Aqbeż għall-kontentut

Park Nazzjonali ta' Tongariro

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Ix-xmara Mahuia fil-Park Nazzjonali ta' Tongariro.

Il-Park Nazzjonali ta' Tongariro (pronunzja: /ˈtɒŋɡərɪroʊ/; bil-Māori: [tɔŋaɾiɾɔ]), li jinsab fiċ-ċentru tal-Gżira tat-Tramuntana, huwa l-eqdem park nazzjonali f'New Zealand.[1] Tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO kemm għal kriterji kulturali kif ukoll għal kriterji naturali tal-għażla tal-UNESCO.[2][3]

Il-Park Nazzjonali ta' Tongariro kien is-sitt park nazzjonali li ġie stabbilit fid-dinja.[4] Il-muntanji vulkaniċi attivi ta' Ruapehu, Ngauruhoe u Tongariro jinsabu fiċ-ċentru tal-park.

Hemm għadd ta' siti reliġjużi tal-Māori fi ħdan il-park,[5] u ħafna mill-qċaċet tal-park, inkluż Ngauruhoe u Ruapehu, huma tapu jew sagri.[6] Il-park jinkludi bosta rħula madwar il-konfini tiegħu, fosthom Ohakune, Waiouru, Horopito, Pokaka, Erua, il-Villaġġ tal-Park Nazzjonali, iż-żona tal-iskijjar ta' Whakapapa u Tūrangi.

Il-Park Nazzjonali ta' Tongariro fih ukoll il-Mogħdija Alpina tal-Mixi ta' Tongariro, li b'mod wiesgħa titqies bħala waħda mill-aqwa mixjiet fid-dinja li jdumu jum sħiħ.[7][8]

Rabta tal-Māori mal-muntanji

[immodifika | immodifika s-sors]

Skont leġġenda tal-Māori, il-vulkani fil-Park Nazzjonali ta' Tongariro huma personifikati. Jeżistu diversi verżjonijiet[9][10] tal-ġrajja bażika: Tongariro u Taranaki t-tnejn li huma kienu jħobbu lil Ruapehu jew Pihanga u kellhom battalja kbira bejniethom. Taranaki tilef il-battalja u ħarab lejn il-kosta fil-Punent, u fi triqtu naqqax il-passaġġ tax-xmara Whanganui. Il-Lagi ta' Tama (bil-Māori: Ngā puna a Tama), żewġ lagi fil-krateri bejn il-muntanji Ruapehu u Ngauruhoe, jingħad li jirrappreżentaw id-distakk li tħalla meta telaq Taranaki.[11]

Fl-2017, id-Dipartiment tal-Konservazzjoni ħareġ avviż biex ix-xabbaturi ma jibqgħux jixxabtu sal-qċaċet tal-muntanji fil-Park Nazzjonali ta' Tongariro peress li huma sagri għall-iwi lokali.[12] Xi Māori jqisu l-muntanji bħala l-antenati tagħhom, u l-qċaċet jitqiesu bħala l-irjus tal-antenati, u b'hekk iħossu li mhux sew li wieħed jitla' fuq l-irjus tagħhom. L-avviż talab ukoll lill-operaturi turistiċi biex "ineħħu kull referenza għal mawriet sal-qċaċet fil-park, ineħħu kull stampa ta' nies imissu jew jgħumu l-lagi sagri, u ma jibqgħux jirreferu għall-muntanja Ngāuruhoe bħala l-Muntanja Kiebja (bl-Ingliż: Mount Doom). Wara li nħareġ dan l-avviż, il-persunal tad-Dipartiment tal-Konservazzjoni nnota tnaqqis sinifikanti fl-għadd ta' xabbaturi fil-qċaċet tal-muntanji tal-park.[13]

Il-park jinsab fiż-żoni tribali (rohe) ta' żewġ iwi prinċipali: Ngāti Tūwharetoa u Ngāti Rangi. Il-partijiet tat-Tramuntana u tal-Punent tal-park, san-Nofsinhar sal-quċċata ta' Ruapehu, huma tal-iNgāti Tūwharetoa filwaqt li ż-żona tal-iNgāti Rangi tinkludi x-xaqliba tan-Nofsinhar u tal-Lbiċ ta' Ruapehu.[14][15][16] Iwi oħra b'interessi tradizzjonali fil-park huma l-iwi Whanganui iwi Ngāti Hāua u Te Korowai o Wainuiārua minn naħa ta' fuq tax-xmara Whanganui.[17][18]

L-inkjesta tal-park nazzjonali tat-Tribunal ta' Waitangi fl-2004 sal-2013 investigat il-jeddijiet tat-Trattat ta' Waitangi b'rabta mal-Park Nazzjonali ta' Tongariro. F'Lulju 2018, il-Kuruna (il-gvern u l-popolazzjoni) ltaqgħet mar-rappreżentanti ta' xi iwi u qablet li n-negozjati kienu se jiddewmu sakemm il-gruppi kollha b'interess fil-park kellhom progress fit-talbiet tagħhom, biex imbagħad jiġi żviluppat rimedju kulturali. Il-proċess tar-rimedju kulturali jipprova jipproteġi s-siti importanti spiritwalment, jirrikonoxxi r-relazzjonijiet tradizzjonali tal-iwi mal-ambjent u jagħtihom iktar setgħa biex jipparteċipaw fil-ġestjoni tal-postijiet ikkonċernati.[19]

Storja bikrija

[immodifika | immodifika s-sors]

Skont l-istorja bil-fomm tal-Māori, l-antenat tal-iNgāti Tuwharetoa, Ngātoro-i-rangi, ixxabbat mal-vulkani 30 ġenerazzjoni ilu, u ta l-ismijiet ta' Tongariro u ta' karatteristiċi oħra tal-pajsaġġ u stabbilixxa l-jeddijiet taż-żona għad-dixxendenti tiegħu. Għall-ħabta tal-1750, Te Rangihiroa, iben il-kap lokali Pakaurangi, jingħad li esplora l-inħawi ta' madwar il-vulkani fil-park. L-isem bil-Māori għal-Lag il-Blu (qrib il-Mogħdija Alpini tal-Mixi ta' Tongariro), Te Wai-whakaata-o-te-Rangihiroa, jista' jiġi tradott bħala l-"mera ta' Rangihiroa". Oħt Te Rangihiroa kienet Te Maari, u isimha ngħata lill-krateri ta' Te Maari fuq Tongariro.

