Aqbeż għall-kontentut

Park Nazzjonali ta' Virunga

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Park Nazzjonali ta' Virunga.

Il-Park Nazzjonali ta' Virunga huwa park nazzjonali fil-Fondoq Albertin fin-naħa tal-Lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u nħoloq fl-1925. Bħala elevazzjoni, il-park ivarja minn 680 metru (2,230 pied) fil-wied tax-xmara Semliki sa 5,109 metri (16,762 pied) fil-Muntanji ta' Rwenzori. Mit-Tramuntana għan-Nofsinhar, il-park huwa estiż fuq madwar 300 kilometru (190 mil), l-iktar tul il-fruntieri internazzjonali mal-Uganda u mar-Rwanda fil-Lvant. Ikopri erja ta' 8,090 km2 (3,120 mil kwadru).

Fil-park hemm żewġ vulkani attivi, Nyiragongo u Nyamuragira.[1] Dawn iż-żewġ vulkani sawru b'mod sinifikanti d-diversi ħabitats u organiżmi selvaġġi tal-park nazzjonali. Ġew irreġistrati iktar minn 3,000 speċi ta' fawna u flora, li minnhom iktar minn 300 speċi huma endemiċi għall-Fondoq Albertin, inkluż il-gorilla tal-Lvant (Gorilla beringei) u x-xadina dehbija (Cercopithecus kandti).[2]

Fl-1979, il-Park Nazzjonali ta' Virunga tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, bis-saħħa tad-diversità rikka tiegħu ta' ħabitats, bijodiversità eċċezzjonali u endemiżmu, kif ukoll tal-protezzjoni tal-ħabitat tal-gorilli rari tal-muntanji. Is-sit tniżżel fil-lista tas-siti fil-periklu mill-1994 minħabba l-irvelli ċivili u ż-żieda ta' preżenza umana fir-reġjun.[3]

Kien hemm bosta attakki fatali fil-park minn gruppi ribelli, u diversi rangers tal-park inqatlu.[4][5][6]

Mill-ewwel deċennju tas-seklu 21, kien hemm pjanijiet biex isir tħaffir għaż-żejt fil-Baċir tal-Kongo. Billi pprevjena dawn il-pjanijiet, il-park kiseb iktar protezzjoni permezz ta' ftehim issiġillat bejn il-President tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo Felix Tshisekedi u Boris Johnson fil-Konferenza tat-Tibdil fil-Klima tan-Nazzjonijiet Uniti fl-2021 fi Glasgow.[7][8] Sabiex itejjeb il-qagħda ekonomika tal-pajjiż, il-gvern immina l-protezzjoni stess billi rkanta blokok tal-esplorazzjoni taż-żejt fi ħdan il-park sa tmiem Lulju 2022. Tullow Oil Plc, TotalEnergies, ENI u China National Offshore Oil Corporation Ltd (CNOOC) kienu interessati jakkwistaw il-permessi għat-tħaffir.[9] Gruppi lokali u globali, bħal Greenpeace, wissew dwar l-impatt soċjali u ekoloġiku tad-devastazzjoni tal-foresti għall-produzzjoni taż-żejt. Dawk li qed jippruvaw jqajmu kuxjenza pubblika spiss jħossuhom mhedda u intimidati fuq il-midja soċjali.[10]

Fil-bidu tas-snin 20 tas-seklu 20, diversi entitajiet favur il-moviment Ewropew għall-konservazzjoni ħaddnu l-idea li tinħoloq żona protetta fil-Grigal tal-Kongo Belġjan, fosthom Victor van Straelen, Jean Massart u Jean-Marie Derscheid. Meta l-Park Nazzjonali ta' Albert ġie stabbilit f'April 1925 bħala l-ewwel park nazzjonali tal-Kongo, ġie konċepit bħala riżerva naturali orjentata lejn ix-xjenza bl-għan li jiġu studjati u ppreservati l-organiżmi selvaġġi u l-hekk imsejħa kaċċaturi-ġemmiegħa Pigmej Afrikani "primittivi". Fl-1926, Derscheid mexxa l-ewwel missjoni Belġjana biex l-Park Nazzjonali ta' Albert jiġi mmappjat, b'erja ta' 500 km2 (190 mil kwadru) madwar il-vulkani estinti ta' Karisimbi u Mikeno. Iż-żona protetta ġiet estiża fl-1929 għall-Park Nazzjonali ta' Virunga, li jinkorpora l-Muntanji ta' Virunga, partijiet mit-Territorju tar-Rutshuru, u l-pjanuri fin-Nofsinhar tal-Lag ta' Edward. Id-daqs inizjali tiegħu ta' 2,920.98 km2 (1,127.80 mil kwadru) tkabbar pass pass fis-snin ta' wara.[11][12][13][14] In-nies indiġeni tilfu d-drittijiet tal-art tradizzjonali tagħha f'dan il-proċess, u ġew rilokat miż-żona protetta.[15] Bejn l-aħħar tas-snin 30 tas-seklu 20 u l-1955, huwa stmat li 85,000 persuna Rwandofona ġew rilokati lejn Masisi fil-qrib fit-Tramuntana ta' Kivu.[16]

