Mohamed Bouazizi
Mohamed Bouazizi | |
---|---|
Ħajja | |
Isem propju | Tarek el-Tayeb Mohamed Bouaziziu طارق الطيب محمد البوعزيزي |
Twelid | Sidi Bouzid (en) , 29 Marzu 1984 |
Nazzjonalità | Tuneżija |
Mewt | Ben Arous (en) , 4 Jannar 2011 |
Post tad-dfin | Sidi Bouzid Governorate (en) |
Kawża tal-mewt | suwiċidju (self-immolation (en) ) |
Edukazzjoni | |
Lingwi | Għarbi Tuneżin |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni | bejjiegħ tat-triq |
Premjijiet |
List
|
Dan l-artiklu għandu bżonn jiġi wikifikat biex jaqbel mal-istandard tal-Wikipedija. B'mod partikolari, dan l-artiklu huwa nieqes minn referenzi għal sorsi esterni li jivverifikaw il-fatti u perspettivi dwar is-suġġett. Jekk jogħġbok għin biex ittejjeb dan l-artiklu skont il-konvenzjonijiet tal-Wikipedija. |
Tarek el-Tayyib Mohamed Ben Bouazizi (bl-Għarbi: محمد البوعزيزي; Sidi Bouzid, 29 ta' Marzu 1984 – Ben Arous, 4 ta' Jannar 2011), magħruf sempliċement bħala Mohamed Bouazizi, kien bejjiegħ tal-ħaxix Tuneżin li fis-17 ta' Diċembru 2010 ta n-nar lilu nnifsu wara li sofra inġustizzja mill-pulizija. Fi ftit jiem sar magħruf mad-dinja kollha u meqjus bħala s-simbolu tar-rivoluzzjoni li seħħet f'ħafna pajjiżi Għarab, l-aktar dawk fl-Afrika ta' Fuq.
Tfulija
[immodifika | immodifika s-sors]Mohamed Bouaziz, magħruf f'daru bħala Basboosa (Beżbuża), twieled fid-29 ta' Marzu, 1984, f'Sidi Bouzid, it-Tuneżija. Missieru, bennej, miet b'attakk f'qalbu meta Tarek kien għad kellu biss tliet snin. Xi żmien wara, ommu Manoubia żżewġet lil ħu missieru, imma saħħet zijuh ma tantx kienet tajba u peress li ma setax imur għax-xogħol b'mod regolari, Tarek ta' għaxar snin kellu jibda joħroġ jaħdem biex ikun jista' jgħin lil ommu u lis-sitt ħutu. Għamel diversi xogħlijiet iżda x-xewqa tiegħu kienet minn dejjem li jiggradwa. Dan xtaqu kemm għalih kif ukoll għal ħutu l-oħra iżda l-qagħda ħażina tal-familja tiegħu ġegħlitu, ta' dsatax-il sena, jħalli l-iskola żgħira fejn kien jattendi f'Sidi Salah biex ikun jista' jaħdem full-time.
Xogħol u inġustizzja
[immodifika | immodifika s-sors]Iżda f'Sidi Bouzid, belt f'nofs it-Tuneżija, il-korruzzjoni u l-qgħad huma problema kbira. F'belt ta' kważi erbgħin elf ruħ, 30% tal-ħaddiema huma bla xogħol. Iż-żagħżugħ applika għal diversi xogħlijiet, fosthom mal-armata, imma dejjem sab il-bibien magħluqin. Għalhekk iddeċieda li jibda jbigħ il-ħaxix u l-frott fit-toroq fejn kien jaqla' mal-mitt ewro fix-xahar. Minnhom kien jgħajjex il-familja u jħallas għall-miżata ta' oħtu li bdiet tattendi l-università. Kellu ukoll xewqa li jixtri vann li jkun jista' jdur ibigħ bih.
Iżda xi uffiċjali tal-pulizija korrotti ma ħallewx bi kwietu. Sa minn meta kien għadu żgħir il-pulizija kienu jaqbdu miegħu. Mhux l-ewwel darba li kkonfiskawlu l-ħxejjex tiegħu għax kienu jgħidulu li ma kellux permess ibigħ. Iżda l-verità hi li Tarek ma kellux imnejn ixaħħam lill-pulizija biex iħalluh ibigħ fit-toroq.
Il-ħruq u l-mewt
[immodifika | immodifika s-sors]Nhar is-17 ta' Diċembru 2010, Tarek iddejjen madwar €150 biex ikun jista' jixtri xi prodotti ħalli jbigħhom, iżda hekk kif rama l-karretta, il-pulizija kkonfiskawlu l-prodotti. Pulizija mara tatu daqqa ta' ħarta, beżqitlu, ikkonfiskatlu l-miżien, qalbitlu l-ħaxix u l-frott u offendietlu lil missieru mejjet. Pulizija oħra li kienu magħhom komplew jgħajruh u jsawtuh.
Iż-żagħżugħ, umiljat u mbikki rħielha lejn l-uffiċċju tal-gvernatur lokali biex jipprotesta għal dan l-aġir abbużiv tal-pulizija. Il-gvernatur irrifjuta li jiltaqa' miegħu u hawn Tarek ma felaħx iktar ibati inġustizzji u qallu: "Jekk ma taranix, naħraq lili nnifsi." Siegħa biss wara li ġara l-abbuż tal-pulizija, Tarek iddisprat mar xtara landa petrol u ta n-nar lilu nnifsu quddiem l-istess bini tal-gvern. Lil ommu għall-ewwel qalulha li kien iddaħħal l-isptar għax marad. Meta saret taf verament x'ġara taha ħass ħażin. "Veru kien kuntent dakinhar", irrakkuntat ommu iżjed tard, "ma kienx jorqod ħafna minħabba x-xogħol imma kien kuntent. Jum qabel kien mar jixtri l-affarijiet u filgħodu ħareġ biex ibigħhom". Kienet l-aħħar darba li ratu ħaj u b'saħħtu. "Aħna nies fqar f'Sidi Bouzid. M'għandniex flus imma għandna d-dinjità tagħna u d-dinjità ħaduhielu b'daqqa ta' ħarta u kliem mhux xieraq."
