Aqbeż għall-kontentut

Park Nazzjonali tal-Vulkani ta' Hawaii

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Flussi tal-lava tat-tip Pāhoehoe u 'A'ā f'Hawaii.

Il-Park Nazzjonali tal-Vulkani ta' Hawaii huwa park nazzjonali Amerikan li jinsab fl-istat ta' Hawaii fil-gżira ta' Hawaii, l-Istati Uniti. Il-park jinkludi żewġ vulkani attivi: Kīlauea, wieħed mill-iżjed vulkani attivi fid-dinja, u Mauna Loa, l-ikbar vulkan tat-tip qisu tarka fid-dinja. Il-park jagħti ħjiel lix-xjenzati dwar l-iżvilupp tal-Gżejjer ta' Hawaii u jagħti aċċess għall-istudji tal-vulkaniżmu. Għall-viżitaturi, il-park joffri pajsaġġi vulkaniċi drammatiċi, ħjiel ta' flora u ta' fawna rari, u ħarsa lejn il-kultura tradizzjonali tan-nies ta' Hawaii b'rabta ma' dawn il-pajsaġġi.

Oriġinarjament il-park ġie stabbilit fl-1 ta' Awwissu 1916 bħala l-Park Nazzjonali ta' Hawaii, li mbagħad inqasam f'dan il-park u fil-Park Nazzjonali ta' Haleakalā. Bħala rikonoxximent tal-valuri naturali eċċezzjonali tiegħu, il-Park Nazzjonali tal-Vulkani ta' Hawaii ġie ddeżinjat bħala Riżerva ta' Bijosfera Internazzjonali fl-1980 u bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1987.[1] Fl-2012, il-park deher fuq l-erbatax-il munita ta' kwart ta' dollura fis-sensiela tal-Isbaħ Muniti ta' Kwart ta' Dollaru tal-Amerka.

Fil-11 ta' Mejju 2018, il-park ingħalaq għall-pubbliku fl-inħawi tal-quċċata tal-vulkan ta' Kīlauea, inkluż iċ-ċentru għall-viżitaturi u s-sede tal-park, minħabba splużjonijiet u sħab bl-irmied tossiku minn Halema'uma'u, kif ukoll terremoti u ħsarat fit-toroq.[2] Partijiet mill-park, inkluż iċ-ċentru għall-viżitaturi, reġgħu fetħu għall-pubbliku fit-22 ta' Settembru 2018.[3][4] Fil-bidu tal-2022, il-biċċa l-kbira tal-park infetaħ; madankollu, xi segmenti ta' toroq u ta' mogħdijiet, kif ukoll il-Mużew ta' Jaggar tal-Osservatorju tal-Vulkani ta' Hawaii baqgħu magħluqa għall-viżitaturi.

L-attività tal-iżbroffar, iċ-ċedimenti tal-art u l-isplużjonijiet waqfu fil-bidu ta' Awwissu 2018, u wara perjodu ta' attivitajiet sismiċi qrib il-vulkan ta' Kīlauea, fl-20 ta' Diċembru 2020 żbroffa l-krater ta' Halema'uma'u.[5]

Ambjent[immodifika | immodifika s-sors]

Il-park jinkludi 323,431 akru (505.36 mil kwadru; 1,308.88 km2) ta' art.[6] Madwar nofs il-park (130,790 akru (529 km2)) ġie ddeżinjat bħala żona tan-Natura Selvaġġa tal-Vulkani ta' Hawaii fl-1978, u b'hekk ġiet ipprovduta s-solitudni għall-mixi u għall-kampeġġi fin-natura.[7] Din id-deżinjazzjoni tkopri n-naħa tal-Majjistral tal-park nazzjonali, inkluż Mokuaweoweo, il-quċċata tal-vulkan ta' Mauna Loa. Fin-naħa tal-Lbiċ tal-park, biċċa kbira min-natura selvaġġa tinkludi diversi mili ta' kosta u parti żgħira fix-Xlokk taċ-ċentru għall-viżitaturi. Il-park fih diversità ta' ambjenti mil-livell tal-baħar sal-quċċata ta' wieħed mill-iżjed vulkani kbar attivi, Mauna Loa, għoli 13,679 pied (4,169 metru). Il-klima tvarja minn foresti pluvjali tropikali folti għal żoni aridi u mingħajr veġetazzjoni bħad-Deżert ta' Ka'ū.