Fl-1934 ġie stabbilit l-Institut des Parcs Nationaux du Congo Belge bħala l-korp ta' governanza għall-parks nazzjonali fil-Kongo Belġjan. Bejn il-bidu tas-snin 30 tas-seklu 20 u l-1961, twettqu diversi spedizzjonijiet fil-Park Nazzjonali ta' Albert minn xjenzati Belġjani, it-tieni waħda mmexxija minn Gaston-François de Witte. Huma studjaw u ġabru eżemplari żooloġiċi tal-organiżmi selvaġġi għall-Musée Royal d'Histoire Naturelle de Belgique; esploraw il-gruppi etniċi f'din iż-żona; studjaw l-attività vulkanika u studjaw il-fossili.

Fl-aħħar tas-snin 50 tas-seklu 20, rgħajja Tutsi u l-bhejjem tagħhom daħlu fil-park u qerdu l-ħabitat naturali sa altitudni ta' 3,000 metru (9,800 pied), u kien maħsub li kienu ta' theddida għall-gorilli tal-park.[17]

Fis-snin 60 tas-seklu 20 saru riformi fil-liġijiet tal-art wara li l-Kongo Belġjan sar indipendenti bħala r-Repubblika tal-Kongo, u l-art ġiet iddikjarata bħala proprjetà tal-istat, għaż-żvantaġġ tal-popli lokali. Il-kaċċa illegali fi ħdan iż-żoni protetti żdiedet. Fl-1969, iż-żewġ parks ġew imwaħħda f'park wieħed bl-isem ta' Park Nazzjonali ta' Virunga, li ġie ddikjarat ukoll bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979.

Fl-1996, il-park nazzjonali tniżżel bħala sit Ramsar ta' importanza internazzjonali.[18]

Fl-2011, il-kumpanija Brittanika Soco International ingħatat konċessjoni għall-estrazzjoni taż-żejt mhux maħdum fil-madwar u f'partijiet kbar tal-park nazzjonali. L-uffiċjali tal-gvern appoġġaw l-attivitajiet ta' esplorazzjoni minn membri tal-missjoni ta' Soco International, filwaqt li l-entitajiet tal-ġestjoni tal-park kienu kontra. Matul iż-żieda fit-tensjonijiet, il-gwardjan ewlieni tal-park, Emmanuel de Mérode, ġie attakkat f'April 2014.[19] Wara protesti internazzjonali, il-kumpanija ma baqgħetx għaddejja bl-attivitajiet ta' esplorazzjoni u aċċettat li ma twettaqx operazzjonijiet simili qrib Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[20][21][22][23]

Sal-2016, erba' digi tal-enerġija idroelettrika nbnew biex jipprovdu l-elettriku għan-negozji żgħar u għall-benefiċċju ta' iktar minn 200,000 persuna li tgħix fiż-żoni rurali.[24]

Kunflitt armat

[immodifika | immodifika s-sors]

Mill-bidu tas-snin 90 tas-seklu 20, iż-żona protetta ġiet affettwata mit-taqlib politiku fir-reġjun tal-Lagi Afrikani l-Kbar. Wara l-ġenoċidju tar-Rwanda, eluf ta' refuġjati ħarbu lejn ir-reġjun ta' Kivu, u l-preżenza militari żdiedet. L-Ewwel u t-Tieni Gwerer tal-Kongo komplew inaqqsu l-istabbiltà fir-reġjun. Ir-rondi ta' kontra l-insib fi ħdan il-park ġew imxekkla, u l-persunal u l-organiżmi selvaġġi tal-park inqatlu. Madwar 850,000 refuġjat kienu jgħixu fl-inħawi tal-park nazzjonali fl-1994. Sa 40,000 ruħ kienu jidħlu fil-park kuljum biex ifittxu l-injam għall-ħatab u l-ikel, u b'hekk qerdu s-siġar ta' żoni kbar sħaħ. Fl-1994, il-Park Nazzjonali ta' Virunga ddaħħal fil-lista tas-siti fil-periklu.

