Oroskopju

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa

Fl-astroloġija, l-oroskopju huwa mappa jew dijagramma li tirrappreżenta l-pożizzjonijiet tax-xemx, tal-qamar, tal-pjaneti, tal-aspetti astroloġiċi u tal-angoli sensittivi waqt li jseħħ event partikolari, bħal fil-mument tat-twelid ta' persuna. Il-kelma oroskopju hija meħuda mill-kelmiet Griegi li jfissru "ħarsa lejn is-sigħat" (horoskopos, plu. horoskopoi, jew "markatur(i) tas-siegħa.") Ismijiet oħrajn għall-oroskopju jinkludu mappa astroloġika, astro-mappa, mappa tas-smewwiet, mappa tal-istilel, kożmogramma, vitasfera, mappa radikali u radix. L-oroskopju huwa użat bħala metodu ta' divinazzjoni li għandu x'jaqsam ma' eventi relatati mal-punt fil-ħin li jirrappreżenta u huwa l-pedament tad-tradizzjonijiet oroskopiċi tal-astroloġija.

Fl-użu tagħha ta' kuljum, il-kelma oroskopju tirreferi sikwit għall-interpretazzjoni ta' astrologu, is-soltu permezz ta' sistema ta' astroloġija li tibbaża fuq sinjali żodjakali jew fuq it-tifsira ta' event skont il-kalendarju, bħal fl-astroloġija Ċiniża. B'mod partikolari, bosta gazzetti u rivisti jġibu kolonni ta' tbassir ibbażat fuq is-sinjal żodjakali tal-individwu. Din is-sistema hija distinta mill-oroskopji użati tradizzjonalment, peress li fl-interpretazzjoni hija kkalkulata biss il-pożizzjoni żodjakali tax-xemx.[1]

Etimoloġija[immodifika | immodifika s-sors]

Il-kelma Latina horoscopus, li hija fl-aħħar mill-aħħar meħuda mill-Grieg ὡρόσκοπος li tfisser "twelid, oroskopju", jew litteralment, "wieħed li josserva s-siegħa (tat-twelid)". Il-kelma ὥρα tfisser "ħin, siegħa" u σκόπος tfisser "wieħed li josserva, li jħares". Fil-Grieg, il-kelma ὡρόσκοπος użata fis-sens ta' "axxendent" u ὡροσκοπία użata fis-sens ta' "osservazzjoni tal-axxendent" ilhom jintużaw minn żmien Klawdju Tolomew (Tetrabiblos 33,75).

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]