Minjiera tar-Ram ta' Falun
Il-Minjiera tar-Ram ta' Falun (bl-Iżvediż: Falu Gruva) kienet minjiera f'Falun, l-Iżvezja, li tħaddmet għal millenju mis-seklu 10 sal-1992.[1] Il-minjiera pproduċiet saħansitra żewġ terzi tal-ħtieġa ta' ram tal-Ewropa u għenet biex tiffinanzja ħafna mill-gwerer tal-Iżvezja fis-seklu 17. L-iżviluppi teknoloġiċi fil-minjiera kellhom influwenza enormi fuq ix-xogħol fil-minjieri globalment għal żewġ sekli.[2] Il-minjiera issa hija mużew u fl-2001 ġiet imniżżla fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Ma hemm l-ebda rendikont bil-miktub li jistabbilixxi eżattament meta bdew l-operazzjonijiet tax-xogħol fil-minjieri f'Falun. L-istudji arkeoloġiċi u ġeoloġiċi jindikaw, b'nuqqas ta' ċertezza konsiderevoli, li l-operazzjonijiet tax-xogħol fil-minjieri bdew f'xi żmien għall-ħabta tas-sena 1000. L-ebda attività sinifikanti ma kienet għadha nbdiet qabel it-850, iżda l-minjiera żgur kienet qed taħdem sal-1080. Instabu oġġetti mis-seklu 10 li fihom ir-ram mill-minjiera. Fil-bidu, l-operazzjonijiet kienu fuq skala żgħira, u l-bdiewa lokali kienu jiġbru l-metalli grezzi, idewbuhom, u jużawhom għall-ħtiġijiet tal-metall għall-unitajiet domestiċi.[4]
Għall-ħabta ta' Magnus III, ir-re tal-Iżvezja mill-1275 sal-1290, l-operazzjonijiet tax-xogħol fil-minjieri bdew isir b'mod iktar professjonali. In-nies nobbli u l-merkanti barranin minn Lübeck, il-Ġermanja, ħadu post il-bdiewa lokali. Il-merkanti ttrasportaw u biegħu r-ram fl-Ewropa iżda influwenzaw ukoll l-operazzjonijiet u żviluppaw il-metodi u t-teknoloġija li kienu jintużaw għax-xogħol fil-minjieri. L-ewwel dokument bil-miktub dwar il-Minjiera tar-Ram ta' Falun huwa tal-1288; fih hemm iddokumentat li bi tpartit għal proprjetà residenzjali, l-Isqof ta' Västerås kiseb sehem ta' 12.5 % fil-minjiera.[5]
Sa nofs is-seklu 14, il-minjiera kienet kibret u saret riżorsa nazzjonali vitali, tant li parti kbira mid-dħul għall-istat Żvediż fis-sekli ta' wara wasal mill-minjiera. Ir-re ta' dak iż-żmien, Magnus IV, żar iż-żona tal-minjiera personalment u fassal karta għall-operazzjonijiet tax-xogħol fil-minjieri, sabiex jiġi żgurat l-interess finanzjarju tas-sovran.[6]
Metodi
[immodifika | immodifika s-sors]Il-metodu prinċipali ta' estrazzjoni tar-ram kien li l-blat jissaħħan permezz ta' ħuġġiġiet kbar tan-nar magħrufa bħala konfigurazzjoni tan-nar. Meta l-blat kien jibred, kien isir dgħajjef u jixxaqqaq, u b'hekk l-għodod manwali bħall-ifilsa u mazez kienu jkunu biżżejjed. Wara l-metall grezz kien jiġi ttrasportat 'il barra mill-minjiera u kien ikun inkaljat biex jitnaqqas il-kontenut tal-kubrit fil-fran industrijali fil-beraħ. Id-duħħan oħxon velenuż li kien jifforma minn dan il-proċess kien karatteristika distintiva taż-żona ta' Falun għal sekli sħaħ. Wara l-inkaljar, il-metall grezz kien jiddewweb; u r-riżultat aħħari kien ikun materjal rikk fir-ram. Iċ-ċiklu tal-inkaljar u tat-tidwib kien jiġi ripetut diversi drabi sa ma jiġi prodott ir-ram grezz. Dan kien ikun l-output finali mill-minjiera; imbagħad kien ikun hemm raffinar ulterjuri fir-raffineriji tar-ram f'inħawi oħra. Dan il-proċess baqa' jintuża mingħar ebda bidla sinifikanti għal seba' sekli, sal-aħħar tas-seklu 19.[7] X'aktarx li l-metodi u t-teknoloġija għall-konfigurazzjoni tan-nar u għad-drenaġġ ġew importati mill-minjieri Ġermaniżi, bħal dawk fil-muntanji ta' Harz.[8]