Wara tmiem it-Tieni Gwerra tal-Kongo, il-konfronti bejn il-persunal tal-park u l-gruppi ribelli komplew; 80 membru tal-persunal tal-park inqatlu bejn l-1996 u l-2003. Diversi gruppi ribelli armati joperaw fil-park, inkluż il-Forzi Demokratiċi għal-Liberazzjoni tar-Rwanda u l-Kungress Nazzjonali għad-Difiża tal-Poplu (FDLR). Dan tal-aħħar kellu l-kontroll tas-settur ta' Mikeno tal-Park Nazzjonali ta' Virunga bejn Diċembru 2006 u Jannar 2009.

Fl-2005, il-Kummissjoni Ewropea rrakkomandat sħubija pubblika-privata bejn il-gvern tal-pajjiż u l-organizzazzjoni Brittanika mhux governattiva tal-Fond Afrikan tal-Konservazzjoni. Din l-organizzazzjoni tal-aħħar ilha responsabbli għall-ġestjoni tal-park mill-2010; madwar 80 % tal-kostijiet tal-ġestjoni ġew issusidjati mill-Kummissjoni Ewropea. L-isforzi tal-protezzjoni tal-park ġew militarizzati fis-snin ta' wara biex inaffru lill-gruppi ribelli armati u lin-nassaba milli joperaw fi ħdan il-park. Il-persunal tal-park jingħata taħriġ paramilitari u armi ta' kwalità għolja, u joperaw flimkien mas-servizzi militari u tas-sigurtà tal-istat.

Dawn it-tattiki, ikkritikati bħala l-"militarizzazzjoni tal-konservazzjoni", ingħataw il-ħtija għat-tkomplija tal-vjolenza u għat-tneħħija tal-artijiet tal-popli indiġeni. Il-komunitajiet bħal dawk tal-poplu Mbuti, li qabel kienu jiddependu fuq l-artijiet inklużi fil-park għall-ikel u għall-kenn kellhom jitilqu, jew jissograw li jiġu arrestati jew jinqatlu mir-rangers armati tal-park.

Iż-żieda tal-militarizzazzjoni tal-konservazzjoni tan-natura ngħatat il-ħtija wkoll li kompliet tqanqal il-mobilizzazzjoni armata tal-milizji. L-abitanti fi ħdan il-park nazzjonali, nattivi jew refuġjati, kienu jiddependu fuq il-biedja, il-kaċċa, is-sajd, il-qtugħ tas-siġar għall-injam u l-produzzjoni tal-faħam għall-għajxien tagħhom, li kollha saru attivitajiet projbiti. Il-komunità lokali ma kellha mkien iktar fejn iddur għas-sigurtà, u b'hekk serrħet fuq il-protezzjoni tal-gruppi armati bi ħlas. Skont rapport tal-2010 mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, 80 % tal-faħam ikkonsmat mill-belt ta' Goma jiġi mill-park, u jirrappreżenta valur annwali ta' US$28–30 miljun. Kemm is-servizzi tas-sigurtà tal-istat kif ukoll dawn il-gruppi jwettqu serqiet armati u ħtif għall-introjtu.

L-isforzi tal-konservazzjoni tan-natura kellhom effetti kontradittorji, pereżempju meta l-irziezet inqerdu fi ħdan Kibirizi, u s-suldati u l-gwardi tal-park intbagħtu biex iwettqu r-rondi fil-park, in-nies wettqu migrazzjoni iktar 'il ġewwa fil-park f'art ikkontrollata mill-FDLR, fejn setgħu jikru rqajja' żgħar tal-art. Fl-2015 kien hemm tilwim meta grupp Mai-Mai lokali f'Binza (fit-Tramuntana ta' Bwisha) ipprova jerġa' jieħu l-kontroll tar-reġjun, bl-objettiv li jerġa' jistabbilixxi l-attivitajiet tas-sajd u jħalli lill-popolazzjoni terġa' lura fil-park, fejn inqatel gwardjan tal-park u bejn 11 u 15-il suldat.

