Aqbeż għall-kontentut

Oplontis

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-pożizzjoni ta' Oplontis fuq it-Tavla Pewtinġerjana

Oplontis huwa sit arkeoloġiku antik ta' żmien ir-Rumani li jinsab fir-raħal ta' Torre Annunziata, fin-Nofsinhar ta' Napli fir-reġjun ta' Campania fin-Nofsinhar tal-Italja.[1] L-iskavi tas-sit żvelaw żewġ vilel Rumani; l-iktar waħda magħrufa hija l-Villa A, l-hekk imsejħa Villa Poppaea.

Bl-istess mod bħall-irħula fil-qrib ta' Pompej u Ercolano, Oplontis indifen taħt l-irmied wara li żbroffa l-vulkan tal-Vesuvju fid-79 W.K.[2] Madankollu, il-qawwa tal-attività vulkanika kienet saħansitra ferm ikbar milli f'dawn l-irħula għaliex mhux biss ikkrollaw is-soqfa, iżda anke l-ħitan u l-kolonni tkissru u ġġarrfu laġenba.[3]

Storja u skavi

[immodifika | immodifika s-sors]
Affresk ta' Oplontis li issa jinsab fil-Mużew Arkeoloġiku ta' Napli

Ir-raħal ta' Oplontis x'aktarx żviluppa fejn illum hemm Torre Annunziata. L-iskavi żvelaw binjiet partikolarment fin-naħat tal-Lvant u tal-Punent tar-raħal; fin-naħa tal-Lvant instabet il-Villa A u fin-naħa tal-Punent instabet il-Villa B kważi fil-konfini ma' Torre del Greco.[4] Jingħad li fil-qedem, bħal f'inħawi oħra (eż. f'Ercolano u fi Stabiae), kien hemm vilel residenzjali lussużi bħall-Villa A tul il-kosta kollha, filwaqt li l-iktar vilel (agrikoli) produttivi kienu jinsabu iktar 'il ġewwa.

Fost is-sejbiet fin-naħa tal-Punent, l-iktar importanti huwa l-kumpless tal-banjijiet Rumani max-xatt tal-baħar ta' Oncino, magħruf bħala Terme Nunziante, bħala binja pubblika ta' Oplontis.[5] R. Liberatore rreġistra l-iskavi arkeoloġiċi fid-detall u identifika l-kumpless bħala proprjetà ta' Luċju Nonju Florju (Lucius Nonius Florus) peress li skopra ismu ttimbrat fuq ix-xifer ta' baċir tat-terrakotta fil-banjijiet, imżejjen b'għamliet veġetali u żwiemel tal-galopp.[6]

Pjanta antika tal-banjijiet

B'xorti ħażina, il-kostruzzjoni tal-banjijiet moderni fuq il-kumpless preċedenti kkawżaw il-qerda tagħhom. Iktar 'il quddiem instabu żewġ mini tad-dranaġġ jew tal-provvista tal-ilma taħt l-art ikkollegati mal-banjijiet.

Barra minn hekk, fil-qrib ġew skoperti l-fdalijiet ta' żewġ vilel residenzjali; f'waħda minnhom ta' Caius Siculius Caius Filius instab is-siġill tiegħu u affresk fin, iżda bosta fdalijiet oħra fiż-żona nqerdu u nsterqu.[7]

Skavi tal-Villa A

[immodifika | immodifika s-sors]
Wieħed mill-affreski tal-Villa Poppea

L-ewwel waħda mill-vilel, magħrufa bħala Villa A, ġiet skoperta fl-1593-1600 matul il-proġett kbir ta' kostruzzjoni ta' Fontana tal-akkwedott ta' Sarno biex jalimenta l-mtieħen f'Torre Annunziata, l-istess akkwedott li ġie skavat f'Pompej fejn sab ukoll l-ewwel fdalijiet, iżda b'mod simili ma kienx sar tentattiv biex jiġu esplorati l-fdalijiet f'Oplontis. Dan l-akkwedott għadu jgħaddi minn nofs il-Villa A. Fl-1785, l-arkitett Spanjol Francesco La Vega esplora din iż-żona, magħrufa bħala Le Mascatelle, b'mini u sab oġġetti mill-isbaħ iżda wara ftit qata' qalbu minħabba l-gassijiet tossiċi.

