Muntanja Wutai
Il-Muntanja Wutai, magħrufa wkoll bħala Wutaishan jew bħala l-Muntanja Qingliang, hija sit Buddist sagru fis-sors tal-ilmijiet ta' Qingshui fil-Provinċja ta' Shanxi, iċ-Ċina. Iż-żona ċentrali tagħha hija mdawra b'għadd ta' qċaċet ċatti jew mesas li bejn wieħed u ieħor jikkorrispondu għad-direzzjonijiet kardinali. Il-quċċata tat-Tramuntana (Beitai Ding jew Yedou Feng) hija l-ogħla (3,061 metru jew 10,043 pied mil-livell tal-baħar) u hija wkoll l-ogħla punt fit-Tramuntana taċ-Ċina.
Il-Muntanja Wutai fiha iktar minn 53 monasteru jew tempju sagru. Tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2009 u ġiet rikonoxxuta bħala attrazzjoni turistika AAAAA mill-Amministrazzjoni Nazzjonali tat-Turiżmu taċ-Ċina fl-2007.[1][2]
Importanza
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Muntanja Wutai hija waħda mill-Erba' Muntanji Sagri skont il-Buddiżmu Ċiniż. Kull waħda minn dawn il-muntanji titqies bħala l-bodhimaṇḍa (biċ-Ċiniż: 道場; bil-Pinjin: dàocháng) ta' wieħed mill-erba' bodhisattvas il-kbar. Il-Muntanja Wǔtái jingħad li tospita l-Bodhisattva tal-Għerf, Mañjuśrī or "文殊" (Wénshū) biċ-Ċiniż. Mañjuśrī ġie assoċjat mal-Muntanja Wutai minn żmien il-qedem. Paul Williams jikteb:
Milli jidher l-assoċjazzjoni ta' Mañjuśrī mal-Muntanja Wutai (Wu-t'ai) fit-Tramuntana taċ-Ċina kienet magħrufa fiż-żminijiet klassiċi fl-Indja stess, ġiet identifikata mill-istudjużi Ċiniżi bħala l-muntanja fil-"Grigal" (meta wieħed iħares lejha mill-Indja jew mill-Asja Ċentrali) u ġiet assoċjata mar-residenza ta' Mañjuśrī fl-Avataṃsaka Sūtra. Jingħad li kien hemm pellegrinaġġi mill-Indja u minn pajjiżi Asjatiċi oħra lejn il-Muntanja Wutai diġà fis-seklu 7.[3]
Il-Muntanja Wutai kienet l-ewwel muntanja li ġiet identifikata bħala sagra u spiss jingħad li kienet "l-ewwel waħda fost l-erba' muntanji sagri". Ġiet identifikata bħala sagra abbażi ta' silta fl-Avataṃsaka Sūtra, li tiddeskrivi r-residenzi ta' bosta bodhisattvas. F'dan il-kapitlu, Mañjuśrī jingħad li jirresjedi fuq "muntanja kiesħa u ċara" fil-Grigal. Din is-silta wittiet it-triq għall-identità tal-muntanja u għall-isem l-ieħor tagħha li jfisser "Muntanja Kiesħa u Ċara" (biċ-Ċiniż: 清涼山; bil-Pinjin: Qīngliáng Shān).
Il-bodhisattva jingħad li spiss jidher fuq il-muntanja, u jieħu l-forma ta' pellegrini jew patrijiet ordinarji, jew iktar spiss bħala sħabiet mhux tas-soltu b'ħames ilwien.