F'Awwissu 2017 inqatlu ħames rangers qrib il-Lag ta' Edward f'attakk tal-milizji. Ħames rangers u sewwieq inqatlu f'April 2018. Mill-bidu tal-kunflitt armat, il-gruppi armati qatlu 175 ranger tal-park sa April 2018. F'Mejju 2018, ranger inqatel hu u jiddefendi żewġ turisti li nħatfu. Sussegwentement inħelsu mingħajr ma ġew feruti. Minħabba f'hekk, il-park baqa' magħluq għall-viżitaturi minn Ġunju 2018 sa Frar 2019.

F'April 2020, mill-inqas 12-il ranger tal-park inqatlu mill-milizji li attakkaw konvoj ta' nies ċivili. Mill-ġdid f'Jannar 2021, irġiel armati qatlu mill-inqas sitt rangers u darbu diversi oħrajn f'attakk fi ħdan il-park nazzjonali.

Fit-22 ta' Frar 2021, l-ambaxxatur tal-Italja fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo kien qed jivvjaġġa mal-Programm Dinji tal-Ikel madwar 15-il kilometru fit-Tramuntana ta' Goma, Luca Attanasio, flimkien mal-uffiċjal tal-pulizija militari Taljan Vittorio Iacovacci u s-sewwieq Kongoliż Moustapha Milambo, inqatlu f'attakk bl-armi tan-nar meta l-milizji ħatfu l-konvoj tagħhom, ittieħdu fil-park, u ġew affrontati mir-rangers tal-park li rnexxielhom jilliberaw erba' persuni.[25]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Park Nazzjonali ta' Virunga ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979.[3]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; il-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[3]

Il-Muntanji ta' Rwenzori.
L-għoljiet madwar il-Lag ta' Edward.

Il-Park Nazzjonali ta' Virunga jinsab fiż-żona fejn jiltaqgħu x-xmajjar tal-Kongo u n-Nil. Is-settur tat-Tramuntana tiegħu jinkorpora parti mill-baċir tax-xmara Semliki, kif ukoll is-savanna u l-foresti muntanjużi tal-Fondoq Albertin. Bħala altitudni, dan is-settur ivarja minn 680 metru (2,230 pied) fil-wied tax-xmara Puemba River sal-ogħla quċċata tal-Muntanja ta' Stanley ta' 5,109 metri (16,762 pied) fi spazju ta' 30 kilometru (19-il mil). Is-settur ċentrali tal-park nazzjonali jinkludi madwar żewġ terzi tal-Lag ta' Edward sal-fruntiera internazzjonali mal-Uganda fil-Lvant. Kuritur dejjaq ta' 3–5 kilometri (1.9–3.1 mili) tul ix-xatt tal-Punent tal-lag jikkollega s-setturi tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-park nazzjonali. Is-settur tan-Nofsinhar huwa estiż sax-xtut tal-Lag ta' Kivu u jinkludi l-vulkani Nyamulagira, Nyiragongo u Mikeno flimkien mal-foresti muntanjużi max-xaqlibiet tagħhom.

Is-settur tat-Tramuntana tal-Park Nazzjonali ta' Virunga jmiss mal-Park ta' Semuliki tal-Uganda, mal-Park Nazzjonali tal-Muntanji ta' Rwenzori, u mas-settur ċentrali tal-Park Nazzjonali tar-Reġina Eliżabetta. Is-settur tan-Nofsinhar jikkonfina mal-Park Nazzjonali tal-Vulkani tar-Rwanda.

Il-klima fil-Fondoq Albertin hija influwenzata mill-moviment taż-Żona ta' Konverġenza Intertropikali u mill-Oxxillazzjoni tan-Nofsinhar u ta' El Niño. L-istaġuni prinċipali tax-xita huma minn Marzu sa nofs Mejju u minn Settembru sa Novembru. Il-preċipitazzjoni medja ta' kull xahar fis-savanna madwar il-Lag ta' Edward hija ta' 30–40 mm (1.2–1.6 pulzier); din hija l-iżjed parti niexfa tal-pajsaġġ. Is-settur tat-Tramuntana jkollu preċipitazzjoni medja ta' kull xahar sa 220 mm (8.7 pulzieri), u s-settur tan-Nofsinhar ikollu sa 160 mm (6.3 pulzieri). It-temperaturi medji fl-altitudnijiet iktar baxxi jvarjaw bejn 23–28 °C (73–82 °F), u fl-altitudnijiet iktar għoljin bejn 16–24 °C (61–75 °F), u qajla tinżel taħt l-14 °C (57 °F).

