Aqbeż għall-kontentut

Muntanji Makhonjwa ta' Barberton

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Muntanji Makhonjwa ta' Barberton fl-10 ta' Marzu 2021; immaġni satellitari bl-Operational Land Imager tal-Landsat 8. Ix-xmara Komati tgħaddi minn nofs. Eerstehoek u Elukwatini jinsabu fuq ix-xellug, fuq in-naħa t'isfel, u l-Muntanji Makhonjwa jinsabu fuq in-naħa ta' fuq.

Il-Muntanji Makhonjwa ta' Barberton jew il-Muntanji Makhonjwa huma katina ta' muntanji u għoljiet żgħar li tkopri erja ta' 120 kilometru b'60 kilometru (75 mil b'37 mil), jiġifieri madwar 80 % f'Mpumalanga, provinċja tal-Afrika t'Isfel, u l-kumplament fl-Eswatini.[1][2] Jikkostitwixxu 40 % tal-Katina ta' Muntanji tal-Ġebel Aħdar ta' Barberton.[3]

L-altitudni tas-sit tvarja bejn 600 metru u 1,800 metru (2,000 pied sa 5,900 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar. Hemm għadd ta' għoljiet bil-blat, flimkien ma' bwar għoljin tal-ħaxix u widien bil-foresti. Ir-reġjun jinsab fi ħdan iċ-ċentru tal-endemiżmu ta' Barberton. Il-preċipitazzjoni annwali medja tammonta għal 600-1,150 millimetru (24-45 pulzier), bi sjuf bix-xita u bi xtiewi nexfin.[4]

Il-muntanji jinsabu fit-tarf tal-Lvant tal-Kraton ta' Kaapvaal. Il-katina muntanjuża hija magħrufa l-iktar għaliex għandha wħud mill-eqdem blat esposti fid-Dinja, li huwa stmat li għandhom bejn 3.2 u 3.6 biljun sena (Ga), u jmorru lura għall-Perjodu Paleoarkan. L-età estrema tal-katina muntanjuża u l-preservazzjoni eċċezzjonali wasslu biex joħorġu fid-dieher uħud mill-eqdem sinjali ċari tal-ħajja fid-Dinja u jagħtu ħjiel rigward in-natura ostili tal-ambjent Prekambrijan li matulu din il-ħajja evolviet.[5][6] Dan wassal biex iż-żona tiġi mlaqqma bħala l-"Ġenesi tal-ħajja".[7]

Il-katina muntanjuża hija magħrufa wkoll għad-depożiti tad-deheb tagħha u għal għadd ta' komatiti, tip mhux tas-soltu ta' blat vulkaniku ultramafiku msemmi għax-xmara Komati li tnixxi fi ħdan il-katina.[8]

F'April 2014, xi xjenzati rrapportaw li sabu evidenza tal-ikbar impatt terrestri ta' meteorita sa issa qrib iż-żona. Huma stmaw li l-impatt seħħ madwar 3.26 biljun sena ilu u li l-oġġett spazjali kien wiesa' bejn wieħed u ieħor bejn 37 u 58 kilometru (23 u 36 mil). Il-krater minn dan l-avveniment, jekk għadu jeżisti, għadu ma nstabx.[9] F'Mejju 2019, instabu materjali organiċi ekstraterrestri fi blat vulkaniku ta' 3.3 biljun sena ilu fil-Muntanji Makhonjwa.[10]

Il-poplu Swazi u popli oħra ta' rgħajja x'aktarx kienu jirgħu l-bhejjem tagħhom hemmhekk, iżda mhux b'merħliet kbar, sal-wasla tal-insedjaturi Ewropej fis-snin 60 tas-seklu 19. Fl-1875 ġie skopert id-deheb qrib Kaapsehoop, iżda kienet is-sejba ta' George Barber u l-kuġini tiegħu Fred u Harry Barber li skattat tfittxija kbira għad-deheb fl-1884, li wasslet għall-istabbiliment tar-raħal ta' Barberton. Iktar 'il quddiem ġiet sostitwita bit-tfittxija kbira għad-deheb f'Witwatersrand fl-1886.

Ekonomikament, ix-xogħol tal-estrazzjoni qed imajna, u l-attivitajiet prinċipali issa huma l-ħsad tal-injam u r-ragħa. Pjantaġġuni kummerċjali jkabbru s-siġar taż-żnuber għall-arżnu u s-siġar tal-ewkaliptu.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Muntanji Makhonjwa ta' Barberton tniżżlu bħala sit indikattiv fl-2009 u ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2018.[3]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti".[3]

  1. Centre, UNESCO World Heritage. "Siti indikattivi". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-23.
  2. Latitude.to. "GPS coordinates of Barberton, Mpumalanga, Swaziland. Latitude: -25.7850 Longitude: 31.0518". Latitude.to, maps, geolocated articles, latitude longitude coordinate conversion. (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-23.
  3. 1 2 3 Centre, UNESCO World Heritage. "Barberton Makhonjwa Mountains". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-23.
  4. Williamson, S. D.; Balkwill, K. (March 2015). "Plant census and floristic analysis of selected serpentine outcrops of the Barberton Greenstone Belt, Mpumalanga, South Africa". South African Journal of Botany.
  5. de Wit, Maarten (2010). "The deep-time treasure chest of the Makhonjwa Mountains" (PDF). South African Journal of Science. Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2016-03-04. Miġbur 2024-01-23.
  6. "This domain is temporarily unavailable". web.archive.org. 2016-10-22. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-10-22. Miġbur 2024-01-23.
  7. "Makhonjwa Mountains at Barberton - Mpumalanga". web.archive.org. 2016-10-23. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-10-23. Miġbur 2024-01-23.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  8. Gill, Robin (15 February 2010). Igneous Rocks and Processes: A Practical Guide. John Wiley & Sons. p. 150. ISBN 9781444330656.
  9. "Scientists reconstruct ancient impact that dwarfs dinosaur-extinction blast". AGU Newsroom (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-23.
  10. "Extraterrestrial Organic Matter Found in 3.3-Billion-Year-Old Volcanic Rock". Gizmodo (bl-Ingliż). 2019-05-24. Miġbur 2024-01-23.