Fid-dawl tar-rivalitajiet reġjonali bejn iċ-ċentri Buddisti, l-istudjuż tal-Buddiżmu Chan tas-seklu 9 Linji Yixuan ikkritika l-prominenza tal-Muntanja Wutai fiċ-Ċina matul żmien id-dinastija Tang. Skont il-Línjì yǔlù kkompilat wara mewtu, Linji Yixuan darba fost l-oħrajn qal, "Hemm għadd ta' studenti li jmorru jfittxu lil Mañjuśrī fuq il-Muntanja Wutai. B'hekk diġà jibdew fuq sieq ħażina! Ma hemm l-ebda Mañjuśrī fuq il-Muntanja Wutai". Madankollu, il-kampanja tiegħu ma rnexxietx, u saħansitra wara żmien id-dinastija Tang, il-Muntanja Wutai "baqgħet tiffjorixxi x'aktarx bħala l-iżjed sit Buddist sagru famuż fiċ-Ċina".[4]
Il-Muntanja Wutai ilha li għandha rabta sfiqa mal-Buddiżmu Tibetan.[5] Storikament kienet sagra għall-pellegrini Taoisti tul it-Toroq tal-Ħarir fis-seklu 10 ukoll.[6]
Il-Muntanja Wutai tospita wħud mill-eqdem binjiet tal-injam fiċ-Ċina ta' żmien id-dinastija Tang (618–907). Dawn jinkludu s-sala prinċipali tat-Tempju ta' Nanchan u s-Sala tal-Lvant tat-Tempju ta' Foguang, li nbnew fis-782 u fit-857, rispettivament. Ġew skoperti fl-1937 u fl-1938 minn tim ta' storiċi arkitettoniċi li kien jinkludi lill-istoriku prominenti tal-bidu tas-seklu 20 Liang Sicheng. Id-disinni arkitettoniċi ta' dawn il-binjiet ġew studjati minn sinologi u esperti ewlenin tal-arkitettura Ċiniża tradizzjonali, fosthom Nancy Steinhardt. Steinhardt ikklassifikat dawn il-binjiet skont it-tipi ta' binjiet deskritti fil-manwal dwar il-binjiet Ċiniżi Yingzao Fashi li nkiteb fis-seklu 12.
Fl-2008 kien hemm ilmenti mir-residenti lokali li bħala tħejjija biex il-Muntanja Wutai ssir Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, huma kellhom jitilqu minn djarhom u ġew rilokati 'l bogħod mill-għajxien tagħhom.[7][8]
Tempji ewlenin
[immodifika | immodifika s-sors]It-Tempju ta' Nanchan (biċ-Ċiniż: 南禅寺), fil-koordinati 38.9815°N 113.5738°E, huwa tempju Zen kbir fil-Muntanja Wǔtái, li nbena għall-ewwel darba matul żmien id-dinastija Yuan. It-tempju jinkludi seba' terrazzi, maqsumin fi tliet partijiet. It-tliet terrazzi l-iktar fil-baxx huma magħrufa bħala t-Tempju ta' Jile (biċ-Ċiniż: 極樂寺); it-terrazza tan-nofs tissejjaħ is-Sala ta' Shande (biċ-Ċiniż: 善德堂); filwaqt li t-tliet terrazzi ta' fuq huma magħrufa bħala t-Tempju ta' Youguo (biċ-Ċiniż: 佑國寺). Tempji ewlenin oħra jinkludu t-Tempju ta' Xiantong, it-Tempju ta' Tayuan u t-Tempju ta' Pusading.
Tempji importanti oħra fil-Muntanja Wutai jinkludu t-Tempju ta' Shouning, it-Tempju ta' Bishan, it-Tempju ta' Puhua, Dailuo Ding, it-Tempju ta' Qixian, Shifang Tang, it-Tempju ta' Shuxiang, it-Tempju ta' Guangzong, it-Tempju ta' Youguo, Guanyin Dong, it-Tempju ta' Longhua, it-Tempju ta' Luomuhou, it-Tempju ta' Jinge, it-Tempju ta' Zhanshan, Wanfo Ge, it-Tempju ta' Guanhai, it-Tempju ta' Zhulin, it-Tempju ta' Jifu, it-Tempju ta' Jihe, u t-Tempju ta' Gufo.