Foresti max-xmara.
Foresta tropikali primarja.

Il-flora tal-Park Nazzjonali ta' Virunga tinkludi 2,077 speċi ta' pjanti, inkluż 264 speċi ta' siġar u 230 pjanta endemika għall-Fondoq Albertin. Il-pjanuri tal-Park Nazzjonali ta' Virunga huma ddominati mill-artijiet mistagħdra u mill-bwar tal-ħaxix bis-simar tal-papir (Cyperus papyrus), bis-simar ċatt (C. articulatus), bil-qasab komuni (Phragmites mauritanica), bil-ħaxix sakaton (Sporobolus consimilis), bl-ambatch (Aeschynomene elaphroxylon), bil-Carissa spinarum), bil-Vachellia sieberiana u bil-frott tal-kowaj (Coccinia grandis). Il-fdalijiet tad-dikoti bħall-kappar Afrikan (Capparis tomentosa), l-ispeċijiet ta' Maerua, il-kukurbiti selvaġġi, u l-għeneb id-dib instabu fil-munzelli tad-demel tal-iljunfanti Afrikani (Loxodonta) li jaqdu rwol importanti għat-tifrix taż-żrieragħ fil-bwar tal-ħaxix.

Il-foresta muntanjuża f'għoli ta' bejn 1,800 u 2,800 metru (5,900 u 9,200 pied) fis-settur tan-Nofsinhar hija ddominata bil-Ficalhoa laurifolia u bil-Podocarpus milanjianus b'siġar għoljin sa 25 metru (82 pied). Il-bambù alpin Afrikan (Yushania alpina) jikber f'altitudnijiet ta' 2,300–2,600 metru (7,500–8,500 pied). Il-veġetazzjoni 'l fuq minn 2,600 metru (8,500 pied) hija subalpina l-ewwel u qabel kollox bis-siġar tal-injam aħmar Afrikan (Hagenia abyssinica) li jikbru sa għoli ta' 3,000 metru (9,800 pied). Is-sġajriet tax-xagħri (Erica arborea), ħaxixet il-mikinsa u l-muski jkopru x-xaqlibiet umdużi sa elevazzjoni ta' 3,700 metru (12,100 pied). L-ispeċijiet Senecio u Lobelia jikbru f'irqajja' enormi fil-beraħ u jikbru sa għoli ta' 8 metri (26 pied).

Mammiferi fil-Park Nazzjonali ta' Virunga
Gorilla tal-muntanji.
Iljunfant Afrikan u bufli Afrikani.
Kob tal-Uganda.
Iljuni.

L-ispeċijiet ta' fawna tal-Park Nazzjonali ta' Virunga jinkludu 196 mammiferu, 706 speċijiet ta' għasafar, 109 rettili u 65 anfibji fl-2012.

Il-primati preżenti fil-park nazzjonali jinkludu l-gorilli tal-muntanji (G. b. beringei), iċ-chimpanzees komuni (Pan troglodytes), ix-xadini dehbin, ix-xadini ta' denbhom aħmar (Cercopithecus ascanius), ix-xadini mona ta' Dent (C. denti), ix-xadini blu (C. mitis), ix-xadini ta' Hamlyn (C. hamlyni), ix-xadini ta' De Brazza (C. neglectus), ix-xadini colobus ħomor tal-Afrika Ċentrali (Procolobus foai), il-gwereża tal-mant (Colobus guereza), il-babwini żebbuġin (Papio anubis) u l-mangabej ta' ħaddejhom griżi (Lophocebus albigena).