Fl-1839-1840 Michele Rusca reġa' beda l-iskavi fil-mini billi uża l-pubblikazzjonijiet ta' La Vega u skopra għall-ewwel darba d-daqs, l-importanza u l-kwalità tal-binja, inkluż żewġ peristili, mużajk u tiżjin ieħor. Madankollu, kellu jieqaf ħesrem minħabba nuqqas ta' fondi.

Id-daħla antika ta' Villa Poppaea

Mill-1880 inbnew sensiela ta' mtieħen u fabbriki tal-għaġin f'Via Fontanelle fiż-żona ta' Oplontis u nstabu ħitan Rumani antiki, kolonni tal-irħam, pavimentar bil-mużajk, u bosta frammenti minn varjetà ta' oġġetti fit-trunċieri tal-pedamenti. Fil-fabbrika tal-għaġin ta' Iennaco nstabu baċiri tal-irħam u pajpijiet taċ-ċomb, żewġ statwetti tal-irħam ta' “produzzjoni Griega mill-isbaħ”, waħda minnhom tal-alla femminili Minerva. Bosta affreski u xi mużajk inqerdu. Fawwara tal-ilma minerali bdiet tnixxi matul it-tħaffir f'fond ta' 11-il metru u l-ilma beda jiġi kkummerċjalizzat.

Fl-1934 matul il-kostruzzjoni ta' binja privata f'Via Fontanelle nstabu fdalijiet oħra ta' xi opus reticulatum u x'aktarx ta' kriptoportiku. Vincenzo Cuccurullo ordna t-tħaffir ta' trunċieri bħala ttestjar li wassal għall-iskoperta ta' perimetru ieħor ta' ħitan f'opus incertum bi ftit traċċi ta' ġibs abjad u ftit traċċi ta' volta.

Minn dak iż-żmien 'il quddiem baqgħu jinstabu iktar fdalijiet kull darba li r-raħal tkabbar u gradwalment ħareġ fid-dieher li kien hemm sit Ruman importanti fuq l-għolja ta' Le Mascatelle. Il-kumitat imsejjaħ "Ħbieb ta' Oplontis", magħmul minn voluntiera, ġie stabbilit fl-1962 biex jiġu promossi skavi kif suppost.[7]

L-affresk ta' Erkole f'Oplontis

L-iskavi fuq skala kbira ġew approvati uffiċjalment fl-1964. Madankollu, anke dak iż-żmien l-iskavi kienu pjuttost kaotiċi u ma nżamm l-ebda reġistru uffiċjali sal-1971, meta l-biċċa l-kbira tal-kmamar kienu diġà ġew esposti. Matul dan il-perjodu ntilfu bosta affreski u tagħrif ta' valur mill-iskavi sar-rikostruzzjoni finali. Anke wara l-1971, ir-reġistri tal-iskavi ma kinux magħmula bir-reqqa u tħallew barra xi dettalji u skoperti. B'hekk ir-rikostruzzjoni kompluta kienet impossibbli.[8]

Fl-1975 l-unika skeletru ta' bniedem instab fit-tarf tat-Tramuntana tas-sit, ta' adult mixħut fuq dahru, sitt metri 'il fuq mill-art tal-villa, li x'aktarx inġarr hemmhekk mill-fluss vulkaniku minn xi mkien iktar 'il ġewwa.

Illum il-ġurnata ġie espost madwar 60 % tal-villa aċċessibbli għall-pubbliku.

Storja tal-Villa A

[immodifika | immodifika s-sors]

L-eqdem parti tal-binja tmur lura għal madwar il-50 Q.K. u l-affreski ta' mal-ħitan imorru lura għal dak iż-żmien.

