Riversleigh

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Riversleigh, l-Awstralja

Riversleigh huwa l-iżjed sit famuż tal-Awstralja għall-fossili, u huwa rikonoxxut għal sensiela ta' fossili ppreservati tajjeb li ġew depożitati mill-Oligoċen Aħħari sa perjodi ġeoloġiċi iktar reċenti. Is-sistema fossilifera tal-ġebla tal-ġir tinsab qrib ix-xmara Gregory fil-Majjistral ta' Queensland, ambjent li fl-imgħoddi mbiegħed kien foresta tropikali fejn kienet tinżel ħafna xita u li sar iktar aridu meta l-mases tal-art ta' Gondwana sseparaw minn xulxin u l-kontinent Awstraljan iċċaqlaq lejn it-Tramuntana. Iż-żona ta' Riversleigh fiha madwar 100 kilometru kwadru u fiha fdalijiet ta' fossili ta' mammiferi, għasafar u rettili tal-qedem tal-Oligoċen u tal-Mijoċen. Ħafna minn dawn il-fdalijiet ġew skoperti hemmhekk biss u ma jeżistu mkien iktar; l-ispeċijiet li kienu jgħixu fl-imgħoddi hemmhekk huma magħrufa bħala l-fawna ta' Riversleigh.[1]

Il-fossili ta' Riversleigh mhumiex tas-soltu għaliex instabu fil-ġebla tal-ġir ratba tal-ilma ħelu li ma ġietx ikkumpattata.[2] Dan ifisser li l-fdalijiet tal-annimal żammew l-istruttura tridimensjonali tagħhom, u mhux ġew parzjalment mgħafġin bħal fil-biċċa l-kbira tas-siti tal-fossili. Iż-żona ta' Riversleigh tinsab fi ħdan il-baċir tal-iskular tax-xmara Gregory. Ħafna mis-siti tal-fossili kienu xquq u għerien tal-ġebla tal-ġir li nħolqu bl-azzjoni ta' ammonti kbar ta' ilma fuq il-formazzjonijiet karstiċi, u b'hekk ħolqu fosos li kienu qishom nases u postijiet fejn kienu jiġu jieklu l-predaturi li minn żmien għal żmien u x'aktarx ħesrem inqabdu jew intradmu hemm u l-fdalijiet tagħhom ġew ippreservati; dawn il-kundizzjonijiet wasslu għall-gruppi kbar ta' friefet il-lejl fossilizzati u l-ħmieġ tagħhom għen fil-konservazzjoni tal-fdalijiet tagħhom stess u ta' annimali oħra.[3]

L-ewwel fossili nstabu fiż-żona fl-1901.[4] Stħarriġ inizjali ta' esplorazzjoni sar fl-1963. Mill-1976, iż-żona kienet soġġetta għal esplorazzjoni sistemika.[4] Is-sit ġie ddeżinjat b'mod konġunt mal-Park Nazzjonali tal-Għerien ta' Naracoorte fin-Nofsinhar tal-Awstralja bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1994. Barra minn hekk, is-sit huwa estensjoni tal-Park Nazzjonali ta' Boodjamulla.[5]

Deskrizzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Skeletru fossilizzat ta' Nimbadon lavarackorum li nstab f'AL90, Riversleigh

Il-fossili ta' Riversleigh instabu fil-ġebla tal-ġir qrib għadajjar żgħar tal-ilma ħelu rikki fil-ġir, u fl-għerien, meta l-ekosistema kienet qed tevolvi minn forest tropikali rikka għal bur tal-ħaxix semiaridu. Uħud mill-fossili ta' Riversleigh imorru lura saħansitra 25 miljun sena.[6] Konċentrazzjonijiet għoljin ta' karbonat tal-kalċju wasslu biex il-fossili baqgħu ppreservati tajjeb ferm. Il-kollezzjoni ta' fossili tiżvela l-evoluzzjoni fost il-mammiferi matul iktar minn 20 miljun sena. Il-fossili nstabu f'iktar minn 200 post individwali. L-ammont ta' fossili hawnhekk huwa sinifikanti u jipprovdi evidenza tal-evoluzzjoni u tad-distribuzzjoni tal-ispeċijiet ta' Gondwana.

Il-preżenza tal-fawna ta' Riversleigh fl-Oligoċen u fil-Mijoċen ġiet ikklassifikata b'erba' "żoni tal-fawna", li ntużaw biex jiddeskrivu l-preżenza tat-tassonomija tal-fossili f'dawn il-perjodi. Fil-qosor dawn huma:

  • iż-Żona tal-Fawna A: l-Oligoċen Aħħari, minn 28.4 sa 23.03 miljun sena ilu
  • iż-Żona tal-Fawna B: il-Mijoċen Bikri, minn 23.03 sa 15.97 miljun sena ilu
  • iż-Żona tal-Fawna Ċ: il-Mijoċen Medju, minn 15.97 sa 11.608 miljun sena ilu
  • iż-Żona tal-Fawna D: il-Mijoċen Aħħari, minn 11.608 sa 5.332 miljun sena ilu.

F'Riversleigh ġew identifikati l-fossili ta' 35 speċi ta' friefet il-lejl, li hija l-iktar kollezzjoni rikka fid-dinja. Id-depożiti tal-għerien kienu partikolarment rikki fil-fossili tal-ispeċijiet ta' friefet il-lejl.

