Martri tal-Korea
Il-Martri tal-Korea kienu vittmi ta' persekuzzjoni kontra l-Insara fis-seklu 19 fil-Korea. Huwa maħsub li mill-inqas 10,000 Nisrani nqatlu f'din il-persekuzzjoni, 103 minnhom ġew iddikjarati qaddisin en masse fl-1984.
Bidu uniku tar-Reliġjon Nisranija
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Knisja Koreana għandha l-karatteristika forsi unika, li twaqqfet u kienet sostnuta mil-lajċi; infatti fil-bidu tas-seklu 17 il-fidi Nisranija bdiet fil-Korea permezz ta' delegazzjonijiet KOreani li kull sena kienu jmorru Peking fiċ-Ċina, u hemm ġew f'kuntatt mal-Kristjaneżmu, ħadu lura f'pajjiżhom il-ktieb tal-missjunarju Kattoliku l-ġiżwita Matteo Ricci “Id-duttrina vera ta' Alla”; u Lee Byeok lajk u ħassieb kbir, ispirat minn dal-ktieb, waqqaf l-ewwel komunità Nisranija, li kienet attiva ħafna.
Għall-ħabta tal-1780, Lee Byeok talab lil ħabib Lee-sunghoon, li kien sejjer iċ-Ċina, biex jitgħammed u lura miegħu jġib kotba reliġjużi biex japprofondixxu l-fidi ġdida tagħhom.
Fir-rebbiegħa tal-1784 ħabibu ġie lura mgħammed bl-isem ta' Pietru, u lill-komunità ta impuls qawwi; il-grupp organizza ruħu b'ġerarkija differenti. Kif saru jafu li dan ma setgħux jagħmluh, huma talbu lill-isqof Ċiniż biex jibgħatilhom minnufih saċerdoti; u minnufih dan bagħtilhom lill-qassis Chu-mun-mo, u l-Insara bdew jikbru bl-eluf.
Persekuzzjonijiet
[immodifika | immodifika s-sors]Iżda sa mill-1785 faqqgħet persekuzzjoni kontra l-Insara, li ħraxet biż-żmien tant li fl-1801 anki l-uniku qassis inqatel, imma dan ma waqqafx il-komunità Koreana milli tkompli tikber.
Fl-1802 ir-Re ħareġ editt tal-Istat, li fih saħansitra ordna l-qerda tal-Insara. Weħidhom u mingħajr gwida spiritwali, l-Insara Koreani talbu bil-ħerqa liċ-Ċiniżi u lill-Papa biex jibgħatilhom is-saċerdoti; imma dan sar possibbli biss fl-1837, meta ntbagħtu isqof u żewġ saċerdoti mill-Missjonijiet ta' Pariġi; li billi daħlu klandestinament inqatlu sentejn wara.
Andrea Kim Taegon, irnexxielu jdaħħal isqof u saċerdote. Fl-1866 seħħet l-eħrex persekuzzjoni; imma fl-1882 il-gvern iddikjara l-libertà reliġjuża.
Uħud mill-martri
[immodifika | immodifika s-sors]Ta' min isemmi b'mod speċjali lil Andrija Kim Taegon, l-ewwel saċerdot Korean li wara li tefgħuh il-ħabs qatluh bil-qtugħ tar-ras, u Pawlu Hasang li kien appostlu lajk ta' qlubija kbira. Flimkien ma' San Andrija u San Pawl ġew kanonizzati 101 martri oħra fosthom kien hemm iż-żagħżugħ Peter Yu ta' 17–il sena u Mark Chong ta' 72 sena.
Kien hemm ukoll tliet isqfijiet u seba' saċerdoti mis-Soċjeta' tal-Missjonijiet Esteri ta' Pariġi, fosthom Monsinjur Imbert li kien l-ewwel Isqof li ppriedka l-kelma ta' Alla fil-Korea.
Huwa maħsub li b'kollox inqatlu 10,000 martri, li minnhom 103 ġew iddikjarati beati f'żewġ gruppi distinti fl-1925 u fl-1968. Minn dawn 10 biss kienu barranin, 3 isqfijiet, u 7 saċerdoti, u l-oħrajn kollha Koreani, katekisti u lajċi, irġiel u nisa, miżżewġin u mhumiex, xjuħ, żgħażagħ u tfal, għonja u foqra. Dawn il-103 martri tal-Korea ġew iddikjarati qaddisin mill-Papa Ġwanni Pawlu II, waqt quddiesa li ċċelebra fis-6 ta' Mejju 1984, f'Misraħ Youido, f'Seoul, quddiem folla ta' iktar minn nofs miljun ruħ, meta kien qed jagħmel il-pellegrinaġġ appostoliku tiegħu fil-Korea.