Huwa maħsub li John Bidwill kien l-ewwel Ewropew li xxabbat sal-quċċata tal-muntanja Ngauruhoe f'Marzu 1839. Il-gwidi Māori tiegħu rrifjutaw li jeħduh sal-quċċata peress li għalihom kienet sagra jew tapu, u għalhekk Bidwill ixxabbat waħdu. Meta reġa' lura lejn il-villaġġ minn fejn kien beda t-traġitt tiegħu kellu jiffaċċja l-korla tal-komunità. Bidwill jaf ixxabbat ukoll sal-quċċata tal-muntanja Tongariro. Il-kap Mananui Te Heu Heu Tūkino II imbagħad iddikjara li l-inħawi kienu sagri, u ma tax permess lil Dieffenbach, il-Gvernatur George Grey u Hochstetter biex jitilgħu sal-quċċata tal-vulkani, u l-artist George French Angas ma tħalliex jagħmel skizzi tal-muntanji. Mananui u ħafna membri tal-familja tiegħu mietu minħabba ċediment tal-art fl-1846. Il-katavru tiegħu tpoġġa f'post sigur f'Pūkawa, u iktar 'il quddiem ittieħed lejn għar funebri fuq il-muntanja Tongariro. Fl-1910, il-fdalijiet ta' Mananui ndifnu f'qabar f'Waihī.

Henry Dyson tela' sal-quċċata ta' Tongariro f'Marzu 1851, u mar kontra t-tapu ta' Mananui bl-appoġġ ta' Te Herekiekie ta' Tokaanu. Pierce Connelly, artist, ixxabbat fuq Ngauruhoe fl-1877 u William Collie, fotografu, ixxabbat fuq Ngauruhoe fl-1878. It-tnejn li huma tilfu kull ma kellhom magħhom talli kisru t-tapu tal-muntanja. Donald Manson, bejjiegħ tal-arloġġi tal-idejn mill-Istati Uniti, ixxabbat fuq Ngauruhoe fl-1881 wara li ħallas lill-Māori £10 biex jingħata l-permess.

Stabbiliment tal-park

[immodifika | immodifika s-sors]

Peress li l-qċaċet tal-muntanji huma ta' importanza kbira għall-Māori lokali, u sabiex il-muntanji ma jinbigħux lill-insedjaturi Ewropej, fl-1886 l-iNgāti Tūwharetoa rnexxielhom jiksbu l-istħarriġ tal-muntanji fil-Qorti tal-Artijiet Nattivi u mbagħad stabbilew żona (whakatapua) bħala riżerva f'isem ċerti kapijiet. Wieħed minn dawn il-kapijiet kien Te Heuheu Tūkino IV (Horonuku), iben Mananui Te Heuheu Tūkino II u l-iżjed kap sinifikanti tal-iNgāti Tūwharetoa. Iktar 'il quddiem, il-qċaċet tal-muntanji Tongariro, Ngauruhoe, u partijiet mill-muntanja Ruapehu, ingħataw lill-Kuruna fit-23 ta' Settembru 1887, bil-kundizzjoni li hemmhekk tiġi stabbilita żona protetta.

Din iż-żona b'erja ta' 26.4 km2 ġeneralment kienet titqies bħala żgħira wisq biex fiha jiġi stabbilit park nazzjonali skont il-mudell tal-Park Nazzjonali ta' Yellowstone f'Wyoming, l-Istati Uniti, u b'hekk ġew akkwistati żoni oħra. Meta l-Parlament ta' New Zealand għadda l-Att dwar il-Park Nazzjonali ta' Tongariro f'Ottubru 1894, il-park kien ikopri erja ta' madwar 252.13 km2, iżda l-art ġiet akkwistata fl-1907.

Fl-1908, tim xjentifiku li kien jikkonsisti mill-botanist Leonard Cockayne, mill-espert tal-istħarriġ tal-foresti Edward Phillips Turner u mill-ġeologu Robert Speight qatta' diversi xhur jesplora u jistħarreġ il-park. Ir-rapport tagħhom lill-Parlament ippreżenta l-flora u l-fawna kif ukoll il-ġeoloġija tar-reġjun, u rrakkomanda t-tkabbir tal-konfini tal-park. Cockayne nnota wkoll li kien ikun importanti li l-ambjent jiġi protett mill-iżvilupp u mill-introduzzjoni ta' organiżmi qerrieda.

Meta l-Att iġġedded fl-1922, l-erja tal-park ġiet estiża għal 586.8 km2. Estensjonijiet oħra, speċjalment tar-Riżerva Xenika ta' Pihanga fl-1975, kabbru l-park għad-daqs attwali ta' 786.23 km2. L-aħħar modifika fl-Att għaddiet fl-1980. Il-Park Nazzjonali ta' Tongariro ilu taħt il-kontroll tad-Dipartiment tal-Konservazzjoni ta' New Zealand mill-ħolqien tad-dipartiment fl-1987. Plakka fiċ-Ċentru għall-Viżitaturi ta' Whakapapa tfakkar id-donazzjoni ta' Te Heuheu lil New Zealand.[20]

Id-dokument tad-donazzjoni ta' Tongariro bejn Te Heuheu Tūkino IV tal-iNgāti Tūwharetoa u l-Kuruna (1887).

L-ewwel attività fil-Park Nazzjonali ta' Tongariro kienet il-kostruzzjoni ta' akkomodazzjonijiet għat-turisti fil-bidu tas-seklu 20, iżda għadd sinifikanti ta' nies bdew iżuru l-park wara l-ftuħ tal-linja ferrovjarja tas-sezzjoni prinċipali tal-Gżira tat-Tramuntana bejn Auckland u Wellington fl-1908 u l-kostruzzjoni tat-toroq fis-snin 20 tas-seklu 20. Dan l-iżvilupp turistiku bikri jispjega l-eżistenza pjuttost mhux tas-soltu ta' villaġġ abitat b'mod permanenti u ta' żona tal-iskijjar żviluppata sew fi ħdan park nazzjonali. L-iskijjar fil-muntanji tal-park sar popolari għall-ħabta tal-1914, meta ġie stabbilit il-Klabb tal-Iskijjar ta' Ruapehu. L-ewwel loġġa tal-iskijjar inbniet fuq il-muntanja Ruapehu fl-1923 f'elevazzjoni ta' 1,770 metru, u fl-1938–1939 inbena lift għall-iskijjar. It-tieni Att dwar il-Park Nazzjonali ta' Tongariro fl-1922 wassal għal xi sforzi attivi ta' konservazzjoni, u fl-1923 inħatar ranger tal-park.

