Macbeth

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
Lady Macbeth f'pittura ta' George Cattermole

Macbeth huwa dramm ta' William Shakespeare li jitratta reġiċidju (qtil ta' re) u x'ġara wara. Hija l-iqsar traġedja ta' Shakespeare u hu maħsub li nkitbet f'xi żmien bejn l-1603 u l-1607.

L-għejjun għall-ġrajja kif rakkuntata minn Shakespeare kienu l-ġrajjiet tar-Re Macbeth tal-Iskozja, Macduff, u Duncan fil-Holinshed's Chronicles (1587), storja tal-Ingilterra, Skozja u l-Irlanda familjari għal Shakespeare u għan-nies ta' żmienu. Madankollu l-ġrajja ta' Macbeth kif trattata minn Shakespeare ftit li xejn għandha x'taqsam mal-ġrajjiet storiċi tal-Iskozja, għax fil-verità Macbeth kien re maħbub u ta' ħila.

Fid-dinja ta' wara l-kwinti tat-teatru, xi uħud jemmnu li dan id-dramm hu misħut, u ma jsemmux it-titlu tiegħu b'vuċi għolja, imma minflok jirreferu għalih bħala "id-dramm Skoċċiż". Tul is-sekli, id-dramm ġibed fost l-aqwa atturi tad-dinja għall-partijiet ta' Macbeth u Lady Macbeth. Ġie addattat bħala film, għat-televixin, opra, rumanzi, komiks, u media oħra.

Sinopsi[editja]

L-ewwel att jiftaħ qalb il-beraq u s-sajjetti bit-Tlett Isħaħar jiddeċiedu li l-laqgħa tagħhom li kien imiss kellha tkun ma' Macbeth. Suldat ferut jirraporta lir-Re Duncan tal-Iskozja li l-ġenerali tiegħu — Macbeth, Thane ta' Glamis, u Banquo — kienu għadhom kemm rebħu lin-Norveġja u lill-Irlanda, immexxijin mit-traditur Macdonwald. Macbeth, qarib tar-Re, jiġi mfaħħar għall-kuraġġ u għall-ħila militari.

Macbeth u Banquo jiddiskutu t-temp u r-rebħa li għamlu ("So foul and fair a day I have not seen"). It-Tlett Isħaħar isellmulhom bil-profeziji. Lil Macbeth, l-ewwel saħħara tindirizzah bħala "Thane of Glamis," it-tieni bħala "Thane of Cawdor," u t-tielet tħabbarlu li se jkun "Re minn hawn 'l hemm." Macbeth jissumma, u Banquo jisfidahom. Lil Banquo jgħidulu li hu missier ta' nisel ta' rejiet, għalkemm hu nnifsu qatt mhu se jkun re. Kif is-sħaħar jisparixxu, jasal messaġġier tar-Re li jgħarraf lil Macbeth bit-titlu ġdid li tah ir-Re: Thane of Cawdor. Hekk Macbeth jibda mill-ewwel jixxennaq li jsir re.

Macbeth jikteb lil martu fuq il-profeziji tas-sħaħar. Meta Duncan jiddeċiedi li joqgħod fil-kastell ta' Macbeth f'Inverness, Lady Macbeth taħdem pjan kif toqtlu u tassigura t-tron lil żewġha. Għalkemm Macbeth ma jkunx ċert, Lady Macbeth tikkonvinċih jimxi fuq il-pjan tagħha, meta tisfidalu l-virilità tiegħu.

Fil-lejl taż-żjara tar-Re, Macbeth joqtol lil Duncan. Macbeth ikun tant imriegħed li Lady Macbeth ikollha tieħu hi r-riedni. Tagħmel frame-up fuq il-qaddejja ta' Duncan li kienu reqdin billi qegħditilhom is-sjuf bid-demm. L-għada filgħodu jaslu Lennox, nobbli Skoċċiż, u Macduff, Thane of Fife. Macbeth iwassalhom fil-kamra tar-re, fejn Macduff isib il-kadavru ta' Duncan. F'dagħdigħa ta' rabja falza, Macbeth joqtol lill-gwardji qabel dawn setgħu jistqarru l-innoċenza tagħhom. Macduff mill-ewwel jissuspetta f'Macbeth, imma ma jgħid xejn. Ulied Duncan jaħarbu, Malcolm l-Ingilterra u Donalbain l-Irlanda. Il-ħarba tagħhom tagħmilhom suspettati u Macbeth jassumi t-tron bħala r-Re ġdid tal-Iskozja, billi kien qarib ir-re mejjet.

