Aqbeż għall-kontentut

Park Nazzjonali tal-Għerien ta' Naracoorte

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Skeletru fossilizzat ta' Thylacoleo f'wieħed mill-Għerien ta' Naracoorte miftuħ għall-pubbliku

Il-Park Nazzjonali tal-Għerien ta' Naracoorte huwa park nazzjonali li jinsab ħdejn Naracoorte fir-reġjun turistiku tal-Kosta tal-Ġebla tal-Ġir (bl-Ingliż: Limestone Coast) fix-Xlokk tal-istat tan-Nofsinhar tal-Awstralja. Ġie rikonoxxut uffiċjalment fl-1994 għall-ġabra estensiva ta' fossili meta tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO flimkien ma' Riversleigh.[1] Il-park jippreserva 6 km2 ta' veġetazzjoni, bi 28 għar fi ħdan iż-żona ta' lqugħ ta' 3.05 km2. Mit-28 għar magħruf fil-park, erba' biss huma miftuħin għall-pubbliku. L-għerien l-oħra mhumiex miftuħin għall-pubbliku peress li huma importanti għar-riċerka xjentifika u anke għall-protezzjoni tal-għerien stess u tal-kontenut tagħhom. Ħafna mill-għerien fihom stalaktiti u stalagmiti spettakolari.[2]

Skoperta Ewropea

[immodifika | immodifika s-sors]

L-għerien, li jinsabu fi ħdan il-konfini tal-park nazzjonali attwali, ġew skoperti għall-ewwel darba fl-1845 bl-iskoperta tal-għar imsejjaħ l-Għar ta' Blanche.[3]

Riżerva Forestali ta' Naracoorte

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1885, id-Dipartiment tal-Boskijiet u tal-Foresti ħatar entità responsabbli mill-ġestjoni minħabba "l-popolarità tal-għerien u l-vulnerabbiltà tagħhom għall-vandaliżmu".[3]

Post Rikreattiv Nazzjonali

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1916, il-kontroll tal-parti tar-riżerva forestali li kien fiha ħafna mill-għerien u li kienet tinkludi madwar 20 ettaru ta' art ġie ttrasferit mid-Dipartiment tal-Boskijiet u tal-Foresti lill-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni, tar-Riklami u tat-Turiżmu li beda jieħu ħsieb il-ġestjoni tas-sit bħala post rikreattiv nazzjonali skont l-Att tal-Postijiet Rikreattivi Nazzjonali tal-1914 sal-1972. Il-bidla fil-kontroll ġiet iddokumentata fil-Ġurnal Uffiċjali fl-1 ta' Marzu 1917. L-iżvilupp tal-post rikreattiv nazzjonali f'"destinazzjoni turistika reġjonali importanti ġiet megħjuna bl-iskoperta fl-1969 fl-Għar ta' Victoria tal-ikbar depożitu ta' fossili ta' speċi vertebrata tal-Plejstoċen Awstraljan".[3]

Park ta' Konservazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Fis-27 ta' April 1972, l-isem inbidel għal Park ta' Konservazzjoni tal-Għerien ta' Naracoorte skont id-dikjarazzjoni tal-Att tal-Parks Nazzjonali u tal-Organiżmi Selvaġġi tal-1972 li ħassar l-att preċedenti flimkien ma' statuti oħra rigward il-konservazzjoni. Fl-1982, il-Park ta' Konservazzjoni ġie elenkat fir-Reġistru tal-Wirt Nazzjonali li attwalment m'għadux fis-seħħ.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Wieħed mill-għerien aċċessibbli għall-pubbliku

Is-Siti Awstraljani tal-Fossili tal-Mammiferi (Riversleigh/Naracoorte) ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1994 u żdiedu fil-lista Awstraljana tal-Wirt Nazzjonali fil-21 ta' Mejju 2007.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti"; u l-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar".[1]

Park Nazzjonali

[immodifika | immodifika s-sors]

Fit-18 ta' Jannar 2001, il-Park ta' Konservazzjoni tal-Għerien ta' Naracoorte ġie abolit u l-art li kien jokkupa sar meqjus bħala Park Nazzjonali peress li tqies "ta' importanza nazzjonali minħabba l-karatteristiċi naturali tal-art" u ssejjaħ bħala l-Park Nazzjonali tal-Għerien ta' Naracoorte.[4]

Deżinjazzjoni bħala wirt nazzjonali

[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-21 ta' Mejju 2007, is-Siti Awstraljani tal-Fossili tal-Mammiferi kien wieħed minn 15-il Sit ta' Wirt Dinji li żdiedu fil-Lista Awstraljana tal-Wirt Nazzjonali.