L-ewwel vettura bil-mutur waslet fil-villaġġ ta' Whakapapa permezz ta' Bruce Road f'Awwissu 1925, wara l-immodernizzar ta' mogħdija preċedenti għall-karrijiet mill-ħabsin u wara li nbena pont fuq ix-xmara Whakapapa. Dan wassal għal influss ta' turisti u għal talbiet għal iktar akkomodazzjoni f'Whakapapa. Il-lukanda Chateau Tongariro f'Whakapapa nfetħet fl-1929 b'95 kamra tas-sodda flimkien ma' akkomodazzjonijiet assoċjati inqas għaljin għat-trampers. It-triq ġiet estiża lil hinn mill-villaġġ ta' Whakapapa wara t-Tieni Gwerra Dinjija. L-aċċess bit-triq għall-park ittejjeb iktar fis-snin 60 tas-seklu 20 bl-iżvilupp ta' toroq meħtieġa għall-kostruzzjoni tal-Iskema tal-Enerġija ta' Tongariro.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1990, New Zealand innominat il-Park Nazzjonali ta' Tongariro biex isir Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. In-nomina tal-gvern iddikjarat li l-park kellu jitniżżel fil-lista minħabba l-katina ta' vulkani tiegħu allinjati tul plakka tettonika, li joħorġu fid-dieher l-istorja tal-evoluzzjoni tad-Dinja; il-proċess ġeoloġiċi kontinwi tiegħu u l-ambjenti tal-pjanti assoċjati; u l-fenomeni naturali u s-sbuħija straordinarji tal-park. Il-muntanja Ruapehu ngħad li kienet "l-iżjed vulkan kompożitu attiv fid-dinja", u b'hekk kienet ideali għall-osservazzjoni xjentifika. Il-Lag tal-Krater fuq il-muntanja Ruapehu ġie ddikjarat li kien uniku minħabba l-pajsaġġ glaċjali u l-iżbroffar frekwenti, u b'hekk setgħet tiġi studjata l-interazzjoni tal-magma u l-ilma tal-lag.

Il-Park Nazzjonali ta' Tongariro ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1993 kemm għall-karatteristiċi naturali tiegħu kif ukoll għall-importanza kulturali u spiritwali tas-sit għall-Māori. Dan kien l-ewwel park nazzjonali fid-dinja li kellu l-importanza spiritwali tiegħu rrikonoxxuta bħala "pajsaġġ kulturali", li kienet inizjattiva appoġġata minn Tumu Te Heuheu tal-iNgati Tuwharetoa.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju"; il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; u l-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti".[2]

Iż-żerniq fil-Park Nazzjonali ta' Tongariro.
Veduta panoramika tal-muntanji Ruapehu u Ngauruhoe mill-Punent.

Pożizzjoni u daqs

[immodifika | immodifika s-sors]
Ritratt satellitari tal-Park Nazzjonali ta' Tongariro.

Il-Park Nazzjonali ta' Tongariro jkopri 786 km2 estiżi bejn 175° 22' u 175° 48' E u 38° 58' u 39° 25' S fil-qalba tal-Gżira tat-Tramuntana ta' New Zealand. Jinsab ftit kilometri 'l bogħod fil-Punent il-Lbiċ tal-Lag ta' Taupō; 330 kilometru fin-Nofsinhar ta' Auckland bit-triq, u 320 kilometru fit-Tramuntana ta' Wellington. Il-park jinkludi fih parti konsiderevoli tal-Promontorju Vulkaniku tal-Gżira tat-Tramuntana. Direttament lejn il-Lvant tal-park hemm l-għoljiet tal-Katina Muntanjuża ta' Kaimanawa.

Il-biċċa l-kbira tal-park jinsab fid-Distrett ta' Ruapehu (ir-reġjun ta' Manawatū-Whanganui), għalkemm il-Grigal tal-park jinsab fid-Distrett ta' Taupō (ir-Reġjun ta' Waikato, jew ir-Reġjun tal-Bajja ta' Hawke lejn it-Tramuntana).

Konfini tal-park

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Park Nazzjonali ta' Tongariro huwa estiż madwar il-katina muntanjuża ta' tliet vulkani attivi: il-Muntanja Ruapehu, il-Muntanja Ngauruhoe u l-Muntanja Tongariro. Ir-Riżerva Xenika ta' Pihanga, li fiha l-Lag ta' Rotopounamu, il-Muntanja Pihanga u l-Katina Muntanjuża ta' Kakaramea-Tihia, għalkemm separata miż-żona prinċipali tal-park, xorta waħda tagħmel parti mill-park nazzjonali.

Mal-konfini tal-park hemm l-irħula ta' Tūrangi, il-Villaġġ tal-Park Nazzjonali u Ohakune. Iktar lil hinn hemm Waiouru u Raetihi. Fi ħdan il-konfini tal-park, l-unika insedjamenti huma l-villaġġ turistiku ta' Whakapapa li jikkonsisti b'mod prinċipali minn akkomodazzjoni għall-iskijjar. Żewġ insedjamenti tal-Māori, Papakai u Otukou, mhumiex parti mill-park iżda jinsabu tul ix-xtut tal-Lag ta' Rotoaira bejn ir-Riżerva Xenika ta' Pihanga u ż-żona prinċipali tal-park.

Il-biċċa l-kbira tal-Park Nazzjonali ta' Tongariro hija mdawra b'toroq miżmuma tajjeb li bejn wieħed u ieħor isegwu l-konfini tal-park u jipprovdu aċċess faċli għall-park. Fil-Punent, l-Awtostrada Statali Nru 4 tgħaddi mill-Villaġġ tal-Park Nazzjonali, u fil-Lvant, l-Awtostrada Statali Nru 1, magħrufa f'din il-parti tal-park bħala t-Triq tad-Deżert, tgħaddi b'mod parallel max-xmara Tongariro. L-Awtostrada Statali Nru 47 tgħaqqad dawn iż-żewġ awtostradi lejn it-Tramuntana tal-biċċa l-kbira tal-park, għalkemm tgħaddi minn qalb ir-Riżerva Xenika ta' Pihanga. Il-kollegament tan-Nofsinhar hija l-Awtostrada Statali Nru 49. Il-linja ferrovjarja tal-Kollegament Prinċipali tal-Gżira tat-Tramuntana minn Auckland għal Wellington tgħaddi mill-Villaġġ tal-Park Nazzjonali.

Il-fawwariet termali ta' Ketetahi huma żona ta' 39 ettaru fix-xaqliba tat-Tramuntana tal-Muntanja Tongariro, li għalkemm jinsabu qrib il-konfini tal-park, qatt ma kienu jagħmlu parti mill-Park Nazzjonali ta' Tongariro. Fl-imgħoddi, il-persuni li kienu jimxu tul il-Mogħdija Alpina ta' Tongariro kienu jitħallew jgħaddu qrib il-fawwariet termali, iżda s-sidien Māori, il-Fond Fiduċjarju tal-Fawwariet Termali ta' Ketetahi, għalqu l-mogħdija minħabba li kienu kontra li l-gwidi kummerċjali jaqilgħu l-flus minn fuq l-art tagħhom. Fl-2010, id-Dipartiment tal-Konservazzjoni qabel li jbiddel it-traġitt tal-Mogħdija Alpina ta' Tongariro sabiex ma tgħaddix minn fuq art privata.

Il-Kaskati ta' Tawhai.