L-iljunfanti Afrikani (Loxodonta africana), l-ippopotami (Hippopotamus amphibius) u l-bufli Afrikani (Syncerus caffer) jgħixu fis-settur ċentrali tal-park nazzjonali. L-okapi (Okapia johnstoni), id-duiker blu (Philantomba monticola), id-duiker tal-bajja (Cephalophus dorsalis), id-duiker ta' Weyns (C. weynsi), id-duiker ta' daharhom isfar (C. silvicultor), ix-chevrotain tal-ilma (Hyemoschus aquaticus), il-ħanżir selvaġġ aħmar tax-xmajjar (Potamochoerus porcus), l-aardvark (Orycteropus afer) u l-bongo (Tragelaphus eurycerus) ġew irreġistrati fis-settur tat-Tramuntana fl-2008. Il-bushbuck (T. scriptus) u l-ħanżir selvaġġ ġgantesk tal-foresti (Hylochoerus meinertzhageni) huma preżenti fis-settur tan-Nofsinhar. It-topi (Damaliscus lunatus jimela) kollha huma miġbura fin-Nofsinhar tal-Lag ta' Edward fir-reġjun tal-Artijiet Ċatti ta' Ishasha, u regolarment jaqsmu l-fruntiera fl-Uganda. Ungulati oħra preżenti jinkludu l-kob tal-Uganda (Kobus kob thomasi), il-waterbuck (K. ellipsiprymnus), u l-ħanżir selvaġġ komuni tan-nejbiet (Phacochoerus africanus).

Il-Park Nazzjonali ta' Virunga flimkien mal-Park Nazzjonali tar-Reġina Eliżabetta biswitu jifformaw "Unità ta' Konservazzjoni tal-Iljuni". Iż-żona titqies fortizza potenzjali tal-iljuni (Panthera leo), jekk l-insib jitrażżan u jirkupraw l-ispeċijiet tal-priża. Fis-settur tat-Tramuntana tal-park nazzjonali, il-leopard Afrikan (P. pardus pardus), il-mangus tal-imraġ (Atilax paludinosus), il-pangolin ġgantesk (Smutsia gigantea), il-pangolin tas-siġar (Phataginus tricuspis), il-porkuspin tat-toppu (Hystrix cristata), l-iskojjattlu ta' Lord Derby (Anomalurus derbianus), l-iskojjattlu ta' Boehm (Paraxerus boehmi), il-hyrax tas-siġar tal-Punent (Dendrohyrax dorsalis), il-far ta' Emin (Cricetomys emini) u l-bugeddum iljunfant (Rhynchocyon cirnei) ġew irreġistrati matul l-istħarriġiet fl-2008.

Ix-xmara Semliki tipprovdi ħabitat għall-kukkudrill tan-Nil (Crocodylus niloticus). Diversi kukkudrilli ġew osservati fix-xatt tat-Tramuntana tal-Lag ta' Edward għall-ewwel darba fl-1988.