Macbeth jibqa' mħasseb fuq il-profezija ta' Banquo, u allura Macbeth jistiednu għal ikla u jħallas żewġ qattiela biex joqtlu lilu u lil ibnu Fleance. Lil Banquo joqtluh, imma Fleance jaħrab. Fl-ikla, l-ispirtu ta' Banquo joqgħod bil-qiegħda fil-post ta' Macbeth. Macbeth biss seta' jarah; il-mistidnin jinfixlu quddiem Macbeth jagħmel xenata quddiem siġġu vojt, sakemm Lady Macbeth tordnalhom jitilqu, għax skont hi żewġha kien ibati minn kundizzjoni ereditarja li ma kinitx perikoluża.

Macbeth jerġa' jżur lit-Tliet Sħaħar. Jagħmlulu tliet profeziji oħra: "ibża' Macduff," "ħadd imwieled minn mara mhu ħa jweġġa' 'l Macbeth" u "qatt ma jkun megħlub sakemm il-masġar ta' Great Birnam Wood għall-għolja ta' Dunsinane Hill jiġi kontrieh". Billi Macduff kien eżiljat l-Ingilterra, Macbeth jassumi li hu sikur; joqtol lil kull min kien hemm fil-kastell Macduff anke lil martu u lil uliedu żgħar.

Lady Macbeth tinfena bil-ħtija tad-delitti li għamlu hi u żewġha. Ituha l-ħmar il-lejl u tipprova taħsel tbajja' tad-demm immaġinarji minn idejha, il-ħin kollu titkellem fuq l-affarijiet terribbli li kienet taf.

Macduff jiġi mgħarraf li "l-kastell ġie attakkat f'daqqa; mara u wlied/imbiċċra b'mos selvaġġ." Macbeth, issa meqjus bħala tirann, ħafna minn niesu ħallewh. Malcolm imexxi armata, flimkien ma' Macduff u Siward (the Elder), Earl of Northumberland, kontra Dunsinane Castle. Meta kienu kkampjati f'Birnam Wood, is-suldati jiġu ordnati jaqtgħu u jġorru l-friegħi tas-siġar biex jaħbu n-numru tagħhom u hekk titwettaq it-tielet profezija tas-sħaħar. Macbeth jagħmel il-famuż monologu "Għada, u għada, u għada" kif jisma' bil-mewt ta' Lady Macbeth (probabilment suwiċidju għax Malcolm jgħid fuqha "maħsub li b'ruħha nfisha u jdejn vjolenti/ Temmet ħajjitha").

Il-battalja tilħaq il-quċċata tagħha bil-qtil taż-żagħżugħ Siward u l-konfrontazzjoni bejn Macduff u Macbeth. Macbeth jiftaħar li m'għandux minn xiex jibża' minn Macduff, għax ma jistax jinqatel "minn ebda bniedem imwieled minn mara". Macduff jgħidlu li hu kien "minn ġuf ommu/mqaċċat qabel il-waqt" (i.e., twieled b'ċesarja) u ma kienx "imwieled minn mara" (eżempju ta' sofiżma letterarja). Macduff jaqta' ras Macbeth u hekk titwettaq l-aħħar profezija.

Għalkemm Malcolm, u mhux Fleance, jieħu t-tron, il-profezija tas-sħaħar lil Banquo ("Ħa jitwildulek rejiet") kienet magħrufa li kienet vera għall-udjenza ta' żmien Shakespeare: James VI tal-Iskozja(iktar tard James I tal-Ingilterra) kien meqjus bħala dixxindent ta' Banquo.

Temi Ewlenin[editja]

L-Ambizzjoni u l-Poter[editja]

It-tema ewlenija ta' Macbeth — il-qerda li ġġib l-ambizzjoni meta ma tkunx imrażżna mill-morali — toħroġ bl-akbar qawwa fiż-żewġ karattri ewlenin. Macbeth huwa ġeneral Skoċċiż qalbieni li mhuwiex inklinat normalment għall-ħażen, iżda jixtieq wisq il-poter. Joqtol lil Duncan imbagħad jinħakem mill-ħtija u mill-paranoia. Fl-aħħar jispiċċa f'ġenn iddisprat u mimli ftaħir fieragħ. Lady Macbeth, tasal għal dak li trid b'iktar determinazzjoni iżda mbagħad ma tiflaħx għar-riperkussjonijiet tal-għemil immorali tagħha. L-ambizzjoni twassalhom iwettqu attroċitajiet dejjem iktar terribbli. Meta wieħed jiddeċiedi li jibda juża l-vjolenza biex jieħu l-poter, ikun diffiċli jieqaf. Dejjem hemm theddid potenzjal għat-tron — Banquo, Fleance, Macduff — u l-użu tal-vjolenza biex wieħed jeħles minnhom jibqa' tentazzjoni attraenti.

