Aqbeż għall-kontentut

Monasteru ta' Haghpat

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Monasteru ta' Haghpat.

Il-Monasteru ta' Haghpat, magħruf ukoll bħala Haghpatavank (bl-Armen: Հաղպատավանք), huwa kumpless ta' monasteru Medjevali f'Haghpat, l-Armenja, li nbena bejn is-sekli 10 u 13.[1]

Il-pożizzjoni tal-Monasteru ta' Haghpat intgħażlet sabiex ikun iħares lejn ix-xmara Debed fir-reġjun ta' Lori fit-Tramuntana tal-Armenja. Inbena, mhux fuq quċċata, iżda nofs triq fuq għolja f'sit magħżul biex ikun għall-kenn u mistur min-nies, kif ukoll bħala rispons għal speċi ta' umiltà monastika. Inbena fuq promontorju bil-veġetazzjoni li jinsab nofs triq fuq ix-xaqliba ta' għolja, li spiss tkun fis-sħab. Quċċata fuq in-naħa opposta tax-xmara hija għolja 2,500 metru. Il-monasteri tat-Tramuntana tal-Armenja mhumiex iżolati, għad-differenza tal-kontropartijiet tagħhom fir-reġjuni aridi tal-pajjiż. Dawn inbnew f'ambjent ta' villaġġ u l-Monasteru ta' Haghpat huwa mdawwar b'bosta villaġġi.

Storja u deskrizzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]
Pjanta tal-Monasteru ta' Haghpat.

Il-monasteru ġie stabbilit mir-Reġina Khosrovanuysh, il-mara tar-re Bagratid Ashot III, x'aktarx fid-976.[2] Il-Monasteru ta' Sanahin fil-qrib inbena bejn wieħed u ieħor fl-istess żmien.

Katidral ta' Surb Nshan

[immodifika | immodifika s-sors]

L-ikbar knisja fil-kumpless, il-Katidral ta' Surb Nshan, li x'aktarx beda jinbena fid-976, tlesta fid-991 mir-re Smbat. Huwa eżempju tipiku tal-arkitettura Armena tas-seklu 10. Il-koppla ċentrali tiegħu hija mirfuda minn erba' pilastri imponenti tal-ħitan laterali. Il-ħitan ta' barra fihom daħliet triangolari żgħar. Affresk fl-apsida juri lil Kristu Pantokrator. Id-donatur tal-katidral, il-Prinċep Armen Khutulukhaga, jidher fit-transett tan-Nofsinhar (navata trasversali li tiltaqa' man-navata prinċipali).[3] L-ulied subien tal-fundatur tal-knisja, il-Prinċpijiet Smbat u Kurike, jidhru flimkien mar-Reġina Khosravanuysh f'bassoriljiev fin-naħa tal-Lvant tas-saqaf forfċi. Apparti xi restawr minuri li twettaq fis-sekli 11 u 12, il-knisja żammet il-karattru oriġinali tagħha.[4]

Strutturi oħra

[immodifika | immodifika s-sors]
Mappa taż-żona tal-Monasteri ta' Haghpat u ta' Sanahin.

Hemm diversi strutturi oħra fis-sit ukoll. Hemm il-Knisja ta' Sourb Grigor (San Girgor) b'koppla żgħira tal-1005. Żewġ kappelli laterali żdiedu mal-knisja oriġinali; l-ikbar waħda nbniet fil-bidu tas-seklu 13, u l-iżgħar waħda, magħrufa bħala d-"Dar ta' Hamazas", inbniet fl-1257. Fl-1245 inbena kampnar waħdu ta' tliet sulari. Żidiet oħra tas-seklu 13 jinkludu l-Kappella ta' Sourb Astvatsatsin, librerija u skrittorju (li iktar 'il quddiem ġie kkonvertit f'maħżen), u refettorju kbir, li jinsab 'il barra mil-limiti tal-monasteru.[5]

Barra minn hekk, hemm ukoll għadd ta' khachkar (ħaġriet b'għamla ta' salib) mill-isbaħ tas-sekli 11-13 li jinsabu fit-territorju tal-monasteru; l-iżjed waħda magħrufa fosthom tissejjaħ il-khachkar ta' "Amenaprkich" (tas-Salvatur ta' Kollox) li ilha hemmhekk mill-1273.[5]

