Moskea l-Kbira u Sptar ta' Divriği

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Moskea l-Kbira u l-Isptar ta' Divriği

Il-Moskea l-Kbira u Sptar ta' Divriği (bit-Tork: Divriği Ulu Cami ve Darüşşifası) huma kumpless ta' moskea u ta' sptar li nbena fl-1228-1229 mid-dinastija lokali tal-Mengujekidi fir-raħal Anatoljan żgħir ta' Divriği, issa fil-Provinċja ta' Sivas, it-Turkija.[1] Il-kumpless jinsab fil-parti ta' fuq tar-raħal, taħt iċ-ċittadella. It-tinqix mill-isbaħ fil-ġebel u l-arkitettura eklettika tal-kumpless ipoġġuh fost l-iżjed xogħlijiet importanti tal-arkitettura fl-Anatolja[2] u wasslu biex jitniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1985.[3]

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Sfond[immodifika | immodifika s-sors]

Il-portal

Il-belt ta' Divriği ġiet stabbilita fis-seklu 9 taħt il-Biżantini, iżda wara t-telfa tal-Biżantini fil-Battalja ta' Manzikert fl-1071, il-belt ġiet okkupata minn tribujiet Torok li insedjaw ruħhom fir-reġjun.[4] F'dan il-perjodu, ir-reġjun tal-Anatolja ġie mmexxi minn diversi beylik kompetituri mmexxija mid-dinastiji Torok lokali u ta' nisel mid-dinastija Seljuk. Fis-seklu 12 il-Mengujekidi jew id-dinastija Mengücek ikkontrollaw lil Divriği u bliet oħra fil-qrib bħal Erzincan. Matul l-istess seklu, wara l-mewt tal-emir İshak, id-dinastija nqasmet f'żewġ fergħat, b'waħda tmexxi minn Divriği u bl-oħra tmexxi minn Erzincan. Il-Mengujekidi kienu relatati biż-żwieġ mas-Seljuk ta' Konya u rrikonoxxewhom bħala l-protetturi u l-alleati tagħhom meta s-Sultanat ta' Rum, immexxi minn Konya, kien fl-eqqel tal-poter tiegħu.[5]

Il-mexxejja Mengücek kienu patruni kbar tal-arti, tax-xjenza, u tal-letteratura. L-istoriku tal-arti Doğan Kuban jargumenta li din taf tkun ir-raġuni għaliex grupp ta' artisti eċċezzjonali, meħtieġa għall-kostruzzjoni tal-moskea u tal-isptar, kienu preżenti fil-belt dak iż-żmien. Huwa jinnota wkoll li l-ambjent kulturali f'din il-parti tad-dinja kienet ferm varjata u dinamika matul dan il-perjodu. Diversi gruppi ta' artiġjani u ħaddiema tas-sengħa x'aktarx li vvjaġġaw fir-reġjun u ċċaqilqu minn patrun għall-ieħor, u b'hekk wasslu għal stil eklettiku ta' arkitettura li kien jirrifletti influwenzi minn postijiet differenti u ta' tradizzjonijiet differenti.

Stabbiliment[immodifika | immodifika s-sors]

Il-kumpless minn angolu ieħor

Il-portal tat-Tramuntana tal-moskea għandu tinqixa tad-data tal-ekwivalenti tal-1228-1229 u tal-isem il-patrun tagħha Ahmadshāh bin Sulaymān, li huwa wieħed mill-mexxejja tal-fergħa ta' Divriği tal-Mengujekidi. Il-kitba fuq il-portal tal-isptar tiddeskrivi l-binja bħala dār al-shifā' ("dar tal-fejqan") u tindika l-istabbiliment tagħha bis-saħħa ta' Tūrān Malik bint Fakhr al-Dīn Bahramshāh. Fakhr al-Dīn Bahramshāh huwa l-iżjed mexxej Mengujekid magħruf li dam jirrenja f'Erzincan għal kważi sittin sena sa mewtu fl-1225. Għalkemm spiss jingħad li Ahmadshāh u Tūrān Malik kienu miżżewġin, effettivament ma hemm l-ebda evidenza, la bħala kitba u lanqas b'mod ieħor, li turi relazzjoni bi żwieġ bejn dawn iż-żewġ membri tal-familja rjali estiża tal-Mengujekidi.[6]

L-isem tal-arkitett ewlieni huwa miktub fuq ġewwa kemm tal-moskea kif ukoll tal-isptar u ġie interpretat bħala Khurramshāh bin Mughīth al-Khilātī. L-isem jindika l-oriġini tiegħu fil-belt ta' Ahlat, magħrufa fis-sors Medjevali bħala al-Khilāt.[6]

Restawr[immodifika | immodifika s-sors]

It-tinqix mirqum tal-portal tal-Punent tal-moskea

Skont il-kitbiet, il-kumpless ġie rrestawrat b'mod sinifikanti diversi drabi bejn is-sekli 15 u 19. Iktar xogħol ta' restawr twettaq fis-seklu 20 biex jagħmel tajjeb għad-deterjorament tal-materjali u l-problemi strutturali. Fl-2010 ġie deċiż proċess ieħor kbir ta' restawr. Wara diversi snin ta' tħejjija, ix-xogħol ta' restawr beda fl-2015 bl-ewwel sejħa għall-offerti. Il-proġett twaqqaf ħesrem u reġa' tkompla fl-2017, iżda reġa' twaqqaf mill-ġdid fl-2019 minħabba raġunijiet finanzjarji, minkejja li bosta stadji tal-proċess kienu diġà tlestew sa dak iż-żmien. Sejħa ġdid għall-offerti saret fl-2021 u fi Frar 2022 ix-xogħol tkompla fuq l-aħħar stadji tal-proċess ta' restawr.[7][8]

