Lorenzo Attard

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Jump to navigation Jump to search

Lorenzo Attard (Il-Birgu, 1897 - 1964) iddistingwa ruħu għall-azzjonijiet kuraġġużi li wettaq sabiex jikseb ikel u fjuwil fiż-żmien tal-gwerra meta Malta kien hemm il-ġuħ.

Eroiżmu[immodifika | immodifika s-sors]

Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, Malta kellha bżonn kbir tal-provvisti tal-ikel u l-fjuwil u tnediet Operation Pedestal bl-intenzjoni li tikseb dawn il-provvisti fi żmien meta gżiritna kienet taħt assedju. Konvojs kellhom jgħaddu mill-Port il-Kbir akkost ta’ kollox, speċjalment biex iwasslu l-fjuwil, li twassal permezz tat-tanker Ohio.

Dak iż-żmien l-użanza kienet li l-bdoti Maltin imexxu lill-vapuri fil-port, iżda minħabba attakki ma jaqtgħu xejn, l-Ammiraljat kien talab lill-Kaptan biex hu nnifsu jmexxi l-vapur ġewwa l-Port. Madankollu din id-darba, l-Ammirall iddeċieda li bdot Malti għandu jerfa’ din ir-responsabbiltà.

Lorenzo Attard, b’kuraġġ kbir, offra li jieħu dan ir-riskju għad li kien jaf li t-tanker kien mimli fjuwil b’riskju kbir ta’ splużjoni jekk ikun hemm attakk ieħor. Waqt li familtu kienu qed jagħmlu minn kollox biex jipperswaduh ħalli jibdel il-ħsieb tiegħu, Attard irħiela lejn il-Port u rnexxa fil-missjoni tiegħu.

Lorenzo Attard ikkontribwixxa bil-kbir sabiex ġew salvati l-provvisti tal-qamħ, fjuwil u ikel ieħor li kien qed jiġi trasportat mill-Ohio. Dan sewa sabiex jiżdied il-moral tal-Maltin u reġgħet iġġedded fihom ir-rieda li jissieltu għal ħajjithom.