Aqbeż għall-kontentut

Parks tal-Muntanji tar-Rockies Kanadiżi

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Mappa tal-Parks tal-Muntanji tar-Rockies Kanadiżi.

Il-Parks tal-Muntanji tar-Rockies Kanadiżi huma Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO li jikkonsisti minn seba' parks li jmissu ma' xulxin, fosthom erba' parks nazzjonali (Banff, Jasper, Kootenay u Yoho) u tliet parks provinċjali tal-British Columbia (Hamber, Mount Assiniboine u Mount Robson).[1]

Dawn is-seba' parks fir-Rockies Kanadiżi jinkludu muntanji, glaċieri u fawwariet termali, kif ukoll l-ilmijiet ta' sistemi ta' xmajjar ewlenin tal-Amerka ta' Fuq, inkluż ix-xmajjar tat-Tramuntana ta' Saskatchewan, ta' Athabasca, ta' Columbia u ta' Fraser.

L-inħawi huma magħrufa għall-ambjent naturali u għall-bijodiversità tagħhom. Jinkludu s-sit tax-Shale ta' Burgess, li kien Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO apparti mill-1980 sal-1984, iżda mbagħad ġie inkluż fi ħdan il-Parks tal-Muntanji tar-Rockies Kanadiżi.[2][3]

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Plakka tal-Parks tal-Muntanji tar-Rockies Kanadiżi bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.

Fl-1983 il-Kanada nnominat il-parks nazzjonali ta' Banff, Jasper, Kootenay u Yoho biex jitniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. L-UNESCO aċċettat din in-nominazzjoni fl-1984 abbażi ta' rakkomandazzjoni tal-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura (IUCN). In-nominazzjoni oriġinali u r-rakkomandazzjoni tal-IUCN ġibdu l-attenzjoni lejn is-"sbuħija naturali eċċezzjonali", il-"ħabitats ta' speċijiet rari u fil-periklu" u l-"formazzjonijiet ġeoloġiċi naturali tal-inħawi", fosthom il-qċaċet tal-muntanji, il-glaċieri, il-lagi, il-kanjons, l-għerien tal-ġebla tal-ġir, u l-fossili uniċi tax-Shale ta' Burgess.[2][3]

Fl-1983 stess il-Kumitat tal-Wirt Dinji tal-UNESCO "talab lill-awtoritajiet Kanadiżi jqisu li jżidu l-parks provinċjali ta' Mount Robson, ta' Hamber, ta' Mount Assiniboine u ta' Kananaskis" mas-sit tal-Parks tal-Muntanji tar-Rockies Kanadiżi. F'laqgħa li saret fl-1990, "il-Kumitat laqa' l-proposta Kanadiża biex fis-sit tal-Parks tal-Muntanji tar-Rockies Kanadiżi, jiġu inklużi l-parks provinċjali ta' Mount Robson, ta' Hamber u ta' Assiniboine, wara t-talba tiegħu li saret fit-tmien sessjoni fl-1984".[4] Il-Park Provinċjali ta' Kananaskis (li mbagħad beda jissejjaħ bħala l-Park Provinċjali ta' Peter Lougheed) ma ġiex inkluż fis-sit tal-Parks tal-Muntanji tar-Rockies Kanadiżi.

L-għamla ta' lupu tal-Lag ta' Peyto fil-Park Nazzjonali ta' Banff.

Għaldaqstant, il-Parks tal-Muntanji tar-Rockies Kanadiżi ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1984.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; u l-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti".[1]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Canadian Rocky Mountain Parks". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-06-20.
  2. ^ a b "Learn - Parks Canada - The Burgess Shale". web.archive.org. 2019-03-20. Arkivjat mill-oriġinal fl-2019-03-20. Miġbur 2024-06-20.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  3. ^ a b "WH Committee: Report of the 8th Session, Buenos Aires 1984". whc.unesco.org. Miġbur 2024-06-20.
  4. ^ "WH Committee: Report of 14th Session, Banff 1990". whc.unesco.org. Miġbur 2024-06-20.