Bħall-kumplament ta' New Zealand, il-Park Nazzjonali ta' Tongariro jinsab f'żona klimatika miti. L-irjieħ prevalenti mill-Punent jakkumulaw l-ilma fuq il-Baħar tat-Tażmanja. Peress li l-vulkani tal-Park Nazzjonali ta' Tongariro huma l-ewwel elevazzjonijiet sinifikanti li jiltaqgħu magħhom dawn l-irjieħ fil-Gżira tat-Tramuntana, apparti l-Muntanja Taranaki, ix-xita tinżel kważi kuljum. Id-differenzi fl-ammont ta' xita bejn il-Lvant u l-Punent mhumiex daqstant kbar bħal fl-Alpi tan-Nofsinhar, minħabba li t-tliet vulkani ma jagħmlux parti minn katina muntanjuża ikbar, għalkemm xorta waħda hemm effett notevoli ta' rpar mix-xita permezz tad-deżert ta' Rangipo fin-naħa tal-Lvant fejn jinżlu 1,000 millimetru ta' xita kull sena. Fil-villaġġ ta' Whakapapa (1,119-il metru), ix-xita annwali medja li tinżel tammonta għal madwar 2,200 millimetru, f'Ohakune (610 metri) madwar 1,250 millimetru, u f'altitudnijiet ogħla, bħal fil-villaġġ ta' Iwikau (1,770 metru), madwar 4,900 millimetru. Fix-xitwa tinżel il-borra sa madwar 1,500 metru. It-temperaturi jvarjaw b'mod drammatiku, saħansitra fl-istess jum. Fil-villaġġ ta' Whakapapa, jistgħu jinżlu taħt iż-żero s-sena kollha. It-temperatura medja tkun 13 °C, b'temperatura massima ta' 25 °C fis-sajf u b'temperatura minima ta' −10 °C fix-xitwa. F'xi sjuf, il-qċaċet tat-tliet vulkani jkunu miksijin bil-borra; fil-quċċata tal-Muntanja Ruapehu, kull sajf ikun hemm meded sħaħ bil-borra u l-quċċata tkun iffriżata.

Bosta xmajjar joriġinaw fil-park, fosthom ix-xmajjar Waikato, Whangaehu u Whanganui. Ix-xmara Waikato, li hija sagra għall-Māori, titla' fil-Muntanja Ruapehu. Flimkien magħha, jitilgħu wkoll fuq il-Muntanja Ruapehu x-xmajjar Wahianoa, Whangaehu u Mangawhero. Lejn il-Punent tax-xmara Whanganui, it-tributarja tagħha, in-Nixxiegħa ta' Mangatepōpō, titla' mal-Muntanja Tongariro, u eventwalment tnixxi fil-Park Nazzjonali ta' Whanganui. Barra minn hekk, tributarja oħra tagħha, in-Nixxiegħa ta' Tāwhitikuri titla' fil-park u tnixxi fin-Nixxiegħa ta' Mangatepōpō. L-ilma min-nixxigħat u mix-xmajjar li jitilgħu fl-għoli tal-park jiġi ddevjat fl-Iskema tal-Enerġija ta' Tongariro 'l barra mill-park.

It-tliet vulkani: Ruapehu (fuq ix-xellug, bil-borra fil-quċċata), Ngauruhoe (fin-nofs, bil-quċċata konika) u Tongariro (fuq il-lemin, bil-quċċata konika wiesgħa).

Il-vulkani tal-park jinsabu fit-tarf tan-Nofsinhar ta' medda twila 2,500 kilometru ta' vulkani, li taħtha l-Plakka Tettonika Awstraljana tiltaqa' mal-Plakka Tettonika tal-Paċifiku. Dawn il-vulkani rriżultaw minn proċessi tettoniċi interni. Il-Plakka Tettonika tal-Paċifiku kulma jmur qed tinżel b'subduzzjoni taħt il-Plakka Tettonika Awstraljana, u sussegwentement qed iddub minħabba t-temperaturi għoljin tal-astenosfera. Din il-magma, peress li hija inqas densa, titla' fil-wiċċ u tgħaddi lejn l-partijiet dgħajfin tal-qoxra tad-Dinja (ix-xquq tettoniċi), u tirriżulta fil-proċessi vulkaniċi fl-inħawi.

Il-Wied ta' Wahianoa, wied glaċjali fuq in-naħa tax-Xlokk tal-Muntanja Ruapehu.

Il-proċessi vulkaniċi ilhom jinġemgħu fil-muntanji tal-Park Nazzjonali ta' Tongariro għal iktar minn żewġ miljun sena. Tliet vulkani (Tongariro, Ngauruhoe u Ruapehu) għadhom attivi, filwaqt li l-iżjed żewġ vulkani fit-Tramuntana tal-park (Pihanga u l-Katina Muntanjuża ta' Kakaramea-Tihia) żbroffaw l-aħħar iktar minn 20,000 sena ilu. Madankollu, dawn ipproduċew flussi storiċi sinifikanti ta' tajn.

L-erożjoni u d-depożizzjoni permezz tal-glaċieri muntanjużi kellhom rwol importanti wkoll fit-tiswir tal-vulkani Tongariro u Ruapehu. Hemm glaċieri żgħar fil-quċċata tal-Muntanja Ruapehu llum il-ġurnata, madankollu hemm evidenza ġeomorfoloġika abbundanti li fl-imgħoddi ġeoloġika reċenti kien hemm iktar glaċjazzjoni estensiva. Il-glaċieri kienu preżenti l-aħħar fuq il-Muntanja Tongariro matul l-Aħħar Massimu Glaċjali.

Il-foresta tas-siġar tal-fagu tan-Nofsinhar fix-xaqlibiet tal-Muntanja Ruapehu.

Il-Park Nazzjonali ta' Tongariro huwa ambjent iebes u parzjalment instabbli. Fit-Tramuntana u fil-Punent tal-park hemm foresta pluvjali bis-siġar tal-weraq wiesa' u tal-podokarpi qrib il-Lag ta' Taupō b'erja ta' 30 km2 u li tibqa' tiela' sa elevazzjoni ta' 1,000 metru. F'din il-foresta pluvjali jgħixu t-totara ta' Hall (Podocarpus laetus), il-kahikatea (Dacrycarpus dacrydioides), il-kāmahi (Weinmannia racemosa), il-pāhautea (Libocedrus bidwillii), u bosta felċi epifitiċi, orkidej u fungi. Is-siġar pāhautea jistgħu jinstabu iktar 'il fuq sa għoli ta' 1,530 metru, fejn ikopru erja ta' 127.3 km2. F'dan l-għoli, wieħed jista' jsib ukoll foresta tas-siġar tal-fagu b'erja ta' 50 km2, li fiha l-fagu aħmar (Nothofagus fusca), fiddien (Nothofagus menziesii) u tal-muntanji (Nothofagus solandri var cliffortioides). Speċijiet li jikbru taħt dawn is-siġar fi ħdan il-foresti jinkludu l-felċi bħall-felċi tal-kuruna (Blechnum discolor) kif ukoll speċijiet ta' arbuxxelli. Barra minn hekk hemm erja ta' 95 km2 ta' xagħri, fejn jikbru l-kānuka (Leptospermum ericoides), il-mānuka (Leptospermum scoparium), tip ta' żnuber (Phyllocladus aspleniifolius), l-inaka (Dracophyllum longifolium), il-muski muswafa (Rhacomitrium lanuginosum), is-siġar tal-fagu żgħar u ħaxixet il-mikinsa (li ġiet introdotta).