Il-kranju u s-snien u x-xedaq kważi sħaħ ta' monotrem ta' 15-il miljun sena ilu, Obdurodon dicksoni, jixħtu ftit dawl fuq l-evoluzzjoni ta' dan il-grupp karatteristikament Awstraljan. Fossili tal-antenati tat-tilaċin estint reċentement, Thylacinus cynocephalus, ġew identifikati wkoll fost il-fawna ta' Riversleigh. Fl-1993, il-kranji tan-Nimbadon, annimal simili għall-koala, instabu f'għar li qabel ma kienx magħruf fir-reġjun.[7] Ir-riċerkaturi jistmaw li dan il-marsupjal deher għall-ewwel darba madwar 15-il miljun sena ilu u sar estint madwar 12-il miljun sena ilu, x'aktarx minħabba t-tibdil fil-klima li wassal għal telf tal-ħabitat tagħhom. Kranju ppreservat tajjeb tan-Nimbacinus dicksoni, antenat estint tat-tilaċin, intuża biex tiġi ddeterminata l-imġiba tal-kaċċa tal-ispeċi.[8]

Fossili oħra pprovdew evidenza ta' kif din l-ispeċi ta' koala evolviet b'rispons għat-tibdil fil-klima fl-Awstralja minn veġetazzjoni predominanti ta' foresti tropikali għal foresti iktar aridi tal-ewkaliptu.[9] Il-fossili tal-għasafar f'Riversleigh jinkludu l-artamid Kurrartapu johnnguyeni, fossila ta' daqquqa tal-ġebel[10], u rappreżentazzjonijiet ta' diversi familji oħra ta' għasafar moderni.[11][12][13] Barra minn hekk, ġew skoperti wkoll xi fossili ta' insetti u ta' pjanti.

L-ispeċijiet ta' fossili identifikati fis-siti, kollettivament huma magħrufa bħala l-fawna ta' Riversleigh.

Riċerka[immodifika | immodifika s-sors]

L-istudji xjentifiċi f'Riversleigh jitwettqu l-iktar minn grupp ta' paleontologi mill-Università ta' New South Wales. Mike Archer huwa paleontologu li ilu jaħdem f'Riversleigh mill-1983. Hu l-koħaddiema tiegħu skoprew li l-aċidu aċetiku milwiem kien l-iżjed metodu effettiv għall-estrazzjoni tal-fossili. Karen Black, paleontologa wkoll mill-Università ta' New South Wales, skopriet speċi ġdida ta' koala estinta f'Riversleigh, li mbagħad issemmiet għal Dick Smith.[14]

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Is-Siti Awstraljani tal-Fossili tal-Mammiferi (Riversleigh/Naracoorte) ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1994 u żdiedu fil-lista Awstraljana tal-Wirt Nazzjonali fil-21 ta' Mejju 2007.[5]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti"; u l-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar".[5]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Archer M; Hand, Suzanne J. & Godthelp H. [1991] 2000. Australia's lost world: Riversleigh, World Heritage Site. Reed, Sydney.
  2. ^ "Ancient Worlds News - Huge skulls clues to snake evolution - 16/02/2006". www.abc.net.au. Miġbur 2022-04-27.
  3. ^ "World Heritage Places - Australian Fossil Mammal Sites - DAWE". www.awe.gov.au. Miġbur 2022-04-27.
  4. ^ a b The Australian Heritage Council (2012). Australia' Fossil Heritage: A Catalogue of Important Australian Fossil Sites. Csiro Publishing. pp. 43–44. ISBN 978-0643102309.
  5. ^ a b c Centre, UNESCO World Heritage. "Australian Fossil Mammal Sites (Riversleigh / Naracoorte)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-27.
  6. ^ "Riversleigh Section, Boodjamulla (Lawn Hill) National Park - Nature, culture and history (Department of Environment and Resource Management)". web.archive.org. 2011-09-13. Miġbur 2022-04-27.
  7. ^ "Cave yields marsupial fossil haul" (bl-Ingliż). 2010-07-19. Miġbur 2022-04-27.
  8. ^ "This meat-eating marsupial may have hunted prey larger than itself | Science Recorder". web.archive.org. 2014-04-13. Miġbur 2022-04-27.
  9. ^ Gaffney, Dan; Wales, University of New South. "Loud and lazy but didn't chew gum: Ancient koalas". phys.org (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-27.
  10. ^ Nguyen, Jacqueline M. T. (2016-01-04). "Australo-Papuan treecreepers (Passeriformes: Climacteridae) and a new species of sittella (Neosittidae: Daphoenositta) from the Miocene of Australia". Palaeontologia Electronica . 19 (1): 1–13.Manutenzjoni CS1: lingwa mhix magħrufa (link)
  11. ^ Boles, WE (1998). "A budgerigar Melopsittacus undulatus from the Pliocene of Riversleigh, North-western Queensland". Emu. 98 (1): 32–35.
  12. ^ Boles, WE (2005). "A review of the Australian fossil storks of the genus Ciconia (Aves: Ciconiidae), with the description of a new species". Records of the Australian Museum. 57 (2): 165–178.
  13. ^ Nguyen, JMT, Hand SJ, Archer M (2016). "The late Cenozoic passerine avifauna from Rackham's Roost Site, Riversleigh, Australia". Records of the Australian Museum. 68 (5): 201–230.
  14. ^ Queensl, The University of; Lucia, Australia Brisbane St; Gatton, QLD 4072 +61 7 3365 1111 Other Campuses: UQ; Maps, UQ Herston; Queensl, Directions © 2022 The University of. "20 million year old koala named after Dick Smith". UQ News (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-27.