Ir-Relazzjoni bejn il-Krudeltà u l-Virilità (Maskulinità)[editja]

Lady Macbeth timmanipula lil żewġha billi tiddubita l-viriltà tiegħu, tixtieq li hi nnifsiha tkun “bla sess,” u Macbeth jgħidilha li mara bħalha għandha twelled biss subien. Bl-istess mod kif Lady Macbeth iġġiegħel lil żewġha joqtol, Macbeth jipprovoka lill-assassini biex joqtlu lil Banquo billi jisfida l-viriltà tagħhom. Għat-tnejn li huma, il-maskulinità tfisser aggressjoni pura, u kull meta jitkellmu fuq irġulija, mill-ewwel tasal il-vjolenza. Ma jfissirx li n-nisa mhumiex ukoll għajn ta' ħażen u vjolenza. Il-profeziji tas-sħaħar jixegħlu l-ambizzjonijiet ta' Macbeth u jħeġġu l-imġiba vjolenti tiegħu; Lady Macbeth hija l-moħħ tal-kumplott; u l-unika alla fl-istorja hija Ekate, l-alla mara tas-seħer. Macbeth jara l-għerq tal-ħażen u tal-kaos fin-nisa. L-aggressività fil-karattri nisa timpressjonak iktar għax ma tistennihiex minnhom. Lady Macbeth hija eżempju ta' kemm il-mara taf tkun ambizzjuża u krudili daqs ir-raġel. Finalment fid-dramm insibu definizzjoni riveduta ta' rġulija. Fix-xena fejn Macduff bil-qtil ta' martu u uliedu, Malcolm jikkunslah billi jgħidlu jieħu l-aħbar bl-"irġulija”, jiġifieri billi jara kif jagħmel vendetta minn Macbeth. Macduff jurih li għandu idea żbaljata ta' rġulija. Għall-kliem ta' Malcolm, "Iddiskutiha bħala raġel"[1], Macduff iwieġbu, "nagħmel hekk. Imma rrid inħossha bħala raġel"[2]. Lejn l-aħħar, Siward jieħu l-aħbar tal-mewt ta' ibnu b'mod pjuttost sodisfatt. Malcolm jgħidlu: "Jistħoqqlu iżjed niket [milli inti wrejt] / U jien ħa naħli fuqu"[3]. Il-kumment ta' Malcolm juri li tgħallem il-lezzjoni li tah Macduff fuq in-natura sensittiva tal-vera rġulija. Juri ukoll, li bl-inkoronazzjoni ta' Malcolm, l-ordni se jiġi rinstrawrat fis-Saltna tal-Iskozja.

Ir-Re jew it-Tirann[editja]

Duncan dejjem jissejjaħ ir-re, “king,” filwaqt li Macbeth malajr jibda jissejjaħ it-tirann, “tyrant.” Id-differenza bejn it-tnejn toħroġ l-iktar f'Att 4, xena 3, meta Macduff jiltaqa' ma' Malcolm, l-Ingilterra. Biex jittestja l-lealtà ta' Macduff lejn l-Iskozja, Malcolm jgħidlu li hu se jkun re agħar minn Macbeth. Lil Macduff isemmilu l-kwalitajiet negattivi tiegħu bħall-għatx għall-poter personali u t-temperament vjolenti, żewġ karatteristiċi li kellu ukoll Macbeth. Mill-banda l-oħra, Malcolm jgħid, "L-attribwiti li jixirqu r-re /(huma) ġustizzja, verità, temperanza, stabbiltà / Ġenerożità,perseveranza, ħniena, (u) umiltà"[4]. Ir-re eżemplari jagħti ordni u ġustizzja lis-saltna, iżda wkoll komfort u mħabba. Taħtu, in-nies jiġu ppremjati skont il-merti tagħhom, bħal meta Duncan jaħtar lil Macbeth Thane of Cawdor wara li dan rebaħ lill-invażuri. L-iktar importanti, ir-Re jrid ikun leali lejn l-Iskozja qabel l-interessi tiegħu. Macbeth iġib biss kaos fl-Iskozja, simbolizzat mit-temp ikrah u fenomeni strambi soprnaturali, u ma jġib l-ebda vera ġustizzja, iżda biss assassinji kapriċċużi ta' dawk li jara bħala theddida. Irid jiġi megħlub minn Malcolm biex l-Iskozja jerġa' jkollha mill-ġdid re tassew.

Noti[editja]

  1. ^ Dispute it like a man
  2. ^ I shall do so. But I must also feel it as a man.
  3. ^ He’s worth more sorrow [than you have expressed] / And that I’ll spend for him.
  4. ^ The king-becoming graces / [are] justice, verity, temperance, stableness, / Bounty, perseverance, mercy, [and] lowliness”