In-neinei (Dracophyllum recurvum) fil-Park Nazzjonali ta' Tongariro.

Lejn il-Majjistral u madwar il-Muntanja Ruapehu, f'altitudni ta' bejn 1,200 u 1,500 metru, żoni kbar (ta' madwar 150 km2) huma miksijin bix-xagħri u bil-bwar tat-tip tussock. Dawn jikkonsistu l-iktar minn ħaxix aħmar ta' New Zealand (Chionochloa rubra), inaka, neinei tal-weraq innuklat (Dracophyllum recurvum), ġenistra minuri (Empodisma minus) u ġenistra tal-foresti (Schoenus pauciflorus), kif ukoll ħaxixet il-mikinsa u ħaxix ieħor bħat-tussock iebes (Festuca novaezelandiae) u l-ħaxix blu (Poa colensoi).

'Il fuq minn 1,500 metru, l-art tikkonsisti minn meded taż-żrar u tal-ġebel u b'hekk hija instabbli. Madankollu, xi pjanti okkażjonalment jikbru hemmhekk, bħan-neinei tal-weraq innuklat, it-tōtara tal-borra (Podocarpus nivalis), is-snowberry tal-muntanji (Gaultheria colensoi), it-tussock setifolja (Rytidosperma setifolium), il-ħaxix blu u r-Raoulia albosericea, u jkopru erja ta' 165 km2. Bejn l-1,700 u 2,020 metru jinstabu xi speċijiet iżolati ta' Parahebe, Gentiana bellidifolia u l-ħaxixa Ingliża. Iktar 'il fuq minn 2,200 metru jgħixu biss il-likeni tal-qoxra.

Fil-park jgħixu 56 speċi sinifikanti ta' għasafar, inkluż speċijiet endemiċi rari bħall-kiwi kannella tal-Gżira tat-Tramuntana, il-kākā, il-papra blu, l-għasfur tal-felċi tal-Gżira tat-Tramuntana, il-pluvier taż-żewġ strixxi u l-falkun/kārearea ta' New Zealand. Speċijiet ta' għasafar oħra li huma komuni fil-park huma t-tūī, l-għasfur tal-qniepen ta' New Zealand, ir-ruru, ir-riroriro, l-imrewħa, il-pōpokotea u l-għasfur tat-tbajja' fiddiena mal-għajnejn. Fil-park jgħixu wkoll l-unika żewġ mammiferi nattivi ta' New Zealand, il-farfett il-lejl ta' denbu qasir u l-farfett il-lejl ta' denbu twil. Il-Park Nazzjonali ta' Tongariro huwa miżgħud bl-insetti bħall-kamla u l-wētā. Fil-park jgħixu wkoll, bħal fil-kumplament ta' New Zealand, annimali introdotti mill-Ewropej, bħall-firien suwed, l-ermellini, il-qtates, il-fniek, il-liebri, il-possums u ċ-ċriev ħomor.

Konservazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Ħaxixet il-mikinsa

[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-bidu tas-seklu 20, l-amministraturi tal-park, fosthom John Cullen, introduċew il-ħaxixet il-mikinsa fil-park biex isir adattat għall-kaċċa tal-perniċi jew tal-faġani tal-muntanji. Dawn tal-aħħar iddaħħlu fil-park fl-1924, iżda fi ftit snin għebu. Il-ħaxixet il-mikinsa ffjorixxiet, u diġà matul is-snin 20 tas-seklu 20 kien hemm kritika dwar l-introduzzjoni tagħha peress li thedded is-sistema ekoloġika u l-pjanti endemiċi tal-park. Fl-1996, il-ħanfusa tal-ħaxixet il-mikinsa, Lochmaea suturalis, ġiet importata biex tattakka l-ħaxixet il-mikinsa invażiva, iżda inizjalment ma tantx kellha suċċess. Fl-1996–2018, dan it-tip ta' ħanfus qered 5,000 ettaru biss ta' ħaxixet il-mikinsa. Madankollu, riċerka fl-2021 uriet li l-ħanfus tal-ħaxixet il-mikinsa kien qed jinfirex u kien qed jirnexxilu joqtol il-ħaxixet il-mikinsa. Mill-2018, il-ħanfus qered iktar minn 35,000 ettaru ta' ħaxixet il-mikinsa, u b'hekk din l-ispeċi naqset sa 99 % u l-pjanti nattivi setgħu jirkupraw. Il-Forza tad-Difiża ta' New Zealand ma għandhiex bżonn tbexxex l-erbiċidi fuq partijiet kbar miż-żoni tat-taħriġ tagħha qrib il-park nazzjonali. Studju tal-2024 dwar il-ħaxixet il-mikinsa fil-park sab li kienet qed twassal biex jgħebu l-felċi, is-simar u l-arbuxxelli nattivi u kienet qed taffettwa x-xejra tat-tkabbir tat-tussock aħmar. Fungu ta' taħt l-art li għandu relazzjoni simbjotika mat-tussock ġie affettwat ukoll mit-tifrix tal-ħaxixet il-mikinsa.

Siġar taż-żnuber

[immodifika | immodifika s-sors]

Is-siġar taż-żnuber ġew introdotti f'New Zealand fis-snin 30 tas-seklu 20 għall-forestrija u għall-kontroll tal-erożjoni, iżda s-siġar taż-żnuber, li huma koniferi li jikbru permezz taż-żrieragħ li jittajru mar-riħ, saru problema mal-pajjiż kollu. Il-voluntiera u l-gvern ilhom jaħdmu qatigħ mis-snin 60 tas-seklu 20 biex jeqirdu s-siġar taż-żnuber fuq il-Muntanja Ruapehu, peress li joħonqu l-pjanti nattivi, jikkonsmaw l-ilma u jħassru l-ambjent tal-park. Il-Park Nazzjonali ta' Tongariro rċieva finanzjament mill-Programm ta' Kontroll Nazzjonali tas-Siġar taż-Żnuber li ġie stabbilit fl-2016 bħala sforz ikkoordinat fil-pajjiż kollu għall-kontroll tas-siġar taż-żnuber. Sal-2023, il-Programm tal-Kontroll tal-Koniferi kien waqqaf it-tifrix tas-siġar taż-żnuber fl-inħawi ta' Tongariro, inkluż fil-park nazzjonali, u neħħa l-biċċa l-kbira tas-sorsi taż-żrieragħ.