Fl-1260, Prosh Khaghbakian, flimkien mas-suzerains Zakaridi Armeni tiegħu Avag u Shahnshah,[6] mexxa forza kbira ta' Georgiani u ta' Armeni biex jappoġġaw forza ferm iżgħar ta' truppi Mongoli ta' Hulegu fl-Assedju ta' Mayyāfāriqīn (Diyarbakır), li kienet difiża mill-aħħar mexxej Ajjubid tagħha Al-Kamil Muhammad.[7][8] Il-Prinċep Armen Sevata ta' Kachen inqatel fil-kunflitt. Meta l-belt inħatfet wara assedju ta' sentejn, il-Musulmani ġew immassakrati, iżda l-Kristjani ffrankawha.[9] Ir-relikwi Kristjani nġabru u ttieħdu lura lejn l-Armenja, b'mod partikolari lejn il-Monasteru ta' Haghpat, li ngħata l-id tal-Appostlu San Bartilmew.[10]

Ħsarat tul iż-żminijiet

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-monasteru ġarrab bosta ħsarat tul iż-żminijiet. Għall-ħabta tal-1130, terremot qered partijiet mill-Monasteru ta' Haghpat u ma ġiex irrestawrat qabel xi ħamsin sena wara. Barra minn hekk, il-monasteru ġarrab bosta attakki mill-forzi armati fil-bosta sekli tal-eżistenza tiegħu u ġarrab ħsarat ukoll minn terremot qawwi fl-1988. Minkejja dan, il-maġġoranza tal-kumpless għadha intatta u l-monasteru għadu jeżisti mingħajr alterazzjonijiet sostanzjali.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Monasteru ta' Haghpat flimkien mal-Monasteru ta' Sanahin ġew deskritti bħala "kapulavuri tal-arkitettura reliġjuża u ċentru ewlieni tat-tagħlim fil-Medju Evu", u b'hekk ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996.[1] Il-Monasteri ta' Haghpat u ta' Sanahin tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO billi:

Iż-żewġ kumplessi monastiċi jirrappreżentaw l-epitoma tal-arkitettura reliġjuża Armena, bi stil uniku żviluppat mit-taħlit tal-elementi ekkleżjastiċi Biżantini u tal-arkitettura vernakolari tradizzjonali tar-reġjun tal-Kawkasu.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

  1. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Monasteries of Haghpat and Sanahin". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-04-11.
  2. ^ Haghbat, p. 534-535, in "Armenian Art", Donabedian, Patrick; Thierry, Jean-Michel. New York: 1989, Harry N. Abrams, Inc. ISBN 978-0810906259.
  3. ^ Hakobyan, Zaruhi A. (2021). "The Frescoes of the Haghpat Monastery in the Historical-Confessional Context of the 13th Century". Actual Problems of Theory and History of Art. 11: 265.
  4. ^ Nersessian, Sirarpie Der (1970). The Armenians. Praeger Publishers. p. 202.
  5. ^ a b "Haghpat". freenet.am. Miġbur 2024-04-11.
  6. ^ Eastmond, Antony (2017). Tamta's World: The Life and Encounters of a Medieval Noblewoman from the Middle East to Mongolia. Cambridge University Press. p. 373.
  7. ^ Sicker, Martin (30 June 2000). The Islamic World in Ascendancy: From the Arab Conquests to the Siege of Vienna. Bloomsbury Publishing USA. pp. 111–112. ISBN 978-0-313-00111-6.
  8. ^ Dashdondog, Bai︠a︡rsaĭkhan (2011). The Mongols and the Armenians (1220-1335). Leiden; Boston: Brill. pp. 133-134. ISBN 978-90-04-18635-4.
  9. ^ Grousset, René (1970). The empire of the steppes; a history of central Asia (in engfre). New Brunswick, N.J., Rutgers University Press. pp. 360–361. ISBN 978-0-8135-0627-2.
  10. ^ Eastmond, Antony (1 January 2017). Tamta's World: The Life and Encounters of a Medieval Noblewoman from the Middle East to Mongolia. Cambridge University Press. p. 374.