Minaturi ħielsa
[immodifika | immodifika s-sors]L-istruttura organizzattiva tal-Minjiera tar-Ram ta' Falun maħluqa skont il-karta tal-1347 kienet avvanzata għal dak iż-żmien. Il-minaturi ħielsa kellhom is-sjieda ta' ishma tal-operat, li kien proporzjonati għas-sjieda tagħhom tal-inġenji tat-tidwib tar-ram. L-istruttura kienet il-prekursur tal-kumpaniji moderni b'ishma konġunti, u Stora Enso, is-suċċessur modern tal-kumpanija l-antika tax-xogħol fil-minjieri, sikwit tissemma bħala l-iktar kumpanija antika b'ishma konġunti li għadha operattiva fid-dinja.[2]
Era tad-deheb
[immodifika | immodifika s-sors]Fis-seklu 17, il-kapaċità tal-produzzjoni laħqet il-qofol tagħha. Matul dak iż-żmien, l-output mill-minjiera kien jintuża biex jiġu ffinanzjati diversi gwerer tal-Iżvezja matul l-era meta kellha setgħa kbira. Il-Kunsill Privat tal-Iżvezja rrefera għall-minjiera bħala t-teżor u l-ġebla tax-xewka tan-nazzjon. Il-qofol tal-produzzjoni massima ntlaħaq fl-1650, meta ġew prodotti iżjed minn 3,000 tunnellata ta' ram.[1]
Ix-xogħol fil-minjieri fil-muntanja ta' Falun kien ilu għaddej għal kważi nofs millenju sal-aħħar tal-era tad-deheb tal-minjiera. Il-produzzjoni kienet intensifikat fid-deċennji preċedenti, u sal-1687 il-blat kien mimli b'passaġġi żigużajg li jagħtu għal bosta xaftijiet, tant li ċ-ċedimenti kienu pjuttost komuni. Saru sforzi kbar biex jiġu prodotti mapep tal-minjiera biex dak li jkun ikun jaf kif jista' jinnaviga, iżda la kien hemm xi organizzazzjoni kumplessiva u lanqas xi stima tas-saħħa tal-muntanja. Fis-sajf tal-1687, b'mod regolari kien jinstemgħu ħsejjes kbar jidwu mill-muntanja. Lejliet nofs is-sajf ta' dik is-sena, il-ħajt diviżorju bejn il-fosos prinċipali u l-pedamenti ċeda, u parti sinifikanti mill-minjiera kkrollat. Dan seta' faċilment sarraf fi straġi kbira, fejn kienu jinqatlu u jinqabdu taħt l-art mijiet ta' ħaddiema tal-minjiera, li kieku dan ma seħħx lejliet nofs is-sajf, wieħed miż-żewġ jiem tas-sena (flimkien mal-Milied) meta l-minaturi ma kinux jaħdmu.[9]
Ħajja ta' kuljum fil-minjiera
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-aħħar tal-jum kienu jitqabbdu ħuġġiġiet tan-nar biex il-metall grezz jissaħħan u kienu jitħallew jaqbdu mal-lejl kollu. L-għada filgħodu, in-nirien kienu jintfew u l-metall grezz kien jiġi mkisser bil-mod il-mod. B'hekk, il-minaturi setgħu javvanzaw xi metru (tliet piedi) fix-xahar. Il-minaturi li kienu jieħdu ħsieb in-nirien u li kienu jkissru l-blat kienu dawk li kien ikollhom l-aqwa ħiliet u l-aqwa