hekk qabel isir l-qari. Għal 5 minuti qabel il-qari, wieħed għandu joqgħod bilqiegħda wieqaf fis-siġġu b'saqajh ċatti mal-art, b'dirajh u riġleh mhux marbutin. Il-manikott tal-Ptad-D għandu dejjem ikunu imiss mal-ġilda għax il-qari meħud bil-manikott fuq il-komma jkun inqas preċiż. Matul il-qari, il-driegħ li tkun qiegħda tintuża għandha tkun merħija u miżmuma fil-livell tal-qalb, pereżempju tistrieħ fuq mejda.[32]

Billi l-Ptad-D tvarja matul il-ġurnata, il-kejl maħsub biex jimmonitorja l-bidliet matul intervalli ta' żmien daqsxejn twil għandu jittieħed fl-istess ħin kuljum biex jiġi żgurat li l-qari tal-ġranet differenti huma komparabbli. Dawn huma xi ħinijiet tajbin:

  • Immedjatament wara l-qawmien (qabel wieħed jinħasel/jilbes u jieħu l-kolazzjoni/jixrob), filwaqt li l-ġisem ikun għadu mistrieħ,
  • Immedjatament wara li wieħed jispiċċa mix-xogħol.

Il-monituri awtomatiċi u indipendenti tal-Ptad-D jistgħu jinxtraw bi prezzijiet raġonevoli. Xi wħud minnhom huma kapaċi li jgħamlu l-kejl ta' Korotkoff barra l-metodi oxxillometriċi, u b'hekk jippermettu l-pazjenti li qalbhom tħabbat b'mod irregolari li jkejlu b'mod preċiż il-Ptad-D f'darhom.

Kejl invażiv

[immodifika | immodifika s-sors]

L-iżjed metodu eżatt għall-kejl tal-pressjoni tad-demm arterjuża huwa b'mod invażiv permezz ta' katetere arterjuża. Il-metodu invażiv għall-kejl tal-pressjoni arterjuża permezz ta' kannuli intravaskulari juża kejl dirett tal-pressjoni arterjuża bit-tqegħid ta' labra kannula fl-arterja (normalment fir-radjali, femorali, dorsalis pedis jew brakjali).

Il-kannula tiġi konnessa ma' sistema mimlija b'fluwidu sterili, li tkun konnessa ma' trasduttur tal-pressjoni elettroniku. Il-vantaġġ ta' din is-sistema hija li l-pressjoni tiġi ssorveljata kontinwament taħbita b'taħbita, u joħroġ grafiku tal-pressjoni kontra l-ħin. Din it-teknika invażiva tintuża regolarment fil-mediċina tal-kura intensiva umana u veterinarja, anesteżjoloġija, u għal skopijiet ta' riċerka.

F'xi okkażjonijiet rari kien hemm xi biżgħa li matul il-monitoraġġ invażiv tal-pressjoni vaskulari, il-kannullazzjoni setgħet ikkawżat komplikazzjonijiet bħal trombożi, infezzjoni, u emorraġija. Meta jkun qiegħed isirilhom monitoraġġ arterjuż invażiv il-pazjenti jeħtieġu sorveljanza mill-eqreb, billi hemm periklu ta' emorraġija severa jekk fil-linja jkun hemm xi skonnessjoni. Il-metodu invażiv hu ġeneralment użat biss fuq il-pazjenti li jkunu mistennijin li jkollhom varjazzjonijiet mgħaġġlin fil-pressjoni arterjużà.

F'postijiet oħra

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-pressjoni tad-demm ġeneralment tirreferi għall-pressjoni arterjuża fiċ-ċirkolazzjoni sistemika. Però, il-kejl tal-pressjoni fis-sistema venuża u fil-kanali pulmonari għandu parti importanti fil-kura intensiva, iżda jeħtieġ katetere venuża ċentrali invażiva.

Il-pressjoni venuża

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-pressjoni venuża hija l-pressjoni vaskulari ġo vina jew fl-atriji tal-qalb. Hi ferm iżjed baxxa mill-pressjoni arterjuża, b'valuri komuni ta' 5 mmHg fl-atriju tal-lemin u 8 mmHg fl-atriju tax-xellug.

Il-pressjoni pulmonari

[immodifika | immodifika s-sors]

Normalment, il-pressjoni fl-arterja pulmonari hi madwar 15 mmHg fil-mistrieħ.[33]

Ptad-D għolja fil-kapillari pulmonari tikkawża ipertensjoni pulmonari, b'edema interstizjali jekk il-pressjoni togħla 'l fuq minn 20 mmHg, u b'edema pulmonari meta tkun 'l fuq minn 25 mmHg. [34]

Il-pressjoni tad-demm fetali

[immodifika | immodifika s-sors]

Fit-tqala, hi l-qalb tal-fetu u mhux il-qalb tal-omm li tipprovdi l-Ptad-D fetali biex tmexxi d-demm maċ-ċirkolazzjoni fetali.