Mill-għasafar endemiċi tal-Fondoq Albertin, it-turako ta' Rwenzori, il-batis ta' Rwenzori, il-pittirross tal-art ta' Archer, l-alete ta' sidru aħmar, il-malvizz tal-art ta' Kivu, l-apalis tal-kullars, l-apalis tal-maskra tal-muntanji, l-isponsun ħamrani, l-isponsun ta' Shelley, il-bagħal tal-boskijiet ta' wiċċu aħmar, il-pespus ta' sidru bl-istrixxi, in-nettarin ta' rasu blu, in-nettarin irjali, in-nettarin tal-kullar doppju ta' Rwenzori, il-frankolin nobbli u n-nissieġ stramb ġew irreġistrati fis-settur tat-Tramuntana tal-Park Nazzjonali ta' Virunga matul l-istħarriġiet fl-2004. L-għasafar mhux endemiċi rreġistrati jinkludu l-ajkla ta' Wahlberg, l-isparvier tal-ħamiem Afrikan, is-seqer tal-ħannieqa Afrikan, il-bugħadam aħmar, il-kuċċarda prima, il-kuċċarda tal-muntanji, il-velleran ta' Hadeda, il-grawwa tat-toppu griż, il-buċerotidu abjad u iswed, it-turako tal-munqar iswed, il-ħamiema żebbuġija Afrikana, il-ħamiema tat-timpani, il-ħamiema tal-boskijiet tat-tikek blu, il-ħamiema ta' għajnejha ħomor, il-pappagall ta' għonqu kannella, id-daqquqa ta' sidirha aħmar, id-daqquqa żebbuġija ta' denbha twil, id-daqquqa tal-istrixxi ta' denbha twil, id-daqquqa ta' Klaas, id-daqquqa ta' Diederik, il-kukal ta' rasu blu, it-trogon tan-Narina, id-daqquqa tat-toppu tal-boskijiet ta' rasha abjad, iċ-ċawlun ta' għonqu abjad, iż-żanżarell tat-toppu ta' denbu abjad, iż-żanżarell Afrikan, iż-żanżarell ta' għajnejh bojod, iż-żanżarell skur Afrikan, iż-żanżarell blu ta' denbu abjad, l-isfar tal-muntanji, il-koljus tan-nuċċali, il-qerd in-naħal ta' sidru kannella, il-kapitonidu ta' sidru griż, il-kapitonidu tal-munqar isfar, il-Pogoniulus tal-Punent, il-Pogoniulus safrani, il-bulebbiet kardinal, il-bulebbiet żebbuġi, il-Psalidoprocne iswed, il-ħuttafa tal-Angola, ir-rondun alpin, il-Pycnonotidae tal-muntanji, il-Pycnonotidae safrani, il-belbul, il-pittirross abjad, il-pittirross tal-art ta' Archer, il-pittirross tal-ħuġbejn bojod, il-buċċaqq Afrikan, il-malvizz ħamrani, il-malvizz Afrikan, il-malvizz żebbuġi, id-diżż tal-bwar tal-ħaxix, il-pespus salmastru kannella, il-pespus ta' wiċċu iswed, il-pespus safrani tal-muntanji, il-pespus kannella tal-boskijiet, is-swejda, il-bufula ta' Chubb, il-prinja tal-istrixxi, l-apalis ta' sidru qastni, il-kamaropteru ta' dahru griż, il-krombek ta' ħuġbejh bojod, il-Platysteiridae ta' sidru iswed, il-batis, l-illadopsis tal-muntanji, l-illadopsis ta' sidru griż, in-nettarin żebbuġi, in-nettarin lewn il-bronż, in-nettarin lewn il-malakit, in-nettarin tal-kullar, in-nettarin varjabbli, iż-Żosteropidu safrani, il-kaċċamendula ta' Mackinnon, il-kaċċamendula ta' Doherty, il-kaċċamendula ta' Lühder, il-kaċċamendula tat-Tramuntana, il-bubu iswed tal-muntanji, il-bubu tropikali, l-isturnell ta' denbu dejjaq, l-isturnell ta' Sharpe, in-nissieġ ta' Baglafecht, l-Euplectes gierowii, in-nigrita ta' rasha sewda, l-astrilde komuni, l-astrilde ta' rasu sewda, il-manikin lewn il-bronż, il-manikin abjad u iswed, il-vidua, iċ-ċitrinella Afrikana, wikkiel iż-żrieragħ tal-istrixxi u wikkiel iż-żrieragħ tal-munqar oħxon.

Gruppi etniċi

[immodifika | immodifika s-sors]
Tfal madwar ċentru tal-kura tas-saħħa.
Insedjamenti fit-tarf tal-krater ta' Nyiragongo.

Fost il-gruppi etniċi li jgħixu fi ħdan il-Park Nazzjonali ta' Virunga u fil-madwar hemm:

  • il-poplu Mbuti;
  • il-poplu Hutu;
  • il-poplu Tutsi; u
  • l-poplu Basongora.

Kopertura mill-midja

[immodifika | immodifika s-sors]

Id-dokumentarju Virunga jiddokumenta l-ħidma tar-rangers tal-Park Nazzjonali ta' Virunga u l-attivitajiet tal-kumpanija Brittanika taż-żejt Soco International fi ħdan il-park. Ndakasi, gorilla mill-park, dehret f'għadd ta' sensieli televiżivi u films, inkluż dokumentarju ta' Netflix.