Żwiemel Kaimanawa

[immodifika | immodifika s-sors]

Sa nofs is-seklu 20, iż-żwiemel selvaġġi mnissla minn annimali miġjuba f'New Zealand fl-ewwel deċennju tas-seklu 19 kienu jgħixu liberament fil-park nazzjonali u fl-inħawi tal-madwar. Wara li l-popolazzjoni tagħhom ċkienet minħabba l-kaċċa u l-bidliet fil-ħabitat, iż-żwiemel, illum magħrufa bħala ż-żwiemel Kaimanawa, iddaħħlu taħt il-protezzjoni tal-gvern fl-1981. Il-popolazzjoni tiġi ġestita mid-Dipartiment tal-Konservazzjoni biex jiġi żgurat li ż-żwiemel ma jimirħux lura fil-Park Nazzjonali ta' Tongariro.

Ċriev, mogħoż u ħnieżer

[immodifika | immodifika s-sors]

Iċ-ċriev ħomor bdew jinħelsu minn żmien għal żmien fil-Park Nazzjonali ta' Tongariro mill-aħħar tas-seklu 19, u ċ-ċriev sika ddaħħlu għall-Kaimanawas fl-1905 u iktar 'il quddiem infirxu fil-park kollu. Sas-snin 40 tas-seklu 20, iċ-ċriev ġew rikonoxxuti bħala theddida għall-pjanti lokali, u l-gvern għamel sforzi biex inaqqas il-popolazzjoni permezz tal-kaċċa. Matul l-1962, iċ-ċriev kienu jintlemħu b'mod regolari sa ftit metri 'l bogħod mix-Chateau, u dan tqies bħala sinjal li l-popolazzjoni kienet ogħla milli kien maħsub inizjalment mill-uffiċjali tal-park. Il-kaċċaturi privati jistgħu jisparaw lejn iċ-ċriev fil-park bħala mezz biex il-popolazzjoni titrażżan.

Permezz ta' programm tal-kontroll tal-mogħoż fil-Foresta ta' Tongariro biswit il-Park Nazzjonali ta' Tongariro, id-Dipartiment tal-Konservazzjoni joqgħod b'seba' għajnejn biex jgħodd l-ammont ta' mogħoż li jgħixu fis-selvaġġ fi ħdan il-park. Fl-2024, permezz ta' ħelikopter bit-teknoloġija tat-teħid tal-immaġnijiet termali, ġew analizzati 16,000 ettaru tal-park biex jiġu magħduda l-mogħoż, iżda ma nstabet l-ebda mogħża. Id-Dipartiment tal-Konservazzjoni jiddikjara li s-sorveljanza regolari u l-azzjoni bikrija huma iktar kosteffettivi milli joqogħdu jippruvaw jeqirdu popolazzjoni li diġà stabbiliet ruħha.

Hemm ammont żgħir ta' ħnieżer fl-inħawi ta' Rotopounamu u l-Muntanja Pihanga kif ukoll fix-xaqlibiet tat-Tramuntana tal-Muntanja Tongariro. Il-ħnieżer jaffettwaw il-pjanti billi jieklu ż-żrieragħ, in-nebbitiet u l-frott artab u jħarbtu l-għeruq tas-siġar u tal-pjanti. B'hekk jiżdiedu wkoll l-erożjoni u s-sedimenti fix-xmajjar. Huwa magħruf li l-ħnieżer jieklu wkoll il-bajd ta' għasafar li jgħixu mal-art bħall-kiwi. Id-Dipartiment tal-Konservazzjoni qed irażżan il-popolazzjoni tal-ħnieżer permezz tal-kaċċa, u b'hekk il-kaċċa privata għall-ħnieżer hija permessa.

Proġett ta' Tongariro

[immodifika | immodifika s-sors]

Is-Soċjetà tal-Istorja Naturali ta' Tongariro (magħrufa bħala l-Proġett ta' Tongariro) hija grupp ta' konservazzjoni stabbilit minn voluntiera fl-1984 bħala mafkar għall-persunal tal-park nazzjonali li miet f'aċċident b'ħelikopter fl-1982. Mis-snin 80 tas-seklu 20, il-grupp wettaq bosta proġetti fil-Park Nazzjonali ta' Tongariro, inkluż l-irpiljar ekoloġiku fil-Lag ta' Rotopounamu, l-irpiljar tas-siti li ntużaw fil-ġbid tal-film The Lord of the Rings, l-istħarriġiet tal-ħabitats tal-papri blu, u r-restawr tal-Pont Ferrovjarju ta' Hapuawhenua fil-park.

Turiżmu eċċessiv

[immodifika | immodifika s-sors]

Matul Lulju 2022 u Marzu 2023, 9 % tal-viżitaturi internazzjonali tal-pajjiż żaru l-Park Nazzjonali ta' Tongariro. It-turiżmu eċċessiv huwa problema fil-park, b'mod partikolari tul il-Mogħdija Alpina ta' Tongariro, fejn l-għadd ta' viżitaturi żdied minn 10,000 ruħ fl-1990 għal 125,000 ruħ fl-2015. Minbarra d-diffikultajiet tal-ġestjoni ta' għadd ikbar ta' vetturi, ir-rimi tal-iskart u l-faċilitajiet tat-tojlits, l-ambjent qed jinqered ukoll, u l-persunal tal-park qed jiffaċċja wkoll għadd dejjem jiżdied ta' talbiet ta' salvataġġ mill-viżitaturi. F'tentattiv biex is-sitwazzjoni tiġi ġestita, fl-2023 id-Dipartiment tal-Konservazzjoni daħħal fis-seħħ sistema ta' prenotazzjoni għal dawk li jkunu jixtiequ jimxu tul il-Mogħdija Alpina ta' Tongariro.

Il-Muntanja Ruapehu mill-villaġġ ta' Whakapapa, il-Park Nazzjonali ta' Tongariro. Din it-triq tibqa' tiela' sal-villaġġ ta' Iwikau, li jagħti aċċess għall-meded tal-iskijjar.

L-iżjed attivitajiet rikreattivi prinċipali fil-park huma l-mixi u t-tixbit fis-sajf, u l-iskijjar u s-snowboarding fix-xitwa. Hemm ukoll opportunitajiet għall-kaċċa, għas-sajd, għaċ-ċikliżmu fil-muntanji, għall-irkib taż-żwiemel, għar-rafting u għat-titjiriet xeniċi.