Il-villa ġarrbet ħsarat estensivi fit-62 W.K. fit-terremot ta' Pompej, u partijiet tal-villa ġew rikostruwiti b'affreski ġodda, kważi famużi daqs dawk iktar bikrin għall-kwalità tagħhom.

Il-Villa A x'aktarx li ma kinitx abitata u kienet għadha fil-proċess ta' rikostruzzjoni fil-mument meta żbroffa l-vulkan fid-79 W.K., u fil-fatt instabu għadd ta' għodod fis-sit u xi statwi u kolonni kienu maħżuna f'positijiet oħra lil hinn mill-post oriġinali tagħhom.

Il-qawwa tal-iżbroffar tal-vulkan wasslet biex is-soqfa u l-ħitan jikkrollaw, u l-kolonni nkisru u waqgħu laġenba, u b'hekk wara l-iskavi kien diffiċli ħafna li ċertu biċċiet jiġu rikostruwiti.

Affresk ta' pagun f'Oplontis

It-tieni villa, il-Villa B, ġiet skoperta fl-1974, xi 300 metru (980 pied) fil-Lvant tal-Villa A[9], matul il-kostruzzjoni ta' skola u ġiet skavata parzjalment sal-1991.[10]

B'kuntrast għall-Villa Poppaea mżejna b'mod lussuż, il-Villa B hija ferm iżgħar mill-Villa A, u ma fihiex id-dekorazzjoni lussuża ta' din tal-aħħar. Il-Villa B hija struttura rustika ta' żewġ sulari b'ħafna kmamar mingħajr kisja bil-ġibs u bl-artijiet mhux pavimentati. Il-pjanta tal-istruttura tiżvela bitħa ċentrali mdawra b'peristil ta' żewġ sulari ta' kolonni tat-tufa ta' Nocera. Madankollu, instabu iktar minn sebgħin kamra fuq iż-żewġ sulari. Fil-pjan terran, l-erba' naħat tal-bitħa għandhom kmamar b'volti b'għamla ta' btieti b'opus incertum u opus reticulatum.

Fis-sit instab siġill tal-bronż b'isem L. Crassius Tertius.

Il-villa nbniet fl-aħħar tas-seklu 2 Q.K. Il-kumpless kien parti minn insedjament usa' li kien inbena qabel il-kostruzzjoni tal-Villa A.

Din il-villa kienet abitata fil-mument tal-iżbroffar tal-vulkan: il-fdalijiet ta' 54 persuna li tilfu ħajjithom ġew irkuprati f'waħda mill-kmamar tal-villa. Dawn ġew maqsuma f'żewġ gruppi, grupp li kellu ġojjellerija fina, oġġetti tal-fidda u muniti; filwaqt li l-grupp l-ieħor ma kellu xejn minn dan.

Affresk famuż tal-Villa ta' Oplontis

L-arkeoloġija reċenti wriet li l-villa kienet ġarrbet tip uniku ta' qerda minħabba l-prossimità tagħha mal-baħar, għad-differenza ta' Pompej jew Ercolano. L-iżbroffar vulkaniku ġġenera fluss piroklastiku li niżel mill-muntanja lejn Oplontis. L-impatt tal-fluss ma' wiċċ il-baħar wassal għal tip ta' "tsunami" li kkawża d-dħul u d-depożitu vjolenti ta' saff mimli ilma fil-kmamar bil-volta b'għamla ta' btieti (simili għad-depożitu li difen l-iskeletri fil-kosta ta' Ercolano). In-nies li fittxew il-kenn f'Oplontis mietu taħt massa mħallta ta' gass, irmied u ilma b'temperaturi għoljin ferm. L-impatt tal-mewġa x'aktarx li kkawżat ukoll il-kollass tal-volti b'għamla ta' btieti.[11]

Uħud mill-kmamar milli jidher intużaw għall-manifattura, u oħrajn intużaw bħala mħażen, filwaqt li s-sular ta' fuq kien fih il-parti residenzjali tad-dar. Dawn iċ-ċirkostanzi, flimkien ma' iktar minn 400 anfora li ġew irkuprati mill-iskavi, jindikaw li l-proprjetà kienet iddedikata għall-produzzjoni tal-inbid, taż-żejt u tal-prodotti agrikoli. L-iskoperta ta' sensiela ta' piżijiet tal-użin donnu jikkonferma din l-ipoteżi. Instab ukoll siġill tal-bronż fis-sit b'isem Lucius Crassius Tertius, li x'aktarx kien l-aħħar sid tal-villa.