Il- Ptad-D fl-aorta tal-fetu hija madwar 30 mmHg fl-20 ġimgħa tat-tqala, u tiżdiet għal madwar 45 mmHg fl-40 ġimgħa tat-tqala.[35]
Il-Ptad-D medja ta' tarbija lesta biex titwieled:

  • Sistolika 65-95 mm Hg,
  • Dijastolika 30-60 mm Hg.[36]

Pressjoni għolja

[immodifika | immodifika s-sors]
Ħarsa ġenerali tal-komplikazzjonijiet ewlenin ta' pressjoni tad-demm għolja persistenti

L-ipertensjoni arterjuża tista' tkun sinjal ta' problemi oħra u jista' jkollha effetti ħżiena fit-tul. Kultant tista' tkun problema akuta, per eżempju pressjoni għolja ta' emerġenza.

Ikun xi jkun il-livell tal-pressjoni arterjuża dejjem ikun hemm forza fuq il-ħitan arterjużi. Iżjed ma tkun għolja l-pressjoni iżjed trid taħdem il-qalb u iżjed jikber it-tessut ħażin (ateroma) li jiżviluppa mal-ħitan tal-arterji. Iżjed ma tkun għolja l-pressjoni, iżjed ikun hemm tensjoni u aktar tiżviluppa l-ateroma u l- muskolu tal-qalb maż-żmien jeħxien, jikber u jiddgħajjef.

L-ipertensjoni persistenti hija wieħed mill-fatturi ta' riskju għal puplesiji, attakki tal-qalb, insuffiċjenza tal-qalb u anewriżmi arterjużi, u hija l-kawża ewlenija tal-insuffiċjenza renali kronika. Anki tlugħ moderat fil-pressjoni arterjuża jwassal għal għomor iqsar. Meta l-pressjoni tkun għolja sewwa, jiġifieri l-pressjoni arterjuża medja tkun għolja mill-medja b'50% jew iżjed, wieħed ma jistenniex li jgħix aktar minn ftit snin sakemm ma jieħux il-kura adattata.[37]

Fl-imgħoddi, aktar attenzjoni kienet tingħata lill-pressjoni dijastolika; iżda llum huwa rikonoxxut li kemm pressjoni sistolika għolja u kemm pressjoni tal-polz (id-differenza numerika bejn il-pressjoni sistolika u dijastolika) għolja huma fatturi ta' riskju oħra. F'xi każijiet, jidher li tnaqqis żejjed fil-pressjoni dijastolika jista' jżid ir-riskju, x'aktarx minħabba li jkun hemm żieda fid-differenza bejn il-pressjoni sistolika u dijastolika.

Fin-nies li jkollhom rigurġitu fil-valvoli kardijaċi, meta dan jonqos jista' jkun hemm bidla fil-pressjoni dijastolika. Fi studju ta' nies b'rigurġitu fil-valvoli kardijaċi, li qabbel żewġ kejlijiet imbegħdin b'ġimgħatejn għal kull ruħ, kien hemm żieda fis-severità ta' aortika u rigurġitu mitrali meta żdiedet il-pressjoni tad-demm dijastolika, filwaqt li meta l-pressjoni tad-demm dijastolika naqset, naqset is-severità.[38]

Pressjoni baxxa

[immodifika | immodifika s-sors]

L-istat ta' pressjoni tad-demm baxxa hu magħrufa bħala ipotensjoni. Ix-xebh fil-pronunzja ma' ipertensjoni jista' joħloq konfużjoni. L-ipotensjoni tqajjem tħassib mediku fil-każ biss li tikkawża sinjali jew sintomi, bħal sturdament, ħass ħażin, jew f'każijiet estremi, xokk. [3]

Meta l-pressjoni arterjuża u l-fluss tad-demm jonqsu taħt ċertu punt, il-perfużjoni tal-moħħ tonqos kritikament (jiġifieri, il-provista tad-demm ma' tkunx biżżejjed), u tikkawża sturdament li jista' jkun ħafif, debolizza jew ħass ħażin.