Arkitettura[immodifika | immodifika s-sors]

Il-kumpless jikkonsisti minn moskea maġenb sptar u dawn il-binjiet jikkondividu ħajt tal-qibla fin-Nofsinhar. Mehmuż mal-isptar hemm mawżolew.[2]

Moskea[immodifika | immodifika s-sors]

Minn barra[immodifika | immodifika s-sors]

Il-portal tat-Tramuntana tal-moskea

Id-daħla prinċipali għall-moskea tinsab fuq in-naħa tat-Tramuntana u fiha portal twil rinomat għall-kwalità u għad-densità tat-tinqix tal-ġebel ta' riljiev għoli. Daħla fuq in-naħa tal-Punent jaf saret f'data iktar tard peress li din il-faċċata tal-moskea kienet iġġarfet u ġiet rikostruwita iktar 'il quddiem meta ssaħħet ukoll b'riffieda tondi fuq il-kantuniera tal-Majjistral tagħha. It-tielet daħla għall-moskea tinsab fil-faċċata tal-Lvant. Din id-daħla jidher li ntużat bħala daħla rjali li kienet tagħti aċċess għall-pjattaforma olzata tal-injam fir-rokna tax-Xlokk fuq ġewwa tal-moskea, irriżervata għall-mexxej u għal dawk ta' madwaru.[5]

It-tinqixa famuża tal-ajkla b'żewġt irjus

Minn ġewwa[immodifika | immodifika s-sors]

Fuq ġewwa l-moskea tikkonsisti minn pilastri tal-ġebel li jirfdu l-volti tal-ġebel ta' fuqhom. L-ispazju ċentrali tal-moskea jidher li kien tħalla miftuħ beraħ b'ħarsa lejn is-smewwiet bħalma hu l-każ f'moskej Medjevali oħra tal-Anatolja li ma kellhomx btieħi interni msaqqfa. Ftit mill-għamara oriġinali tal-injam tal-moskea għadu preżenti mal-ħajt tal-qibla, bħall-persjani tal-fetħa tat-twieqi tal-kompartiment tal-oqbra fi ħdan l-isptar u l-minbar tal-injam tiegħu li jmur lura għall-1243 u li ġie ffirmat mill-ħaddiem tas-sengħa Ibrahīm bin Ahmad al-Tiflīsī. Uħud mill-panewijiet imnaqqxa tal-injam li jingħad li kienu parti mill-pjattaforma rjali llum il-ġurnata jintwerew fil-mużew tad-Direttorat tal-Wirt Sagru f'Ankara.[5]

Sptar[immodifika | immodifika s-sors]

Wieħed jaċċessa l-isptar mill-portal tiegħu li jinsab fil-faċċata tal-Punent u huwa differenti fid-disinn mill-portal tat-Tramuntana tal-moskea. Il-portal tal-isptar għandu gwarniċ bi ħnejja ppuntata monumentali u fih tieqa fin-nofs tiegħu. It-tinqix fil-ġebel hawnhekk huwa tal-istess kwalità bħal tal-portal prinċipali tal-moskea iżda b'inqas densità u f'ċerti postijiet jidher li ma tlestiex għalkollox. Fuq ġewwa, l-isptar jikkonsisti minn kmamar u iwan madwar bitħa msaqqfa b'vaska żgħira fin-nofs. L-isptar għandu t-tieni sular fuq in-naħa tan-Nofsinhar tiegħu li wieħed jasal għalih minn taraġ eżatt wara d-daħla. Waħda mill-kmamar tal-isptar kienet tintuża bħala kompartiment tal-oqbra dinastiċi. Dan il-kompartiment għandu tieqa li tagħti għall-moskea.[6]

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Il-funtana fiċ-ċentru tas-sala tal-isptar

Il-Moskea l-Kbira u l-Isptar ta' Divriği ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1985.[3]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[3]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "Great Mosque and Hospital of Divrigi". web.archive.org. 2006-02-26. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2006-02-26. Miġbur 2022-03-24.
  2. ^ a b Kuban, Doğan (2001). The Miracle of Divriği: An Essay on the Art of Islamic Ornamentation in Seljuk Times. Istanbul: YKY. ISBN 975080290X.
  3. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Great Mosque and Hospital of Divriği". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-24.
  4. ^ M. Bloom, Jonathan; S. Blair, Sheila, eds. (2009). "Divriği". The Grove Encyclopedia of Islamic Art and Architecture. Oxford University Press. ISBN 9780195309911.
  5. ^ a b ċ Kuban, Doğan (2001). The Miracle of Divriği: An Essay on the Art of Islamic Ornamentation in Seljuk Times. Istanbul: YKY. ISBN 975080290X. pp. 27-32.
  6. ^ a b ċ Pancaroğlu, Oya (2009). "The Mosque-Hospital Complex in Divriği: A History of Relations and Transitions". Anadolu ve Çevresinde Ortaçağ. Ankara: AKVAD. 3: 169–98.
  7. ^ DHA, DAILY SABAH WITH (2022-02-28). "Turkey's dazzling Divriği Mosque shakes its dust cloud". Daily Sabah (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-24.
  8. ^ "Unfinished restoration process of iconic site to continue - Turkey News". Hürriyet Daily News (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-24.