  1. ^ Tedesco, D. (2002). "1995 Nyiragongo and Nyamulagira activity in the Virunga National Park: A volcanic crisis". Acta Vulcanologica. 14 (1/2): 149–155.
  2. ^ Plumptre, A. J.; Davenport, T. R.; Behangana, M.; Kityo, R.; Eilu, G.; Ssegawa, P.; Ewango, C.; Meirte, D.; Kahindo, C.; Herremans, M. & Peterhans, J. K. (2007). "The biodiversity of the Albertine Rift". Biological Conservation. 134 (2): 178–194.
  3. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Virunga National Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-28.
  4. ^ Debonnet, G. & Hillman-Smith, K. (2004). "Supporting protected areas in a time of political turmoil: the case of World Heritage Sites in the Democratic Republic of Congo". Parks. 14 (1): 9–16.
  5. ^ "Virunga National Park Sees Its Worst Violence Against Rangers in a Decade, Emmanuel de Merode Says". web.archive.org. 2020-05-18. Arkivjat mill-oriġinal fl-2020-05-18. Miġbur 2024-02-28.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  6. ^ "Twelve rangers killed in latest Virunga Park incident". Mongabay Environmental News (bl-Ingliż). 2020-04-25. Miġbur 2024-02-28.
  7. ^ "COP26: Landmark $500 million agreement launched to protect the DR Congo's forest". Africa Renewal (bl-Ingliż). 2021-11-10. Miġbur 2024-02-28.
  8. ^ ""DRC To Auction Oil And Gas Permits In Endangered Gorilla Habitat" | SEJ". www.sej.org (bl-Ingliż). 2022-07-25. Miġbur 2024-02-28.
  9. ^ "Oil and gas exploration Virunga National Park". Banktrack (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-28.
  10. ^ "DRC’s oil blocks auction: Civil society statement on threats and intimidation of environmental defenders in DR Congo". Greenpeace Africa (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-28.
  11. ^ Harroy, J.P. (1993). "Contribution à l'histoire jusque 1934 de la création de l'Institut des parcs nationaux du Congo belge". Civilisations. Revue internationale d'anthropologie et de sciences humaines. 41 (41): 427–442.
  12. ^ Bashonga, M. G. (2012). Etude socio-économique et culturelle, attitude et perceptions des communautés Twa pygmées autour du secteur Mikeno du Parc National des Virunga. Goma: Institut Congolais pour la Conservation de la Nature.
  13. ^ De Bont, R. (2015). ""Primitives" and Protected Areas: International Conservation and the "Naturalization" of Indigenous People, ca. 1910-1975". Journal of the History of Ideas. 76 (2): 215–236.
  14. ^ De Bont, R. (2017). "A World Laboratory: Framing the Albert National Park". Environmental History. 22 (3): 404–432.
  15. ^ Inogwabini, B.I. (2014). "Conserving biodiversity in the Democratic Republic of Congo: a brief history, current trends and insights for the future". Parks. 20 (2): 101−110.
  16. ^ Stephen J. (2007). "Of "Doubtful Nationality": Political Manipulation of Citizenship in the D. R. Congo". Citizenship Studies. 11 (5): 481–500.
  17. ^ Dart, R.A. (1960). "The urgency of international intervention for the preservation of the mountain gorilla". South African Journal of Science. 56 (4): 85–87.
  18. ^ Crawford, A. & Bernstein, J. (2008). MEAs, Conservation and Conflict – A case study of Virunga National Park, DRC. Geneva: International Institute for Sustainable Development.
  19. ^ Marijnen, E. (2018). "Public Authority and Conservation in Areas of Armed Conflict: Virunga National Park as a "State within a State" in Eastern Congo". Development and Change. 49 (3): 790–814.
  20. ^ Nkongolo, J.K. (2015). "International solidarity and permanent sovereignty over natural resources: antagonism or peaceful coexistence? The case of oil in the Virunga National Park". African Journal of Democracy and Governance. 2 (3–4): 77–98.
  21. ^ Verheyen, E. (2016). "Oil extraction imperils Africa's Great Lakes". Science. 354 (6312): 561–562.
  22. ^ Hochleithner, S. (2017). "Beyond Contesting Limits: Land, Access, and Resistance at the Virunga National Park". Conservation and Society. 15 (1): 100–110.
  23. ^ Kümpel, N.F.; Hatchwell, M.; Clausen, A.; Some, L.; Gibbons, O. & Field, A. (2018). "Sustainable development at natural World Heritage sites in Africa". In Moukala, E. & Odiaua, I. (eds.). World Heritage for Sustainable Development in Africa. Paris: United Nations Educational, Scientific and Cultural Organization. pp. 51–61.
  24. ^ Odiaua, I. & Moukala, E. (2018). "Engaging World Heritage to drive sustainable development in Africa: next steps". In Moukala, E. & Odiaua, I. (eds.). World Heritage for Sustainable Development in Africa. Paris: United Nations Educational, Scientific and Cultural Organization. pp. 251–277.
  25. ^ "Italian ambassador to DR Congo killed in UN convoy attack" (bl-Ingliż). 2021-02-22. Miġbur 2024-02-28.