Kultant il-pressjoni arterjuża taqa' b'mod sinifikanti meta l-pazjent ikun bilqiegħda u jqum bil-wieqfa. Dan hu magħruf bħala ipotensjoni ortostatika (ipotensjoni posturali); il-gravità tnaqqas ir-rata ta' ritorn tad-demm mill-vini tal-ġisem taħt il-qalb lura 'l fuq lejn il-qalb, u b'hekk tnaqqas il-volum ta' kull taħbita u l-fluss mill-qalb.

Fin-nies b'saħħithom, il-vini ta' taħt qalbhom malajr isru idjaq u r-rata tal-qalb tiżdied biex tnaqqas u tikkumpensa għall-effett tal-gravità. Dan isir involontarjament mis-sistema nervuża awtonomika. Is-sistema normalment tieħu ftit sekondi biex tlaħħaq u jekk il-kumpens ikun bil-mod wisq jew mhux biżżejjed, l-individwu jkollu fluss tad-demm baxx lejn il-moħħ, sturdament u forsi ħass ħażin. Meta jkun hemm żieda fil-forza-G, bħal ma jħossu l-piloti fl-aerobatika jew il-kumbatt, dan l-effett jiżied ħafna. Wieħed jista' jelimina l-problema kważi għal kollox bill jqiegħed ġismu perpendikularment mal-gravità.

Fost il-kawżi l-oħra ta' pressjoni arterjuża baxxa nsibu:

Ix-xokk hu kundizzjoni komplessa li twassal għal perfużjoni kritikament baxxa. Il-mekkaniżmi tas-soltu huma telf ta' volum tad-demm, ġabra ta' demm fil-vini li ma jkunx demm biżżejjed sejjer lura lejn il-qalb u/jew ippumpjar effettiv baxx. Pressjoni arterjuża baxxa, speċjalment pressjoni tal-polz baxxa, hi sinjal ta' xokk u tikkontribwixxi għal perfużjoni mnaqssa u tirriflettiha.

Jekk ikun hemm differenza sinifikanti fil-pressjoni minn driegħ għall-oħra, dan jista' jindika tidjiq (per eżempju, minħabba l-koartazzjoni aortika, dissezzjoni aortika, trombożi jew embolja) ta' arterja.

