Park Nazzjonali ta' Ivindo

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Kaskata fil-Park Nazzjonali ta' Ivindo.

Il-Park Nazzjonali ta' Ivindo (bil-Franċiż: Parc national d'Ivindo) huwa park nazzjonali lejn iċ-ċentru u l-Lvant tal-Gabon fl-Afrika Ċentrali, li jmiss mal-fruntieri tal-provinċji ta' Ogooué-Ivindo u ta' Ogooué-Lolo. Il-ħolqien tal-park tħabbar f'Awwissu 2002 mill-President ta' dak iż-żmien Omar Bongo fis-Samit dwar id-Dinja li sar f'Johannesburg, l-Afrika t'Isfel, flimkien ma' 12-il park nazzjonali terrestri oħra tal-Gabon. L-iżjed attrazzjoni famuża huma l-kaskati spettakolari ta' Kongou u ta' Mingouli tax-xmara Ivindo, li huma magħrufa bħala l-"għeġubijiet ta' Ivindo".[1] Il-park jinkludi wkoll ir-Riżerva ta' Bijosfera ta' Ipassa Makokou u Langoué Baï, li hija waħda mill-ħames spazji forestali l-iżjed importanti fl-Afrika Ċentrali. Il-park tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2021 bis-saħħa tal-bijodiversità straordinarja tiegħu u l-ekosistema relattivament intatta tal-foresta tropikali.[2][3]

Ġeografija fiżika[immodifika | immodifika s-sors]

Il-karatteristiċi fiżiċi tal-park jinkludu x-xmara Ivindo, it-tributarja prinċipali tal-park max-xmara Ogooué, u l-Għolja ta' Kingué (749 metru) l-Għolja ta' Ngouadi (870 metru). Il-preċipitazzjoni medja fil-park hi ta' 1,672 millimetru, u l-iżjed xita qliel tinżel bejn Settembru u Diċembru, u Frar u Mejju. Staġonalment ikun hemm maltempati vjolenti bir-ragħad, li xi kultant jiġġeneraw trombi tal-arja lokalizzati, speċjalment fuq il-Promontorju ta' Ipassa. It-tfixkil ikkawżat minn dan l-effett jaf huwa responsabbli għall-fatt li din il-wiċċ ta' din il-foresta jixbaħ il-wiċċ ta' foresta sekondarja. It-temperatura medja tkun ta' 23.9 °C (imkejla f'Makokou, ftit kilometri 'l bogħod mill-konfini tat-Tramuntana tal-park), b'varjazzjoni staġonali ta' madwar 3.3 °C.

Bijodiversità[immodifika | immodifika s-sors]

L-iljunfant tal-foresti f'Langoué Baï, il-Park Nazzjonali ta' Ivindo.

Il-park ikopri erja ta' 300,000 ettaru, li kważi kollha huma forestati b'taħlita ta' foresta kostali Atlantika tal-Ginea t'Isfel u foresta semiħorfija tipika tal-Baċir tal-Kongo ċentrali. Il-foresti primordjali fin-Nofsinhar fihom popolazzjoni ġeografikament unika ta' Caesalpinioideae, li tipprovdi l-ħabitat għal diversità wiesgħa ħafna ta' friefet, għasafar u mammiferi. Dawn l-ispeċijiet jinkludu l-gorilla tal-artijiet baxxi tal-Punent, iċ-chimpanzee komuni, il-buflu tal-foresti Afrikan, il-ħanżir aħmar selvaġġ tax-xmara, is-sitatunga, u l-qattus dehbi Afrikan, kif ukoll waħda mill-aħħar popolazzjonijiet relattivament intatti ta' iljunfanti tal-foresti. Fost l-ispeċijiet ta' għasafar notevoli hemm l-għasfur tal-blat ta' għonqu griż u l-pappagall griż li huma fil-periklu ta' estinzjoni, filwaqt li ġew irreġistrati iktar minn 430 speċi ta' għasafar fi ħdan il-park.[4]

Il-bosta nixxigħat u kaskati fi ħdan il-park nazzjonali wasslu għad-diversifikazzjoni tal-ispeċijiet tal-ilma ħelu. Bosta speċijiet ta' ħut jgħixu fi ħdan il-park, u 13 minnhom huma mhedda. Hemm mill-inqas seba' speċijiet ta' ħaxix tax-xmara Podostemaceae, u kull għadira tal-kaskati jaf ikollha flora akkwatika unika. Ix-xmara Didji tipprovdi wkoll ħabitat kritiku għall-kukkudrill ta' rasu rqiqa li huwa fil-periklu ta' estinzjoni.

Storja u konservazzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Serp tal-blat Afrikan (Python sebae) fil-park.

Mill-2001, qabel il-ħolqien tal-park, id-WCS studjat u pproteġiet in-naħa tan-Nofsinhar tal-park, l-iktar f'Langoué Bai, bl-appoġġ ta' dik li issa hija l-Aġenzija tal-Parks Nazzjonali tal-Gabon (ANPN). Fl-2004, id-WCS bniet kamp apposta xi tliet kilometri minn Langoué Bai, bl-akkomodazzjoni u bl-uffiċċji għar-riċerkaturi, u pprovdiet informazzjoni importanti dwar l-ekoloġija tas-sit u preżenza protettiva kontra n-nassaba.[5]

L-Institut de Recherche en Écologie Tropicale (IRET), istitut tar-riċerka tropikali taħt l-awtorità tas-Centre national de la recherche scientifique et technologique (CENAREST), jinsab fit-Tramuntana tal-park, 12-il kilometru mill-eqreb belt, Makokou, filwaqt li l-Impjant tar-Riċerka ta' Langoué, ġestit mis-Soċjetà tal-Konservazzjoni tal-Organiżmi Selvaġġi (WCS), jinsab fin-Nofsinhar, ftit kilometri 'l bogħod minn Langoué Baï.

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Park Nazzjonali ta' Ivindo ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2021.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[2]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Vande weghe, Jean Pierre (2009). Ivindo and Mwanga. WCS. p. 7. ISBN 978-0-9820263-2-8.
  2. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Ivindo National Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-01.
  3. ^ "UNESCO awards Gabon's Ivindo park World Heritage status". France 24 (bl-Ingliż). 2021-07-28. Miġbur 2024-02-01.
  4. ^ Hickendorff, Annelies. Gabon. Bradt Travel Guides. ISBN 9781841625546.
  5. ^ "Africa - WCS.org". www.wcs.org (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-01.