L-iżjed mixja popolari fil-Park Nazzjonali ta' Tongariro hija tul il-Mogħdija Alpina ta' Tongariro. Il-biċċa l-kbira tal-mixja tagħmel parti wkoll miċ-Ċirkwit tat-Tramuntana ta' Tongariro, li hija mixja ta' bejn jumejn u erbat ijiem, u li hija waħda mill-għaxar "Mixjiet il-Kbar" ta' New Zealand. Tul dawn il-mogħdijiet, wieħed jista' jagħmel ukoll mawriet addizzjonali lejn il-qċaċet tal-Muntanji Tongariro u Ngauruhoe. Rotta oħra hija l-Mogħdija Madwar il-Muntanja li ddum bejn tlett ijiem u sitt ijiem biex wieħed idur mal-Muntanja Ruapehu. Minbarra dawn ir-rotot, hemm bosta rotot iqsar li huma tajbin għal mixjiet ta' jum. Permezz ta' network ta' rotot, tliet siti għall-kampeġġ, żewġ xelters ta' emerġenza, disa' loġoġ pubbliċi u erba' loġoġ privati, u l-faċilitajiet fil-villaġġ ta' Whakapapa, il-park huwa żviluppat sew għat-turiżmu. Dawn il-mogħdijiet jintużaw ukoll bħala rotot tax-xitwa, kif ukoll biex wieħed jitla' sal-quċċata tal-Muntanja Ruapehu. Barra minn hekk, wieħed jista' jagħżel ukoll li jixxabbat mal-muntanji.

Mogħdija tal-mixi u taċ-ċikliżmu ta' Te Ara Mangawhero

[immodifika | immodifika s-sors]

L-ewwel stadju tat-Te Ara Mangawhero, mogħdija tal-mixi u taċ-ċikliżmu bejn il-Muntanja Ruapehu u Ohakune, infetaħ fl-4 ta' Novembru 2024. L-iwi Ngāti Rangi, id-Dipartiment tal-Konservazzjoni u l-Kunsill Distrettwali ta' Ruapehu kkollaboraw biex tinbena rotta ċirkolari ta' 11.4-il kilometru għat-turisti. Il-mogħdija tgħaddi qalb il-foresti subalpini tul linja antika tat-tramm. Eventwalment, huwa mistenni li l-mogħdija tiġi estiża lejn il-medda tal-iskijjar ta' Turoa u tifforma parti mill-mogħdija mill-muntanji għall-baħar mill-Muntanja Ruapehu tul ix-xmara Whanganui sal-baħar.

Veduta tal-Muntanja Ngauruhoe mill-Mogħdija Alpina ta' Tongariro.

L-istaġun tal-borra jkun mill-aħħar ta' Ġunju sal-bidu ta' Novembru. L-ikbar żona tal-iskijjar, Whakapapa, tinsab fuq ix-xaqlibiet tal-Majjistral tal-Muntanja Ruapehu. Għandha 15-il lift għall-iskijjar u tkopri erja ta' 5.5 km2. Eżatt maġenb il-medda tal-iskijjar hemm 47 loġġa tal-klabbs tal-iskijjar: il-biċċa l-kbira minnhom jilqgħu wkoll lil dawk li mhumiex membri ta' xi klabb tal-iskijjar. L-insedjament l-iktar viċin jinsab fil-bażi tal-muntanja, fil-villaġġ ta' Whakapapa. Medda kemxejn iżgħar tal-iskijjar, imsejħa Turoa, tinsab fuq ix-xaqliba tal-Lbiċ. Għalkemm għandha disa' liftijiet biss, din il-medda tal-iskijjar b'erja ta' 5 km2 hija kbira kważi daqs dik tal-villaġġ ta' Whakapapa. F'din il-medda tal-iskijjar ma hemmx akkomodazzjoni: l-eqreb raħal huwa dak ta' Ohakune. Dawn iż-żewġ meded tal-iskijjar ġew taħt ġestjoni komuni fis-sena 2000. Iktar 'il quddiem, il-kumpanija ġiet issekwestrata, u f'Novembru 2023, Pure Tūroa, entità kollettiva tal-Māori, ħadet f'idejha twellija ta' 10 snin u l-ġestjoni tal-villaġġ ta' Whakapapa baqgħet f'idejn il-gvern.

Apparti dawn il-meded kbar tal-iskijjar, hemm ukoll il-medda tal-iskijjar ta' Tukino, medda tal-iskijjar tal-klabbs miftuħa għall-pubbliku. Din il-medda tal-iskijjar tiġi ġestita mill-Assoċjazzjoni tal-Klabbs tal-Muntanji ta' Tukino, li hija magħmula mill-Klabb tal-Iskijjar Alpin tad-Deżert, mill-Klabb Sportiv Alpin ta' Tukino u mill-Klabb tal-Iskijjar ta' Aorangi fuq ix-xaqliba tax-Xlokk. Kull klabb tal-iskijjar għandu 32 klabb tal-mistednin fuq il-medda li jiġu aċċessati permezz ta' triq 4WD mill-Awtostrada Statali Nru 1. Iż-Żona tal-Iskijjar ta' Tukino għandha tliet nutcracker rope tows u tkopri erja ta' 1.7 km2.

Siti storiċi

[immodifika | immodifika s-sors]

Wieħed jista' jżur diversi siti storiċi aċċessibbli pubblikament fi ħdan il-park.

photo of steel trussed curving railway bridge
Il-Pont Ferrovjarju ta' Hapuawhenua tal-1908 tul il-linja ferrovjarja prinċipali tal-Gżira tat-Tramuntana.

Il-Loġġa ta' Waihohununu tinsab fuq ix-xaqliba tal-Grigal tal-Muntanja Ruapehu qrib it-Triq tad-Deżert. Inbniet mid-Dipartiment tal-Istabbilimenti Turistiċi u tas-Saħħa fis-sit attwali tagħha fl-1904, kienet l-ewwel loġġa li nbniet fil-Park Nazzjonali ta' Tongariro u hija l-eqdem loġġa tal-muntanji li għadha teżisti f'New Zealand. Din kienet inbniet biex tospita t-turisti li jivvjaġġaw lejn il-park bil-kowċis, iżda l-użu tagħha batta kemxejn wara li nbniet il-linja ferrovjarja prinċipali fin-naħa l-oħra tal-park. Il-loġġa kienet tintuża b'mod regolari sal-1968, meta mbagħad ġiet sostitwita b'loġġa ġdida bl-istess isem, u mill-1979 il-loġġa oriġinali nżammet bħala sit storiku. Ġiet irreġistrata bħala Sit Storiku tal-Kategorija Nru 1 mill-Fond Fiduċjarju tas-Siti Storiċi (issa Heritage New Zealand) fl-1993.