pagi. Kienu jintużaw karretti bl-idejn biex jiġi ttrasportat il-metall grezz 'il barra mill-minjiera, b'ċirkwit uman ta' madwar 20 metru (70 pied) b'diversi timijiet li kienu jaħdmu fuq distanzi twal. Dan ix-xogħol is-soltu kien jiġi assenjat lill-ħaddiema ġodda biex juru xi jsarrfu. Ix-xogħol kien iebes u l-minjieri kienu postijiet sħan ħafna minħabba n-nirien kostanti. Barra minn hekk, il-minaturi kienu klijenti tajbin tal-istabbilimenti lokali tax-xorb, tant li kienet meqjusa bħala xi ħaġa normali li l-minaturi jkunu fis-sakra.[10]
Carl Linnaeus żar il-minjiera u fassal deskrizzjoni ċara tal-ħajja tal-minaturi. Huwa ddeskriva li l-minaturi kienu jixxabbtu permezz ta' slielem fraġli u l-għaraq tagħhom kien igelgel minn ġisimhom bħal "ilma minn banju". Huwa żied li: "Il-Minjiera ta' Falun hija waħda mill-għeġubijiet il-kbar tal-Iżvezja iżda hija orribbli daqs l-infern innifsu". Id-deskrizzjoni ta' Linnaeus tal-ambjent li fih kienu jaħdmu l-minaturi kienet din li ġejja: "Il-ħaddiema kienu ċċirkondati bin-nugrufun u d-dlam. Kullimkien kien mimli ġebel, żrar, kubrit korrożiv, qtar, duħħan, irwejjaħ, sħana u trab".[11]
Impatt ekonomiku
[immodifika | immodifika s-sors]Fis-seklu 17 l-Iżvezja kellha monopolju virtwali fuq ir-ram. L-uniku pajjiż ieħor b'output tar-ram komparabbli kien il-Ġappun, iżda l-importazzjonijiet Ewropej mill-Ġappun kienu insinifikanti. Fl-1690, Erik Odhelius, metallurgu prominenti, intbagħat mir-re biex jistħarreġ is-suq Ewropew tal-metall. Għalkemm il-produzzjoni tar-ram kienet diġà qabdet it-triq tan-niżla fiż-żmien meta ħejja r-rapport tiegħu, xi ħaġa li Odhelius ma qagħadx jaħbi, huwa ddikjara, "Għall-produzzjoni tar-ram, l-Iżvezja dejjem kienet qisha omm, u għalkemm f'ħafna postijiet fl-Ewropa u lil hinn xi ram jiġi estratt, lanqas ix-xita fejn in-nida ma jirrappreżenta ħdejn l-abbundanza tar-ram mill-Iżvezja".[12]
Madankollu, skont l-istandards moderni, l-output ma kienx kbir. Il-qofol tal-produzzjoni bil-kemm kienet tilħaq it-3,000 tunnellata ta' ram fis-sena, u kienet niżlet għal inqas minn 2,000 tunnellata fl-1665; bejn l-1710 u l-1720 bil-kemm kienet tilħaq l-1,000 tunnellata fis-sena. Il-produzzjoni dinjija attwali tar-ram hija 18.3-il miljun tunnellata fis-sena; Chuquicamata, minjiera tar-ram moderna fiċ-Ċilì, żammet output annwali li jisboq il-500,000 tunnellata għal deċennji sħaħ.[13]
Storja moderna
[immodifika | immodifika s-sors]Il-produzzjoni tar-ram majnat matul is-seklu 18, u l-kumpanija tax-xogħol fil-minjieri bdiet twettaq id-diversifikazzjoni. Bdiet tissupplimenta l-estrazzjoni tar-ram bil-produzzjoni tal-ħadid u tal-injam. Il-produzzjoni taż-żebgħa ħamra falu ikonika bdiet ġmielha. Fis-seklu 19, il-prodotti tal-ħadid u forestali komplew jikbru fl-importanza tagħhom. Fl-1881 ġie skopert id-deheb fil-Minjiera tar-Ram ta' Falun, u dan irriżulta f'ferneżija ta' tfittxija għad-deheb għal żmien qasir. Eventwalment ġie prodott total ta' ħames tunnellati ta' deheb biss.[2]