Tempji oħra fil-Muntanja Wutai jinkludu t-Tempju ta' Yanqing, it-Tempju ta' Nanchan, it-Tempju ta' Mimi, it-Tempju ta' Foguang, it-Tempju ta' Yanshan, it-Tempju ta' Zunsheng, u t-Tempju ta' Guangji. Statwa ġganteska ta' Maha Manjushree ġiet ippreżentata lill-Buddisti taċ-Ċina mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin tan-Nepal Ramesh Nath Pandey fl-2005.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Muntanja Wutai ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2009.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]
Trasport
[immodifika | immodifika s-sors]L-Ajruport ta' Wutaishan fil-Kontea ta' Dingxiang fil-qrib fetaħ f'Diċembru 2015.[9]
Unuri
[immodifika | immodifika s-sors]F'April 2020, il-Muntanja Wutai ġiet elenkata fil-"Lista tal-2020 tal-Iżjed Muntanji tad-Dinja Famużi fis-Sajf".[10]
F'Settembru 2022, wiċċ il-Muntanja Wutai ġie elenkat fil-lista tal-iżjed formazzjonijiet ġeoloġiċi sbieħ fil-Provinċja ta' Shanxi.[11]
Klima
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Muntanja Wutai għandha klima subartika (Dwc skont il-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen). It-temperatura annwali medja f'Haidian tkun ta' 2.1 °C (35.8 °F). Il-preċipitazzjoni annwali medja tkun ta' 672.6 mm (26.48 pulzier) u x-xita tinżel l-iktar f'Lulju. It-temperaturi jkunu l-ogħla bħala medja f'Lulju, ta' madwar 15.2 °C (59.4 °F), u l-iktar baxxi f'Jannar, ta' madwar −12.1 °C (10.2 °F).
Data klimatika Il-Muntanja Wutai (elevazzjoni ta' 2,208 metru (7,244 pied), temp. normali fl-1998–2020, temp. estremi fl-1981–2010) | |||||||||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
Xahar | Jan | Fra | Mar | Apr | Mej | Ġun | Lul | Aww | Set | Ott | Nov | Diċ | Sena |
Temp. għolja rekord °C (°F) | 6.0 (42.8) |
10.1 (50.2) |
16.1 (61.0) |
23.8 (74.8) |
24.0 (75.2) |
29.6 (85.3) |
28.6 (83.5) |
24.8 (76.6) |
24.2 (75.6) |
18.3 (64.9) |
13.5 (56.3) |
7.8 (46.0) |
29.6 (85.3) |
Medja massima kuljum °C (°F) | −7.5 (18.5) |
−4.7 (23.5) |
1.2 (34.2) |
8.6 (47.5) |
14.2 (57.6) |
17.6 (63.7) |
19.1 (66.4) |
17.7 (63.9) |
13.5 (56.3) |
7.7 (45.9) |
−0.1 (31.8) |
−6.6 (20.1) |
6.7 (44.1) |
Medja kuljum °C (°F) | −11.8 (10.8) |
−9.2 (15.4) |
−3.8 (25.2) |
3.2 (37.8) |
9.0 (48.2) |
12.8 (55.0) |
15 (59) |
13.6 (56.5) |
9.3 (48.7) |
3.2 (37.8) |
−4.3 (24.3) |
−10.8 (12.6) |
2.2 (35.9) |
Medja minima kuljum °C (°F) | −15.4 (4.3) |
−12.8 (9.0) |
−7.8 (18.0) |
−1.0 (30.2) |
4.8 (40.6) |
9.0 (48.2) |
11.8 (53.2) |
10.6 (51.1) |
6.2 (43.2) |
−0.2 (31.6) |
−7.7 (18.1) |
−14.2 (6.4) |
−1.4 (29.5) |
Temp. baxxa rekord °C (°F) | −32.3 (−26.1) |
−27.5 (−17.5) |
−26.5 (−15.7) |
−15.7 (3.7) |
−5.6 (21.9) |
−1.2 (29.8) |
4.8 (40.6) |
1.3 (34.3) |
−4.5 (23.9) |