Fost is-siti fejn dan l-aħħar kien hemm attivitajiet ta' żbroffar insibu l-kaldera prinċipali ta' Kīlauea u xaft vulkaniku iżjed attivi iżda iktar remot imsejjaħ Pu'u 'Ō'ō.

Id-daħla prinċipali tal-park hija mit-Triq mad-Dawra ta' Hawaii. It-Triq tal-Katina ta' Krateri twassal sal-kosta, u tgħaddi qrib diversi krateri minn żbroffar storiku. It-triq kienet tkompli sa daħla oħra tal-park qrib ir-raħal ta' Kalapana, iżda dik is-sezzjoni nksiet minn fluss tal-lava, u issa hija disponibbli biss bħala rotta ta' evakwazzjoni f'każ ta' emerġenza. Id-Distrett ta' Kahuku tal-park huwa aċċessibbli mit-Triq ta' Kahuku li tofroq mill-Awtostrada Nru 11 qrib il-plier tal-mil nru 70.

Klima[immodifika | immodifika s-sors]

Data klimatika għas-sede tal-Park Nazzjonali tal-Vulkani ta' Hawaii, temp. normali fl-1991-2020, temp. estremi fl-1949-2015
Xahar Jan Fra Mar Apr Mej Ġun Lul Aww Set Ott Nov Diċ Sena
Temp. għolja rekord f'°C (°F) 79

(26)

82

(28)

80

(27)

81

(27)

81

(27)

83

(28)

87

(31)

84

(29)

85

(29)

81

(27)

80

(27)

81

(27)

87

(31)

Temp. għolja medja f'°C (°F) 74.4

(23.6)

74.7

(23.7)

74.4

(23.6)

74.1

(23.4)

75.8

(24.3)

76.2

(24.6)

78.0

(25.6)

78.8

(26.0)

77.8

(25.4)

77.7

(25.4)

76.1

(24.5)

75.0

(23.9)

80.5

(26.9)

Temp. għolja ta' kuljum f'°F (°C) 68.3

(20.2)

68.2

(20.1)

67.5

(19.7)

68.3

(20.2)

70.5

(21.4)

71.3

(21.8)

72.7

(22.6)

73.7

(23.2)

73.2

(22.9)

72.4

(22.4)

70.3

(21.3)

68.2

(20.1)

70.4

(21.3)

Temp. medja ta' kuljum f'°F (°C) 58.8

(14.9)

58.7

(14.8)

59.1

(15.1)

60.1

(15.6)

61.8

(16.6)

62.8

(17.1)

64.1

(17.8)

64.8

(18.2)

64.3

(17.9)

63.7

(17.6)

62.1

(16.7)

59.9

(15.5)

61.7

(16.5)

Temp. baxxa medja ta' kuljum f'°F (°C) 49.4

(9.7)

49.3

(9.6)

50.7

(10.4)

51.9

(11.1)

53.0

(11.7)

54.3

(12.4)

55.6

(13.1)

56.0

(13.3)

55.4

(13.0)

55.1

(12.8)

54.0

(12.2)

51.7

(10.9)

53.0

(11.7)

Temp. baxxa medja f'°F (°C) 42.6

(5.9)

42.2

(5.7)

44.3

(6.8)

45.9

(7.7)

47.6

(8.7)

49.5

(9.7)

50.3

(10.2)

50.7

(10.4)

50.0

(10.0)

49.5

(9.7)

47.7

(8.7)

44.2

(6.8)

40.6

(4.8)

Temp. baxxa rekord f'°F (°C) 34

(1)

35

(2)

38

(3)

40

(4)

42

(6)

42

(6)

45

(7)

41

(5)

45

(7)

45

(7)

41

(5)

35

(2)

34

(1)

Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) 8.77

(223)

8.15

(207)

10.27

(261)

9.16

(233)

6.46

(164)

5.10

(130)

6.29

(160)

5.91

(150)

5.98

(152)

8.19

(208)

10.59

(269)

11.37

(289)

96.24

(2,444)

Medja ta' jiem bil-preċipitazzjoni (≥ 0.01 pulzieri) 21.9 20.4 25.3 26.3 25.1 25.4 25.8 25.3 23.9 24.5 26.3 25.0 295.2
Sors 1: NOAA.[8]
Sors 2: WRCC (temp. massimi/minimi medji fl-1981–2010).[9]

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Veduta ta' Halema'uma'u mill-ajru, Settembru 2009.

Il-vulkan ta' Kīlauea u l-kaldera ta' Halema'uma'u tiegħu tradizzjonalment kienu jitqiesu bħala l-post sagru fejn kienet tgħix id-divinità femminili tal-vulkan imsejħa Pele, u n-nies ta' Hawaii kienu jżuru l-krater biex joffrulha xi doni.

Fl-1790, grupp ta' ġellieda, flimkien man-nisa u mat-tfal li kienu fl-inħawi, inqabdu fi żbroff vjolenti mhux tas-soltu. Bosta nqatlu u oħrajn ħallew impronti fil-lava li għadhom viżibbli.

L-ewwel viżitaturi tas-sit mill-Punent, il-missjunarju Ingliż William Ellis u l-Amerikan Asa Thurston, marru lejn Kīlauea fl-1823. Ellis kiteb dwar ir-reazzjoni tiegħu malli lemaħ il-vulkan jiżbroffa għall-ewwel darba:

"Spettaklu, sublimi u saħansitra tal-waħx, tfaċċa quddiemna. Waqafna ħesrem u tkexkixna bit-theżżiż. Għal xi waqtiet bqajna ċċassati, muti u mistagħġbin, u bħal statwi, bqajna nħarsu lejn l-istess punt, b'għajnejna mwaħħlin fuq l-abiss ta' taħtna".[10]

Iċ-Ċentru tal-Arti tal-Vulkani kien il-Lukanda tad-Dar tal-Vulkani mill-1877 sal-1921.

Il-vulkan sar attrazzjoni turistika fis-snin 40 tas-seklu 19, u negozjanti lokali bħal Benjamin Pitman u George Lycurgus kienu jġestixxu sensiela ta' lukandi fix-xifer tal-vulkan. Id-Dar tal-Vulkani hija l-unika lukanda jew ristorant fi ħdan il-konfini tal-park nazzjonali.

Lorrin A. Thurston, in-neputi tal-missjunarju Amerikan Asa Thurston, kien wieħed mill-muturi wara l-istabbiliment tal-park wara li investa fil-lukanda mill-1891 sal-1904. William R. Castle ppropona l-idea għall-ewwel darba fl-1903. Thurston, li dak iż-żmien kien is-sid tal-gazzetta The Honolulu Advertiser, stampa editorjali favur l-idea tal-park. Fl-1907, it-territorju ta' Hawaii ħallas biex ħamsin membru tal-Kungress iżuru Haleakalā u Kīlauea flimkien mal-familja tagħhom, inkluż ċena msajra fuq ix-xaftijiet bl-istim mil-lava. Fl-1908, Thurston laqa' lis-Segretarju tal-Affarijiet Interni James Rudolph Garfield, u lil delegazzjoni oħra tal-Kungress is-sena ta' wara. Il-Gvernatur Walter F. Frear ippropona abbozz ta' liġi fl-1911 biex jinħoloq il-Park Nazzjonali ta' Kilauea għal $50,000. Thurston u s-sid tal-art lokali William Herbert Shipman ippropona l-konfini, iżda ffaċċja xi oppożizzjoni mir-ranchers. Thurston stampa l-approvazzjonijiet mingħand John Muir, Henry Cabot Lodge, u l-eks President Theodore Roosevelt. Wara diversi tentattivi, il-leġiżlazzjoni introdotta mid-delegat Jonah Kūhiō Kalaniana'ole finalment għaddiet u b'hekk inħoloq il-park. Ir-Riżoluzzjoni Nru 9525 tal-Kungress ġiet iffirmata minn Woodrow Wilson fl-1 ta' Awwissu 1916. Il-Park Nazzjonali ta' Hawaii sar il-ħdax-il park nazzjonali fl-Istati Uniti, u l-ewwel wieħed f'territorju.