Sal-aħħar tas-seklu 20, il-minjiera ma baqgħetx vijabbli ekonomikament. Fit-8 ta' Diċembru 1992, l-aħħar tir ġie sparat fil-minjiera, u x-xogħol kummerċjali kollu fil-minjieri waqaf ħesrem. Illum is-sjieda tal-minjiera hija f'idejn il-fondazzjoni Stora Kopparberget li tieħu ħsieb il-mużew u ż-żjarat turistiċi.[1]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Minjiera tar-Ram ta' Falun fi ħdan iż-Żona tax-Xogħol fil-Minjieri tal-Muntanja l-Kbira tar-Ram f'Falun ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2001. Apparti l-minjiera tar-ram, is-sit jinkludi r-raħal ta' Falun, inkluż id-djar tas-seklu 17 tal-minaturi, iż-żoni residenzjali, u l-Bergsmansbygden, żona usa' li l-minaturi ħielsa insedjaw u fejn bnew proprjetajiet li kienu jirriflettu l-ġid finanzjarju li kellhom.[3]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[3]
Mużew
[immodifika | immodifika s-sors]Il-mużew jilqa' madwar 100,000 viżitatur fis-sena. Fih wirja dwar l-istorja tax-xogħol fil-minjieri fil-Minjiera tar-Ram ta' Falun tul is-sekli; inkluż il-produzzjoni tal-minerali, il-mudelli tal-makkinarju, l-għodod, u n-nies li kienu jaħdmu fil-minjieri. Hemm ukoll kollezzjoni kbira ta' ritratti, mis-seklu 17, ta' nies notevoli fil-minjiera.[1]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ d "Falu Gruva - Upptäck tusen år av historia". Falu Gruva (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-01.
- ^ a b ċ ICOMOS. "Mining Area of the Great Copper Mountain in Falun - Advisory Body Evaluation" (PDF). p. 2.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Mining Area of the Great Copper Mountain in Falun". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-01.
- ^ Rydberg, Sven (1979). Stora Kopparberg - 1000 years of an industrial activity. Gullers International AB. ISBN 91-85228-52-4. pp. 9-11.
- ^ Rydberg, Sven (1979). Stora Kopparberg - 1000 years of an industrial activity. Gullers International AB. ISBN 91-85228-52-4. p. 12.
- ^ Rydberg, Sven (1979). Stora Kopparberg - 1000 years of an industrial activity. Gullers International AB. ISBN 91-85228-52-4. p. 13.
- ^ Rydberg, Sven (1979). Stora Kopparberg - 1000 years of an industrial activity. Gullers International AB. ISBN 91-85228-52-4. p. 14.
- ^ ICOMOS. "Mining Area of the Great Copper Mountain in Falun - Advisory Body Evaluation" (PDF). p. 1.
- ^ Rydberg, Sven (1979). Stora Kopparberg - 1000 years of an industrial activity. Gullers International AB. ISBN 91-85228-52-4. p. 44.
- ^ Rydberg, Sven (1979). Stora Kopparberg - 1000 years of an industrial activity. Gullers International AB. ISBN 91-85228-52-4. p. 43-44.
- ^ Kjellin, Margareta; Ericson, Nina (1999). Genuine Falun Red. Stockholm: Prisma. ISBN 91-518-4371-4. p. 124.
- ^ Heckscher, Eli Filip (1954). An economic history of Sweden, Volume 95. Harvard University Press. ISBN 0-674-22800-6. p. 87.
- ^ Mineral Commodity Summaries (2015). "Copper" (PDF).