Il-parti tan-Nofsinhar tas-sular ta' fuq probabbli kienet il-parti residenzjali tas-sid, u fil-fatt xi kmamar huma mżejna bl-affreski, u hemm ukoll eżempju rari ta' affresk ta' stil ieħor mill-era Repubblikana.

Kaxxaforti ddekorata ħafna u rari nstabet fil-peristil, li x'aktarx waqgħet mis-sular ta' fuq. Din kien fiha iktar minn 200 munita, ġojjellerija u ċurkett b'siġill. Kienet iddekorata b'mod fin intarsjati bil-fidda, bir-ram u bil-bronż indurat tipiku tad-disinn Ellenistiku aħħari, u kellha sistema kumplessa ta' sokra li kienet għadha tintuża fis-seklu 19.

Fl-istorja tal-villa ġiet miżjuda wkoll sistema sofistikata tad-drenaġġ tal-ilma. Fit-Tramuntana tas-sit, il-kmamar tal-pjan terran ġiet ikkonfigurati mill-ġdid u t-triq ġiet pavimentata mill-ġdid.[12]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Iż-Żoni Arkeoloġiċi ta' Pompej, Ercolano u Torre Annunziata (li qabel kienet Oplontis) ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1997.[13]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[13]

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]
  1. ^ "Oplontis - AD79eruption". sites.google.com. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2017-01-07. Miġbur 2022-03-13.
  2. ^ "The Oplontis Project". The Oplontis Project (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2023-06-10. Miġbur 2022-03-13.
  3. ^ Zarmakoupi, Mantha (2017). "Book Review of Oplontis: Villa A ("of Poppaea") at Torre Annunziata, Italy. Vol. 1, The Ancient Setting and Modern Rediscovery, edited by John R. Clarke and Nayla K. Muntasser". American Journal of Archaeology. 121 (3).
  4. ^ Clarke, John R.; Muntasser, Nayla K. (2014). Oplontis: Villa A (“of Poppaea”) at Torre Annunziata, Italy. Volume 1. The Ancient Setting and Modern Rediscovery (bl-Ingliż). American Council of Learned Societies.
  5. ^ "Oplontis Villa". pompeiiinpictures.eu. Miġbur 2022-03-13.
  6. ^ R. Liberatore, Nuove e antiche terme di Torre Annunciata, Annali Civili del Regno delle due Sicilie 6, fasc. 12 (1834).
  7. ^ a b Clarke, John R. 1945-. Oplontis: Villa A ("of Poppaea") at Torre Annunziata, Italy, 139-292.
  8. ^ Clarke, John R. 1945-. Oplontis: Villa A ("of Poppaea") at Torre Annunziata, Italy, 2014. pp. 815, 840
  9. ^ "The Oplontis Visualization Project" (bl-Ingliż). 2012-02-15. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2022-03-28. Miġbur 2022-03-13.
  10. ^ "Ritratti Oplontis". pompeiiinpictures.com. Miġbur 2022-03-13.
  11. ^ "FASTI - Home". www.fastionline.org. Miġbur 2022-03-13.
  12. ^ The Oplontis Project 2012-13: A Report of Excavations at Oplontis B1 Michael L Thomas - Ivo van der Graaff - and Paul Wilkinson, The Journal of Fasti Online (ISSN 1828-3179).
  13. ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Archaeological Areas of Pompei, Herculaneum and Torre Annunziata". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-13.