Kif iddikjarat fid-dokument tal-istabbiliment:

L-iskop tal-Park Nazzjonali tal-Vulkani ta' Hawaii huma l-protezzjoni u l-istudju ta' Kīlauea u ta' Mauna Loa, kif ukoll l-aċċess għal tnejn mill-iżjed vulkani attivi fid-dinja; barra minn hekk jiġu perpetwati l-ekosistemi endemiċi ta' Hawaii u l-kultura tradizzjonali tan-nies ta' Hawaii b'rabta ma' dawn il-pajsaġġi.

Fi żmien ftit ġimgħat, l-Att dwar l-Organiku tas-Servizz tal-Park Nazzjonali ħoloq is-Servizz tal-Park Nazzjonali biex jieħu ħsieb is-sistema. Il-park uffiċjalment issejjaħ bħala l-Park Nazzjonali tal-Vulkani ta' Hawaii wara li nqata' mill-Park Nazzjonali ta' Haleakalā fit-22 ta' Settembru 1961.

Tubu tal-lava aċċessibbli faċilment issemmiet għall-familja Thurston. Sezzjoni mhux żviluppata tat-Tubu tal-Lava ta' Thurston testendi għal 1,100 pied (340 metru) oħra lil hinn miż-żona żviluppata u tieqaf ħesrem fil-ġenb tal-għolja, iżda hija magħluqa għall-pubbliku ġenerali.

Pittura ta' Pele[immodifika | immodifika s-sors]

It-tubu tal-lava ta' Thurston fil-Park Nazzjonali tal-Vulkani ta' Hawaii.

Għall-ħabta tal-1929, D. Howard Hitchcock għamel pittura taż-żejt fuq it-tila ta' Pele, id-divinità femminili tan-nar, tas-sajjetti, tar-riħ u tal-vulkani ta' Hawaii. Fl-1966, iben l-artist, Harvey, ta l-pittura b'donazzjoni lill-Park Nazzjonali tal-Vulkani ta' Hawaii, fejn tpoġġiet għall-wiri fiċ-ċentru għall-viżitaturi mill-1966 sal-2005. Il-pittura ġiet ikkritikata minħabba li ntqal li tat bixra Kawkasika lid-divinità femminili ta' Hawaii.

Pittura ta' Pele, magħmula minn D. Howard Hitchcock.

Fl-2003, iċ-Ċentru tal-Arti tal-Vulkani ħabbar kompetizzjoni għal "rappreżentazzjoni iktar moderna u iktar awtentika kulturalment" tad-divinità femminili. Ġurija anonima ta' anzjani nattivi minn Hawaii għażlu pittura ta' Arthur Johnsen minn Puna, Hawaii fost il-140 pittura tal-kompetizzjoni. Fil-pittura ta' Johnsen, id-divinità femminili għandha fattizzi ċarament Polineżjani. F'idha x-xellugija tidher qed iżżomm ħatar tat-tħaffir ('ō'ō) u f'idha l-leminija qed iżżomm il-bajda li minnha faqqset oħtha ż-żgħira Hi'iaka. Fl-2005, il-pittura ta' Hitchcock ġiet sostitwita bil-pittura ta' Johnsen.

Tkabbir tad-Distrett ta' Kahuku[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-2003, 115,788 akru (468.58 km2) addizzjonali tar-Ranch ta' Kahuku żdiedu mal-park, u din kienet l-ikbar akkwiżizzjoni ta' art fl-istorja ta' Hawaii. Issa msejjaħ bħala d-Distrett ta' Kahuku, il-park tkabbar b'56 % permezz tal-art il-ġdida li tinsab fil-Punent tar-raħal ta' Wai'ōhinu u fil-Lvant ta' Ocean View. L-art inxtrat għal $21.9 miljun mill-proprjetà ta' Samuel Mills Damon, b'finanzjament mingħand The Nature Conservancy.