Deżinjazzjoni bħala wirt statali

[immodifika | immodifika s-sors]

Fis-17 ta' Mejju 2017, il-park nazzjonali ġie elenkat bħala post ta' wirt statali fir-Reġistru tal-Wirt tan-Nofsinhar tal-Awstralja bl-isem ta' Kumpless ta' Għerien ta' Naracoorte.[5]

Attrazzjoni għall-viżitaturi

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-park huwa attrazzjoni għall-viżitaturi fih innifsu, b'post għall-kampijiet u park għall-karavans, dormitorji għall-gruppi, postijiet għal picnics u kafetterija bil-liċenzja. Il-firxa ta' attivitajiet għall-viżitaturi hija waħda estensiva. Isiru żjarat iggwidati fl-għerien aċċessibbli għall-pubbliku minn persunal professjonali. It-teknoloġija moderna ntużat biex il-viżitaturi xorta waħda jkunu jistgħu mill-inqas jaraw virtwalment l-Għar tal-Friefet il-Lejl li mhux aċċessibbli għall-pubbliku, fejn eluf ta' friefet il-lejl (Miniopterus orianae bassanii) jitnisslu kull sena. Opportunitajiet oħra jinkludu żjarat avventuriżi fl-għerien b'aċċessibbiltà diffiċli, għażla ta' żjarat turistiċi speċjali u avvenimenti speċjali oħra. Iċ-Ċentru tal-Fossili ta' Wonambi, iċ-ċentru tal-viżitaturi tal-park, fih wirjiet ta' fossili u ta' għadam li nstabu fl-għerien u dijorami ta' annimali estinti.

Il-ġebla tal-ġir taż-żona ffurmat minn ħlejqiet tal-qroll u tal-baħar 200 miljun sena ilu u mill-ġdid 20 miljun sena ilu meta l-art kienet taħt il-livell tal-baħar. L-ilma tal-pjan minn dak iż-żmien nawwar u wassal għall-erożjoni tal-ġebla tal-ġir, u nħolqu l-għerien. L-għerien, bħall-Għar tal-Fossili ta' Victoria u l-Għar ta' Blanche, spiss mhumiex wisq fil-fond taħt l-art, u maż-żmien jiffurmaw ħofor li jsiru qishom nases għall-ħlejqiet li ma kinux midħla sew tal-post. Dan huwa s-sors tal-kollezzjoni notevoli ta' fossili. Xi mammiferi u ħlejqiet terrestri oħra waqgħu fil-ħofor tas-soqfa ta' għerien miftuħa u nqabdu hemmhekk. Il-kollezzjoni tal-fossili ġiet ippreservata f'saffi li ffurmaw bl-erożjoni tas-saff ta' fuq nett mill-ilma u mir-riħ. F'xi postijiet, id-depożiti bil-fossili għandhom ħxuna saħansitra sa 20 metru. Uħud minn dawn il-postijiet qed jiġu ppreservati għal riċerka fil-ġejjieni meta jaf jilħqu jiġu żviluppati metodi aħjar għad-datazzjoni u għar-rikostruzzjoni tal-kollezzjoni tal-fossili. Dawn in-nases tal-fossili huma speċjalment sinifikanti għat-traċċar tal-megafawna Awstraljana.

  • Achenbach, Joel, "Lost Giants", National Geographic, 218 (4): 90–109.
  • "Naracoorte Caves". ParksWeb: Wonambi Fossil Centre. Government of South Australia. 5 September 2006.
  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Australian Fossil Mammal Sites (Riversleigh / Naracoorte)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-27.
  2. ^ "Naracoorte Caves | About Naracoorte Caves". Naracoorte Caves (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-27.
  3. ^ a b ċ South East Region, National Parks and Wildlife SA, Department for Environment and Heritage (2001), Naracoorte Caves National Park management plan, South East, South Australia, South Australia. Department for Environment and Heritage, p. 15, ISBN 978-0-7308-5846-1
  4. ^ Brindal, Mark. "NATIONAL PARKS AND WILDLIFE ACT 1972 SECTIONS 29(3) AND 28(1): ABOLITION OF NARACOORTE CAVES CONSERVATION PARK AND CONSTITUTION OF NARACOORTE CAVES NATIONAL PARK". South Australian Government Gazette. South Australian Government. p. 70.
  5. ^ "The South Australia Heritage Places database". maps.sa.gov.au. Miġbur 2022-04-27.