Iż-żagħżugħ ittieħed għall-kura fiċ-ċentru mediku ta' Sidi Bouzid, imma l-ħruq tiegħu tant kien gravi li ttieħed lejn l-isptar ta' Sfax li jinsab sebgħin mil bogħod. Minn hemm kien trasferit għar-raħal ta' Ben Arous, fejn ġimgħatejn wara mar jarah il-President Tuneżin Ben Ali.
Tmintax-il jum wara l-inċident, jiġifieri fl-4 ta' Jannar 2011, iż-żagħżugħ miet kawża tal-ħruq estensiv li sofra.
Funeral u inkjesta
[immodifika | immodifika s-sors]Għall-funeral tiegħu huwa stmat attendew iktar minn 5,000 ruħ fejn il-pulizija ma ħallietx lin-nies jgħaddu mill-post fejn Tarek ta n-nar lilu nnifsu. Waqt il-marċ bit-tebut lejn il-qabar, bosta nstemgħu jaħilfu li kienu se jpattuha lil dawk li wasslu għall-mewt tiegħu.
Biex itaffi r-rabja tal-poplu, il-gvern Tuneżin fetaħ inkjesta dwar x'wassal liż-żagħżugħ biex jagħti n-nar lilu nnifsu. Dan wara li qraba tal-vittma allegaw li waħda mill-pulizija, Faida Hamdi, tatu daqqa ta' ħarta, beżqitlu, ikkonfiskatlu l-miżien, qalbitlu l-ħaxix u l-frott u offendietlu lil missieru. Madanakollu, ħu Hamdi ċaħad li oħtu jew xi pulizija oħra ttrattawh ħażin u sostna li kulma għamlu kienu li ħadulu l-affarijiet. Hamdi spiċċat kienet arrestata f'żewġ okkażjonijiet, l-ewwel wara ż-żjara tal-President Tuneżin fl-isptar u t-tieni wara laqgħa li l-istess President kellu ma' omm u waħda minn ħut Tarek. Madanakollu, inħelset u ħuha qal li Hamdi nżammet mill-awtoritajiet biex jipproteġuha u mhux biss jinvestigawha.
Protesti
[immodifika | immodifika s-sors]Il-protesti kontra l-gvern li bdew f'Sidi Bouzid malajr infirxu fl-irħula l-oħra sakemm waslu anke f'Tuneż. Ir-rabja tal-poplu tant kienet kbira li fl-14 ta' Jannar il-President Ben Ali ħarab mal-familja tiegħu, wara 23 sena jmexxi l-pajjiż. Floku daħlet tmexxija ġdida imma ħafna ċittadini baqgħu jħossuhom injorati.
Meta Tarek ta n-nar lilu nnifsu huwa mhux biss firex il-protesti f'pajjiżi oħra, ewlenin fosthom l-Eġittu u l-Libja, imma anke wassal biex persuni oħra spiċċaw għamlu bħalu. Fl-Alġerija, ċertu Mohsen Bouterfif ukoll ta n-nar lilu nnifsu wara li laqgħa li kellu ma' sindku fit-13 ta' Jannar 2011 ma wasslitux biex isib impjieg u dar fejn jgħix. Fl-Eġittu, Abdou Abdel-Meneim Jaafar ukoll ta n-nar lilu nnifsu quddiem il-Parlament. U fl-Għarabja Sawdita, raġel ta' 65 sena miet wara li wkoll ta n-nar lilu nnifsu. Dan it-tip ta' aġir wasal ukoll fl-Ewropa fejn fil-11 ta' Frar 2011 Noureddine Adnane, bejjiegħ Marokkin tal-monti, ta n-nar lilu nnifsu f'Palermo wara li kellu l-oġġetti tiegħu konfiskati mill-pulizija. Missier ta' tliet itfal, Adnane miet l-għada kawża tal-ġrieħi li sofra.
Il-mod kif Tarek ta n-nar lilu nnifsu fakkar lil ħafna f'Jan Palach. Palach kien student d'dik li kienet iċ-Ċekoslovakkja li fl-1968 ħaraq lilu nnifsu biex jipprotesta kontra t-tmexxija komunista tal-pajjiż li snin wara nqasam fi tnejn, ir-Repubblika Ċeka u s-Slovakkja. Fil-fatt Tarek qiegħed jitqies bħala l-"Palach Għarbi".
Minn meta miet ritratt tiegħu twaħħal mal-monument tal-mużajk li hemm barra l-uffiċċju fejn ta n-nar lilu nnifsu u d-data ta' meta ġara dan l-inċident tpinġiet biż-żebgħa fuq divesi ħitan. Familjari u ħbieb tiegħu jiftakruh bħala bniedem sempliċi li ma kellux ħin biex isegwi l-futbol u l-mużika, li kien iħobb il-familja u li ried jiżżewweġ. Oħtu Basma ta' 16-il sena tgħid li mindu miet, il-familja spiċċat qisha ġisem bla ruħ. "Kien bniedem ġeneruż. Meta ġieli kien jirrabja miegħi, wara kien jiġi u jitlobni naħfirlu. Fil-ħin ħieles kien joqgħod id-dar mal-familja u l-ħolma tiegħu kienet li jarana mmorru l-università".