Aqbeż għall-kontentut

Mons. Victor Grech

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Mons. Victor Grech
Ħajja
Twelid Bormla, 1929 (94/95 sena)
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni saċerdot

Monsinjur Victor Grech (1929) kien Direttur tal-Caritas Malta.

Twieled Bormla. Huwa ggradwa mill-Università ta’ Malta u wara li kien ordnat saċerdot huwa serva ta’ Viċi-Rettur u Rettur fis-Seminarju. Fl-istess ħin huwa kien Direttur Nazzjonali għall-Vokazzjonijiet. Huwa ġie mogħti l-visitorship tal-British Council. Kien ukoll Lettur-Viżitatur fil-Fakultà tat-Teoloġija u Lettur ta’ suġġetti reliġjużi u soċjali fil-Mater Admirabilis Teachers’ Training College. Huwa għin biex titwaqqaf l-ewwel komunità ta’ saċerdoti Maltin fil-Brażil u kkollabora ma’ Monsinjur Delleport fit-twaqqif tal-European Seminary f’Maastricht.

Fl-1977, inħatar Delegat tal-Arċisqof għall-ħidma soċjali u karitattiva fil-Knisja. Ftit wara, sar Direttur tal-Caritas Malta u introduċa s-servizzi soċjali professjonali fl-istituzzjonijiet tal-Knisja. Huwa waqqaf ukoll l-Aġenzija Caritas u l-komunità ta’ voluntieri mħarrġa biex jappoġġjaw is-servizzi.

Grech kellu missjoni ċara li jiġġieled il-faqar u jippromwovi l-iżvilupp uman u l-ġustizzja soċjali, waqt li jassigura li d-drittijiet fundamentali u d-dinjita ta’ kull persuna jkunu rispettati u salvagwardjati. Bil-ħidma tiegħu, Mons Grech biddel il-mod kif is-soċjeta tirtatta kwistjonijiet relatati mad-droga, l-alkoħol, il-faqar u l-inġustizzja soċjali. B’ħidmietu, ta xiehda tat-tifsira vera tal-ispirtu ta' solidarjeta u l-ħidma volontarja, kemm fuq livell lokali u anki fl-Ewropa.

Fl-1984, Monsinjur Grech waqqaf il-Proġetti tal-Caritas għall-Prevenzjoni u r-Riabilitazzjoni mid-Droga u fl-1985 waqqaf l-ewwel Komunità Terapewtika għal dawk li jabbużaw mid-droga f’Malta, ta bidu għall-ewwel Xelter residenzjali għall-irġiel kif ukoll għan-nisa, u fetaħ Dar għar-riabilitazzjoni tal-Priġunieri bi problemi ta’ droga. Monsinjur Grech kien il-Fundatur u l-ewwel Ċermen tal-Fondazzjoni tal-Caritas għar-Riabilitazzjoni tad-Drogati.

Għal 50 Sena huwa ttrażmetta fuq ir-radju programmi ta’ natura soċjali, għaż-żgħażagħ u għal familja.

Onorofiċenzi

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1968, Monsinjur Grech ġie nominat bħala Kappillan tal-Papa Pawlu VI, u fl-1981 inħatar Prelat Onorarju tal-Papa Ġwanni Pawlu II. Fl-1990, huwa sar Kanonku tal-Kapitlu tal-Katidral.

Fl-1993, b’riżultat tax-xogħol siewi tiegħu fil-qasam soċjali u karitattiv, Monsinjur Grech ġie nnominat Membru tal-Ordni Nazzjonali tal-Meritu tar-Repubblika ta’ Malta.

Fl-2012 ingħata l-Premju Ċittadin Ewropew, li għalih kien innominat mill-EwroParlamentari Maltin Louis Grech u Dr Simon Busuttil.

Fl-2013 sar Uffiċjal tal-Ordni Nazzjonali tal-Meritu tar-Repubblika ta’ Malta b’rikonoxximent tal-kontribut eċċezzjonali li ta għall-ġid tal-poplu Malti, speċjalment matul il-ħafna snin li mexxa l-Caritas Malta b’dedikazzjoni u impenn mal-batut u l-imwarrab fis-soċjetà.