Pajsaġġ Kulturali ta' Hawraman/Uramanat
Il-Pajsaġġ Kulturali ta' Hawraman/Urumanat huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-Iran. Dan il-pajsaġġ muntanjuż remot huwa xhieda tal-kultura tradizzjonali tal-poplu Hawrami, tribù Kurda agropastorali li ilha tgħix fir-reġjun minn madwar it-3000 Q.K. Il-pajsaġġ kulturali jinsab fil-qalba tal-Muntanji ta' Zagros fil-provinċji ta' Kurdistan u ta' Kermanshah tul il-fruntiera tal-Punent tal-Iran.
Il-villaġġi Uramanat jinsabu fil-provinċji muntanjużi ta' Kermanshah u ta' Kurdistan fl-Iran u fil-Governorat ta' Halabja tal-Kurdistan Iraqqin. Il-villaġġi huma uniċi bħala arkitettura, stil ta' għajxien u metodoloġija agrikola. Il-villaġġi huma integrati man-natura bis-saħħa tal-inkorporazzjoni tal-agrikoltura fuq ix-xaqlibiet weqfin tal-madwar. B'kollox hemm 12-il villaġġ li jagħmlu parti mis-sit u dawn juru l-evoluzzjoni ta' risponsi tal-poplu Hawrami għall-iskarsezza ta' art produttiva fl-ambjent muntanjuż tagħhom matul il-millenji. Il-Pajsaġġ Kulturali ta' Hawraman/Uramanat tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2021.[1]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]L-iżjed evidenza arkeoloġika bikrija turi li r-reġjun ilu abitat mill-bniedem mill-Paleolitiku Nofsani (iktar minn 40,000 sena ilu). Din l-evidenza ġiet skoperta minn arkeologi qrib il-villaġġ ta' Hajij bejn il-villaġġi ta' Naw u Asparez fil-wied ta' Sirwan.[2] L-evidenza tal-okkupazzjoni fil-Paleolitiku Aħħari ġiet skoperta fl-Għar ta' Kenacheh fil-wied ta' Perdi Mala.[3] Dawn is-sejbiet arkeoloġiċi nstabu matul il-Programm ta' Salvataġġ Arkeoloġiku tad-Diga ta' Darian fejn twettqu diversi staġuni ta' stħarriġiet u skavi arkeoloġiċi fl-inħawi tal-ġibjun li wasslu għall-iskoperta ta' għadd ta' siti Paleolitiċi importanti u ta' siti iktar reċenti. Is-siti skavati prinċipali kienu l-Post Imkenni ta' Dārāi (Paleolitiku Nofsani), l-Għar ta' Kenācheh (Paleolitiku Aħħari), il-Qabar ta' Ruwār (Żmien il-Ħadid), Sar Cham (Kalkolitiku u Żmien il-Ħadid), u Barda Mār (is-seklu 19). Apparti l-Qabar ta' Ruwār, is-siti skavi l-oħra kollha ġew mgħerrqa fl-2015-2016.[4] It-Tinqix ta' Sargon II fil-mogħdija muntanjuża ta' Tang-i Var qrib il-villaġġ ta' Tang-i Var, jindika li r-reġjun kien okkupat mill-Assirjani matul il-kampanji militari tagħhom lejn Zagros. Dan it-tinqix irjali sar minn Sargon II, ir-Re tal-Assirja (721-705 Q.K.).[5]
Il-Parċmini ta' Avroman, sett ta' tliet dokumenti mill-eri Selewċidi u Partiċi, instabu fl-inħawi fl-1909. Ġew skoperti f'għar fil-muntanja ta' Kuh-e Salan, qrib il-villaġġ ta' Shar Hawraman, u sussegwentement intbagħtu lejn Londra. Id-dokumenti jmorru lura għat-88/87 Q.K. sat-33 W.K., u tnejn minnhom huma miktuba bil-Grieg u wieħed minnhom huwa miktub bil-Partiku. Dawn jiddokumentaw il-bejgħ ta' vinja u ta' art oħra, u jinkludu l-ismijiet ta' Pātaspak, iben Tīrēn, u ta' Awīl, iben Baænīn.[6]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Pajsaġġ Kulturali ta' Hawraman/Uramanat żdied fil-lista tas-siti indikattivi tal-Iran fid-9 ta' Awwissu 2007. Fis-27 ta' Lulju 2021, is-sit ġie ddeżinjat uffiċjalment bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1][7][8]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[1]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Cultural Landscape of Hawraman/Uramanat". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-27.
- ^ "Digs hint 40,000 yrs. of man life in Hawraman". Mehr News Agency (bl-Ingliż). 2015-06-23. Miġbur 2023-12-27.
- ^ Biglari, F and S. Shidrang (2019) Rescuing the Paleolithic Heritage of Hawraman, Kurdistan, Iranian Zagros, Near Eastern Archaeology 82 (4): 226-235.
- ^ Biglari, F., (2021) Construction de barrage et archéologie de sauvetage dans le Zagros, ARCHÉOLOGIA 595: 10-11.
- ^ Frame, G. (1999). The inscription of Sargon II at Tang-i Var. Orientalia, 68(1), 31-57.
- ^ Edmonds, C. J. (1952). "The Place Names of the Avroman Parchments". Bulletin of the School of Oriental and African Studies. 14 (3): 478–82.
- ^ ""Hawraman" rural landscape inscribed in World Heritage List". Mehr News Agency (bl-Ingliż). 2021-07-27. Miġbur 2023-12-27.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Cultural sites in Africa, Arab Region, Asia, Europe, and Latin America inscribed on UNESCO's World Heritage List". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-27.