Avvenimenti reċenti[immodifika | immodifika s-sors]

Mappa tal-park li tinkludi d-Distrett ta' Kahuku fuq ix-xellug.

Fid-19 ta' Marzu 2008 kien hemm splużjoni żgħira f'Halema'uma'u, u dan kien l-ewwel avveniment splussiv mill-1924 u l-ewwel żbroff fil-kaldera ta' Kīlauea minn Settembru 1982. Id-detriti mill-isplużjoni ġew sparpaljati fuq erja ta' 74 akru (30 ettaru). Ammont żgħir ta' rmied ġie rrapportat ukoll f'komunità fil-qrib. L-isplużjoni ksiet parti mit-triq madwar xifer il-krater u kkawżat ħsara lill-punt tal-veduta ta' Halema'uma'u mill-għoli. L-isplużjoni ma kinitx tinvolvi xi ħruġ ta' lava, u dan issuġġerixxa lix-xjenzati li kienet ikkawżata minn sorsi idrotermali jew gassużi.

Dan l-avveniment splussiv seħħ wara l-ftuħ ta' xaft ewlieni tal-gass tad-diossidu tal-kubrit u kompliet iżżid il-livelli ta' gass minn Halema'uma'u. Iż-żieda perikoluża ta' gass tad-diossidu tal-kubrit wasslet għall-għeluq tat-triq max-xifer tal-krater bejn il-Mużew ta' Jaggar fin-Nofsinhar/fix-Xlokk sat-Triq tal-Katina ta' Krateri, u l-mogħdijiet kollha li jwasslu sa Halema'uma'u, inkluż dawk minn Byron Ledge, il-Mogħdija ta' 'Iliahi u l-Mogħdija tad-Deżert ta' Ka'ū.

Emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit mix-xaft vulkaniku ta' Halema'uma'u, April 2008.

F'nofs Mejju 2018, id-Distrett ta' Kīlauea fil-park ingħalaq minħabba żbroffar splussiv f'Halema'uma'u, għalkemm id-Distrett ta' Kahuku baqa' miftuħ. Id-Distrett ta' Kīlauea, inkluż iċ-ċentru għall-viżitaturi, reġa' nfetaħ għall-pubbliku fit-22 ta' Settembru 2018. L-attività tal-iżbroffar, iċ-ċedimenti tal-art u l-isplużjonijiet fil-park waqfu għalkollox fil-bidu ta' Awwissu ta' dik is-sena. Fil-quċċata, is-sismiċità u d-deformazzjoni huma negliġibbli. Ir-rati ta' emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit kemm fil-quċċata kif ukoll fiż-Żona tal-Fondoq fil-Baxx tal-Lvant naqsu ferm; ir-rata kkombinata hija inqas minn dik ta' kwalunkwe żmien mill-aħħar tal-2007 'l hawn. Id-data dwar it-terremoti u d-deformazzjoni turi li ma kien hemm l-ebda akkumulu, irtirar jew ċaqliq sinifikanti nett tal-magma taħt il-wiċċ tal-art jew żieda fil-pressjoni kif kien ikun mistenni li kieku s-sistema kienet qed tibda tbaqbaq qabel it-tkomplija ta' xi attività vulkanika.

L-iżbroffar fil-krater ta' Halema'uma'u fl-2023.

Għadira żgħira tal-ilma tfaċċat f'Halema'uma'u fis-sajf tal-2019. L-għadira saret iktar fonda u kibret f'lag żgħir mill-ewwel darba li ġiet osservata, u saret fonda 160 pied (49 metru) fl-1 ta' Diċembru 2020. Żbroffar fil-krater li beda fl-20 ta' Diċembru 2020 wassal biex l-ilma tal-lag għala għalkollox u l-krater beda jerġa' jimtela mill-ġdid bil-lava.