−12.5 (9.5) |
−21.3 (−6.3) |
−31.8 (−25.2) |
−32.3 (−26.1) |
Preċipitazzjoni medja cm (pulzieri) | 6.6 (0.26) |
11.2 (0.44) |
19.3 (0.76) |
31.0 (1.22) |
53.6 (2.11) |
97.5 (3.84) |
168.8 (6.65) |
153.2 (6.03) |
85.6 (3.37) |
38.2 (1.50) |
16.1 (0.63) |
5.6 (0.22) |
686.7 (27.03) |
Medja għall-jiem bil-preċipitazzjoni (≥ 0.1 mm) | 4.1 | 5.5 | 6.6 | 7.1 | 8.6 | 13.5 | 15.7 | 14.2 | 10.9 | 6.9 | 5.3 | 4.3 | 102.7 |
Medja għall-jiem bil-borra | 5.6 | 6.9 | 7.9 | 6.0 | 1.8 | 0.2 | 0.1 | 0 | 0.3 | 3.3 | 6.3 | 5.4 | 43.8 |
Medja tal-umdità relattiva (%) | 50 | 53 | 48 | 49 | 51 | 66 | 78 | 80 | 72 | 61 | 55 | 52 | 60 |
Medja fix-xahar għas-siegħat bid-dawl tax-xemx | 220.1 | 203.5 | 248.1 | 246.3 | 276.7 | 225.7 | 216.5 | 189.0 | 200.3 | 220.9 | 211.0 | 211.7 | 2,669.8 |
Perċentwal għall-possibilità tax-xemx | 72 | 67 | 66 | 62 | 62 | 51 | 48 | 45 | 54 | 65 | 71 | 73 | 61 |
Sors: China Meteorological Administration[12] |
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ "Mount Wutai". whc.unesco.org. Miġbur 2024-09-05.
- ^ "China's sacred Buddhist Mount Wutai inscribed on UNESCO's World Heritage List. UNESCO World Heritage Centre". whc.unesco.org. Miġbur 2024-09-05.
- ^ Williams, Paul. Mahayana Buddhism: The Doctrinal Foundations. 2000. p. 227.
- ^ Keyworth, George A. (2019). "How the Mount Wutai cult stimulated the development of Chinese Chan in southern China at Qingliang monasteries". Studies in Chinese Religions. 5 (3–4): 353–376.
- ^ Tuttle, Gray (2006). 'Tibetan Buddhism at Ri bo rtse lnga/Wutai shan in Modern Times.' Journal of the International Association of Tibetan Studies, no. 2 (August 2006): 1-35.
- ^ Forêt, Philippe; Kaplony, Andreas (2011). The Journey of Maps and Images on the Silk Road. Brill. p. 2.
- ^ Branigan, Tania (2008-03-13). "Mountain residents bulldozed out of government's world heritage vision" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-09-05.
- ^ Chung, Dan; Branigan, Tania; Branigan, Dan Chung/Tania; Guardian, Source: (2008-03-13). "Down from the mountain" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-09-05.Manutenzjoni CS1: punteġġjatura żejda (link)
- ^ "山西五台山机场正式通航-新华网". www.xinhuanet.com. Miġbur 2024-09-05.
- ^ "2020年中外避暑名山排行榜(全榜单)-排行榜-中商情报网". top.askci.com. Miġbur 2024-09-05.
- ^ "山西20处最美地质遗迹公布". sx.people.com.cn. Miġbur 2024-09-05.
- ^ . China Meteorological Administration http://data.cma.cn/data/weatherBk.html. Parametru mhux magħruf
|script-title=
injorat (għajnuna); Parametru mhux magħruf|access-date=
injorat (għajnuna); Parametru mhux magħruf|language=
injorat (għajnuna); Parametru mhux magħruf|publisher=
injorat (forsi ridt tuża|pubblikatur=
minflok) (għajnuna);|title=
nieqes jew vojt (għajnuna)