  1. ^ Klabunde Richard, Cardiovascular Physiology Concepts, Lippincott Williams & Wilkins, 2005 p. 93–4, ISBN 978-0-7817-5030-1
  2. ^ a b Chobanian AV, Bakris GL, Black HR, et al, Seventh report of the Joint National Committee on Prevention, Detection, Evaluation, and Treatment of High Blood Pressure Hypertension, vol. 42, ħarġa 6, p. 1206–52, 2003 [1]
  3. ^ a b Diseases and Conditions Index - Hypotension, National Heart Lung and Blood Institute [2]
  4. ^ Pesola GR, Pesola HR, Nelson MJ, Westfal RE, The normal difference in bilateral indirect BP recordings in normotensive individuals, Am J Emerg Med, vol. 19, ħarġa 1, p. 43–5, 2001 [3]
  5. ^ Reckelhoff Jane F., Gender Differences in the Regulation of Blood Pressure, Hypertension, vol. 37, ħarġa 5, p. 1199–2008, 2001 [4]
  6. ^ Blood Pressure Tables for Children and Adolescents, National Heart, Lung and Blood Institute [5] (Nota: Il-Ptad-D medja tikkorispondi mal-50th perċentili u l-ipertensjoni mal-95 perċentili għal kull età, tul u sess.)
  7. ^ Recommendations for blood pressure measurement in humans and experimental animals: Part 1: blood pressure measurement in humans: a statement for professionals from the Subcommittee of Professional and Public Education of the American Heart Association Council on High Blood Pressure Research, Hypertension, Pickering TG, Hall JE, Appel LJ, Falkner BE, Graves J, Hill MN, Jones DW, Kurtz T, Sheps SG, Roccella EJ, vol. 45, ħarġa 5, p. 142–61, 2005 [6] p. 145, Ara Isolated Systolic Hypertension.
  8. ^ Ref. 7, p. 144, "...iktar minn nofs l-Amerikani ta' 'l fuq minn 65 sena għandhom pressjoni għolja."
  9. ^ [7]
  10. ^ Rosenson RS, Wolff D, Green D, Boss AH, Kensey KR, Aspirin. Aspirin does not alter native blood viscosity, J. Thromb. Haemost., vol. 2, ħarġa 2, p. 340–1, 2004 [8]
  11. ^ a b Klabunde RE, Cardiovascular Physiology Concepts - Mean Arterial Pressure2007 [9]
  12. ^ a b Klabunde RE, Cardiovascular Physiology Concepts - Pulse Pressure 2007 [10]
  13. ^ a b Markham LW, Knecht SK, Daniels SR, Mays WA, Khoury PR, Knilans TK, Development of exercise-induced arm-leg blood pressure gradient and abnormal arterial compliance in patients with repaired coarctation of the aorta, Am. J. Cardiol. vol. 94, ħarġa 9, p. 1200–2, 2004 [11]
  14. ^ Messerli FH, Williams B, Ritz E, Essential hypertension Lancet, vol. 370, ħarġa 9587, p. 591–603, 2007 [12]
  15. ^ O'Rourke M, Mechanical principles in arterial disease, Hypertension, vol. 26, ħarġa 1, p. 2–9, 1995 [13]
  16. ^ Mitchell GF, Triangulating the peaks of arterial pressure, Hypertension, vol. 48, ħarġa 4, p. 543–5, 2006 [14]
  17. ^ Klabunde RE Cardiovascular Physiology Concepts - Arterial Baroreceptors, 2007 [15]
  18. ^ Booth J, A short history of blood pressure measurement, Proceedings of the Royal Society of Medicine, 1977, vol. 70, ħarġa 11, paġni 793–9 [16]
  19. ^ Deakin CD, Low JL, Accuracy of the advanced trauma life support guidelines for predicting sistolic pressure of the blood using carotid, femoral, and radial pulses: observational study, BMJ, vol 321, ħarġa 7262, paġni 673–4, 2000, [17]
  20. ^ Interpretation – Blood Pressure - Vitals, Università ta' Florida [18]
  21. ^ G8 Secondary Survey, Manitoba [19]
  22. ^ Ref. 7, p. 146
  23. ^ Ref. 7, p. 147
  24. ^ Laurent P, Blood Pressure & Hypertension, 2003-09-28 [20],
  25. ^ Elliot Victoria Stagg Blood pressure readings often unreliable, American Medical Association [21]
  26. ^ Jhalani Juhee, Tanya Goyal, Lynn Clemow, et al Anxiety and outcome expectations predict the white-coat effect, Blood Pressure Monitoring, vol. 10, ħarġa 6, p. 317–9, 2005 [22]
  27. ^ Ref. 7. p. 145, ara White Coat Hypertension or Isolated Office Hypertension.
  28. ^ Ref. 7, p. 146, ara Masked Hypertension or Isolated Ambulatory Hypertension.
  29. ^ a b Mancia G, De Backer G, Dominiczak A, et al. Guidelines for the management of arterial hypertension: The Task Force for the Management of Arterial Hypertension of the European Society of Hypertension (ESH) and of the European Society of Cardiology (ESC), Eur Heart J, vol. 28, ħarġa 12, p. 1462–536, 2007 [23]
  30. ^ Niiranen TJ, Kantola IM, Vesalainen R, et al, A comparison of home measurement and ambulatory monitoring of blood pressure in the adjustment of antihypertensive treatment, Am J Hypertens, vol. 19, ħarġa 5, p. 468–74, 2006.
  31. ^ Shimbo Daichi, Thomas G. Pickering, Tanya M. Spruill, et al, Relative utility of home, ambulatory, and office blood pressures in the prediction of end-organ damage, Am J Hypertens, vol. 20, ħarġa 5, p. 476–82, 2007 [24]
  32. ^ Tips for having your blood pressure taken, National Heart, Lung and Blood Institute [25]
  33. ^ What Is Pulmonary Hypertension? Diseases and Conditions Index (DCI). National Heart, Lung, and Blood Institute[26]
  34. ^ Chapter 41, page 210 in: Cardiology secrets By Olivia Vynn Adair Edition: 2, illustrated Published by Elsevier Health Sciences, 2001 ISBN 1560534206, 9781560534204
  35. ^ Struijk PC, Mathews VJ, Loupas T, et al Blood pressure estimation in the human fetal descending aorta Ultrasound Obstet Gynecol, vol. 32, ħarġa 5, p. 673–81, 2008 [27]
  36. ^ Sharon, S. M. & Emily, S. M.(2006). Fundations of Maternal-Newborn Nursing. (4th ed p.476). Philadelphia:Elsevier.
  37. ^ Textbook of Medical Physiology, 7th Ed., Guyton & Hall, Elsevier-Saunders, ISBN 0-7216-0240-1, page 220.
  38. ^ Gottdiener JS, Panza JA, St John Sutton M, Bannon P, Kushner H, Weissman NJ, Testing the test: The reliability of echocardiography in the sequential assessment of valvular regurgitation, vol. 144, ħarġa 1, p. 115–21, 2002 [28]