Mill-2022, il-biċċa l-kbira tal-park miftuħ, għalkemm xi segmenti ta' toroq, mogħdijiet u l-Mużew ta' Jaggar tal-Osservatorju tal-Vulkani ta' Hawaii għadhom magħluqin. It-Tubu tal-Lava ta' Thurston (Nāhuku) reġa' nfetaħ għall-pubbliku fil-21 ta' Frar 2020. Diversi ċedimenti kbar ta' blat ġew ikklerjati u ġew installati sensuri għall-monitoraġġ ta' xquq ġodda, flimkien mat-titjib fid-drenaġġ tal-ilma u l-parkeġġ. Dawn iċ-ċedimenti ta' blat u l-formazzjoni ta' xquq kienu ġew ikkawżati minn uħud mis-60,000 terremot li ġew irreġistrati matul l-iżbroffar ta' Kīlauea.

Veduta panoramika tal-lava fit-tarf tat-Triq tal-Katina ta' Krateri.

Fl-2022, wara bosta snin, il-vulkan ta' Mauna Loa żbroffa.

Tkabbir tal-Bajja ta' Pohue[immodifika | immodifika s-sors]

Il-park tkabbar fl-2022 meta l-Fond Fiduċjarju tal-Art Pubblika ttrasferixxa s-sjieda tiegħu tal-Bajja ta' Pohue ta' (16,451 akru) u tal-art tal-madwar (6,657 ettaru) lis-Servizzi tal-Park Nazzjonal. Il-Bajja ta' Pōhue tospita bosta siti kulturali ppreservati sew ta' Hawaii, inkluż l-ikbar barriera rreġistrata f'Hawaii, it-tubi tal-lava, sit funebri, mogħdijiet mauka-makai (mill-muntanji għall-baħar), santwarji tas-sajd, fdalijiet ta' villaġġi kostali li fl-imgħoddi kienu jiffjorixxu f'Hawaii, u petroglifiċi. Parti ppreservata sew tal-Mogħdija Storika Nazzjonali ta' Ala Kahakai jew ta' Ala Loa, sistema ta' mogħdijiet kostali tal-qedem, tgħaddi mal-kosta.

Il-kosta tal-Bajja ta' Pōhue hija ħabitat kritiku għall-ispeċijiet fil-periklu ta' Hawaii elenkati federalment, fosthom il-fekruna tal-baħar ta' Hawaii (honu'ea) u l-foka monaka ta' Hawaii. L-opae'ula (il-gambli ħomor) endemiċi rari jgħixu fl-għadajjar ankjalini tal-inħawi, u l-bajja sikwit iżuruha għasafar nattivi u tal-passa, inkluż l-'iwa (il-fregati), il-koa'e kea (l-għasafar tropikali ta' denbhom abjad), il-kōlea (il-pluviera żgħar), l-'ulili (it-tringi) u l-'auku'u (il-kwakka).

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Park Nazzjonali tal-Vulkani ta' Hawaii ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1987.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti".[1]

Postijiet storiċi[immodifika | immodifika s-sors]

Diversi Postijiet Storiċi fir-Reġistru Nazzjonali jinsabu fi ħdan il-park fil-gżira ta' Hawaii:

  • l-Impronti tal-1790;
  • ir-Residenza ta' Ainahou;
  • il-Mogħdija ta' Ainapo;
  • il-Krater ta' Kīlauea;
  • id-Distrett Storiku ta' Puna-Kā'u;
  • id-Dar tal-Vulkani;
  • l-Impjant Nru 29 tas-Sismografi ta' Whitney fl-Osservatorju tal-Vulkani ta' Hawaii;
  • is-sit tal-kampeġġ ta' Wilkes.

Ċentru għall-viżitaturi u mużewijiet[immodifika | immodifika s-sors]

Iċ-ċentru għall-viżitaturi prinċipali, li jinsab qrib id-daħla tal-park fil-koordinati 19°25′46″N 155°15′25.5″W, jinkludi wirjiet u informazzjoni dwar il-karatteristiċi tal-park. Iċ-Ċentru tal-Arti tal-Vulkani fil-qrib, li jinsab fil-lukanda oriġinali tad-Dar tal-Vulkani tal-1877, huwa elenkat fir-Reġistru Nazzjonali tal-Postijiet Storiċi u jospita wirjiet storiċi u gallerija tal-arti.