Il-Pont Ferrovjarju ta' Taonui (1907) u l-Pont Ferrovjarju ta' Hapuawhenua (1908), li jinsabu bejn Ohakune u Horopito, inbnew bħala parti mil-linja ferrovjarja prinċipali tal-Gżira tat-Tramuntana. Flimkien jiffurmaw par pontijiet ferrovjarji kbar tal-azzar ġejjin għal-lilwa, u huma uniċi f'New Zealand. Il-Pont Ferrovjarju ta' Hapuawhenua huwa twil 284 metru u huwa l-itwal pont ferrovjarju eżistenti fil-pajjiż (il-Pont Ferrovjarju ta' Mangaweka kien itwal iżda twaqqa' fis-snin 80 tas-seklu 20). Iż-żewġ pontijiet ferrovjarji baqgħu jintużaw sal-1987, meta nfetħet id-Devjazzjoni ta' Horopito. Il-binarji fuq iż-żewġ pontijiet ferrovjarji tneħħew, u minflok inħolqot mogħdija għall-mixi tul iċ-ċentru tal-Pont Ferrovjarju ta' Hapuawhenua. A. J. Hackett għal żmien qasir mexxa negozju tal-bungy jumping mill-pont ferrovjarju fl-1988. Il-Pont Ferrovjarju ta' Hapuawhenua ġie elenkat bħala Sit Storiku tal-Kategorija Nru 1 fl-1995, u fl-2009 il-Pont Ferrovjarju ta' Taonui ġie elenkat ukoll bħala Sit Storiku tal-Kategorija Nru 1. Fl-2009, il-Pont Ferrovjarju ta' Hapuawhenua, li kien għadu kemm sarlu xi restawr, infetaħ għall-pubbliku bħala mogħdija tal-mixi u taċ-ċikliżmu.

Ir-Residenza ta' Fergusson fil-villaġġ ta' Whakapapa ġiet elenkata bħala Sit Storiku tal-Kategorija Nru 2 minn Heritage New Zealand fl-2005. Inbniet fl-1924 u hija l-eqdem struttura eżistenti fil-villaġġ. Bħala t-tielet loġġa li nbniet fl-inħawi biex tilqa' lil dawk li kienu jiġu biex jimxu jew jiskijjaw fil-park, inizjalment kienet magħrufa bħala l-"Loġġa Nru 3" kif ukoll bħala l-"Loġġa tan-Nisa", u kienet tilqa' lin-nisa u l-irġiel f'daqqa. Wara s-soġġorn tas-Sinjura Fergusson hemmhekk f'Awwissu 1926, isem il-loġġa nbidel għar-Residenza ta' Fergusson. Il-loġġa iktar 'il quddiem ġiet estiża u mmodifikata diversi drabi. Intużat bħala akkomodazzjoni għall-persunal tax-Chateau ta' Tongariro sal-1993, meta mbagħad saret kafetterija.

Fil-kultura popolari

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-film tal-1984, Wild horses, inġibed fil-park. Il-film huwa dwar kunflitt bejn dawk li jieħdu ħsieb iż-żwiemel Kaimanawa, il-kaċċaturi taċ-ċriev u r-rangers tal-park.

Il-Muntanji Tongariro u Ngauruhoe kienu fost id-diversi postijiet fejn Peter Jackson ġibed it-triloġija ta' The Lord of the Rings; normalment jiġu organizzati tours mill-operaturi u mill-akkomodazzjonijiet turistiċi biex il-viżitaturi jmorru jaraw dawn il-postijiet.

Il-Muntanja Ngauruhoe dehret ukoll fil-film Hunt for the Wilderpeople.

Il-pajsaġġi tal-Park Nazzjonali ta' Tongariro ntużaw bħala sfondi għall-kastell tar-Reġina Bavmorda fil-film tal-1988, Willow.

  1. ^ "Tongariro National Park: Features". web.archive.org. Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-02-22. Miġbur 2024-12-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  2. ^ a b ċ "Tongariro National Park - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2024-12-25.
  3. ^ "World Heritage Nomination – IUCN Summary: 421 Tongariro National Park (New Zealand)". web.archive.org. Arkivjat mill-oriġinal fl-2024-04-20. Miġbur 2024-12-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  4. ^ "The 10 Oldest National Parks In The World". web.archive.org. 2019-10-17. Arkivjat mill-oriġinal fl-2019-10-17. Miġbur 2024-12-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  5. ^ "Introduction | NZETC". web.archive.org. 2023-02-05. Arkivjat mill-oriġinal fl-2023-02-05. Miġbur 2024-12-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  6. ^ Cowan, James (1927). "Chapter II: The Mountains of the Gods". The Tongariro National Park, New Zealand – Its topography, geology, alpine and volcanic features, history and Maori folk-lore. pp. 29–33.
  7. ^ Julie (2016-01-31). "20 Best Day Hikes in the World (+ Map & Photos)". Earth Trekkers (bl-Ingliż). Miġbur 2024-12-25.
  8. ^ "World's 10 Best Day Hikes". web.archive.org. 2024-05-22. Arkivjat mill-oriġinal fl-2024-05-22. Miġbur 2024-12-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  9. ^ "Maori Legend of Mounts Ruapehu and Taranaki (Egmont) – 1966 Encyclopaedia of New Zealand – Te Ara". web.archive.org. 2024-06-25. Arkivjat mill-oriġinal fl-2024-06-25. Miġbur 2024-12-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  10. ^ Taonga, New Zealand Ministry for Culture and Heritage Te Manatu. "Battle of the mountains". teara.govt.nz (bl-Ingliż). Miġbur 2024-12-25.
  11. ^ "Ascent of Ngauruhoe - Auckland star". paperspast.natlib.govt.nz. Miġbur 2024-12-25.
  12. ^ "Trampers told not to climb Tongariro Crossing's Mount Doom - Stuff". www.stuff.co.nz. Miġbur 2024-12-25.
  13. ^ Soukoutou, Ruth (2020-03-18). "To summit or not to summit?". Wilderness Magazine (bl-Ingliż). Miġbur 2024-12-25.
  14. ^ "TKM | Iwi | Ngāti Tūwharetoa | Te Kahui Mangai". www.tkm.govt.nz (bl-Ingliż). Miġbur 2024-12-25.
  15. ^ "TKM | Iwi | Ngāti Rangi | Te Kahui Mangai". www.tkm.govt.nz (bl-Ingliż). Miġbur 2024-12-25.
  16. ^ "Ngāti Rangi claims settlement right of first refusal" (PDF).
  17. ^ "TKM | Iwi | Ngāti Hāua (Upper Whanganui) | Te Kahui Mangai". www.tkm.govt.nz (bl-Ingliż). Miġbur 2024-12-25.
  18. ^ "Process of cultural redress negotiations for Tongariro National Park" (PDF).
  19. ^ Healing the past, building a future. Wellington, New Zealand: Office of Treaty Settlements. 2018. p. 90. ISBN 9780478324365.
  20. ^ Molloy, Les; Taonga, New Zealand Ministry for Culture and Heritage Te Manatu. "Plaque, Tongariro National Park". teara.govt.nz (bl-Ingliż). Miġbur 2024-12-25.