Il-Mużew ta' Thomas A. Jaggar, li issa jinsab magħluq minħabba l-ħsarat mill-iżbroffar tal-2018, jinsab ftit mili fil-Punent tul it-Triq tax-Xifer tal-Krater. Il-mużew kellu diversi wirjiet u kien joffri veduta mill-qrib tax-xaft attiv ta' Kīlauea, Halema'uma'u. Il-mużew ingħata isem Thomas Jaggar, l-ewwel direttur tal-Osservatorju tal-Vulkani ta' Hawaii, biswit il-mużew. L-osservatorju stess huwa operat mill-Istħarriġ Ġeoloġiku tal-Istati Uniti u mhux miftuħ għall-pubbliku.

Il-Kamp Militari ta' Kilauea jipprovdi akkomodazzjoni għall-persunal militari tal-Istati Uniti. Xi gruppi ta' volontiera jisponsorjaw ukoll xi avvenimenti fil-park.

Sovraintendenti[immodifika | immodifika s-sors]

Sovraintendenti tal-park nazzjonali:

  • 1922–1922 — Albert O. Burkland;
  • 1922–1926 — Thomas Boles;
  • 1926–1926 — Albert O. Burkland;
  • 1927–1928 — Richard T. Evans;
  • 1928–1931 — Thomas J. Allen;
  • 1931–1933 — Ernest P. Leavitt;
  • 1933–1946 — Edward G. Wingate;
  • 1946–1946 — Gunnar O. Fagerlund;
  • 1946–1953 — Francis R. Oberhansley;
  • 1953–1959 — John B. Wosky;
  • 1959–1965 — Fred T. Johnston;
  • 1965–1967 — Glen T. Bean;
  • 1967–1970 — Daniel J. Tobin;
  • 1970–1971 — Gene J. Balaz;
  • 1971–1975 — G. Bryan Harry;
  • 1975–1978 — Robert D. Barbee;
  • 1979–1987 — David B. Ames;
  • 1987–1987 — James F. Martin;
  • 1987–1993 — Hugo H. Huntzinger;
  • 1993–2004 — James F. Martin;
  • 2004–2019 — Cynthia Orlando;
  • mill-2019 — Rhonda Loh.

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b ċ "Hawaii Volcanoes National Park". whc.unesco.org.
  2. ^ Perez, Rob (2018-05-28). "Volcano park closed for record stretch due to Kilauea eruption". Honolulu Star-Advertiser (bl-Ingliż). Miġbur 2024-07-02.
  3. ^ Wu, Nina (2018-08-23). "Volcanoes park reopening good news for Big Island". Honolulu Star-Advertiser (bl-Ingliż). Miġbur 2024-07-02.
  4. ^ Dayton, Kevin (2018-09-23). "Visitors flock to reopened Hawai'i Volcanoes National Park". Honolulu Star-Advertiser (bl-Ingliż). Miġbur 2024-07-02.
  5. ^ "Kīlauea - Volcano Updates | U.S. Geological Survey". www.usgs.gov. Miġbur 2024-07-02.
  6. ^ "AcreageReports - Land and Water Conservation Fund (U.S. National Park Service)". www.nps.gov (bl-Ingliż). Miġbur 2024-07-02.
  7. ^ "Visit Wilderness". wilderness.net (bl-Ingliż). Miġbur 2024-07-02.
  8. ^ US Department of Commerce, NOAA. "National Weather Service". www.weather.gov (bl-Ingliż). Miġbur 2024-07-02.
  9. ^ "HAWAII VOL NP HQ 54, HAWAII - Climate Summary". wrcc.dri.edu. Miġbur 2024-07-02.
  10. ^ "Hawaii National Park (Nature Notes)". web.archive.org. 2012-10-23. Miġbur 2024-07-02.