Aqbeż għall-kontentut

Lino Agius

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Lino Agius
Ħajja
Twelid Tas-Sliema, 18 Awwissu 1945 (79 sena)
Nazzjonalità Malta
Edukazzjoni
Alma mater Università ta' Malta
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni avukat
imħallef
Sħubija International Criminal Tribunal for the former Yugoslavia (en) Translate
International Residual Mechanism for Criminal Tribunals (en) Translate

Carmel (Lino) Agius (Sliema, 18 ta' Awwissu 1945) huwa Imħallef Malti.

Bin Anthony u Josephine mwielda Buttigieg, huwa ħa l-edukazzjoni tiegħu fis-Seminarju (1955-1960) u fil-Liċeo (1960-1962). Fl-1965 ġab il-Baċellerat tal-Arti mill-Università ta' Malta. Fl-1968 sar nutar, u s-sena ta' wara avukat bit-teżi "The Quantum of Damages in Injury Claims". Kien President tal-Kunsill tal-Istudenti.

Għal 7 snin prattika ta' avukat f'kawżi ċivili u kummerċjali.

Fl-1971, ħareġ kandidat għall-Elezzjonijiet Ġenerali f'isem il-Partit Laburista imma ma kienx elett. Sal-1973, kien konsulent legali tat-Times of Malta u reporter mill-Parlament. Fis-snin sebgħin kien ukoll konsulent legali tal-Bank of Valletta.

Maġistrat u Mħallef

[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-25 ta' Mejju 1977 nħatar Maġistrat.

Fit-12 ta' Mejju 1982, huwa nħatar Imħallef. Ħadem fil-Qorti tal-Appell u fil-Qorti Kostituzzjonali ta’ Malta u serva bħala Aġent-Prim Imħallef f’diversi okkażjonijiet.

Huwa rtira bl-età minn imħallef f’Malta fl-2010.

Ħidma Internazzjonali

[immodifika | immodifika s-sors]

Bejn l-1999 u l-2008 huwa kien ukoll Membru tal-Qorti Permanenti tal-Arbitraġġ f’The Hague.

Fl-1998, huwa kien viċi-kap tad-delegazzjoni Maltija fil-Kungress Internazzjonali ta’ Ruma li wassal għall-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC) li matulu ħa parti attiva fin-negozjati u anki iffirma d-Dokument Finali tal-Kungress għan-nom ta’ Malta.

L-Imħallef Agius kien ukoll ir-rappreżentant tal-Ġudikatura Maltija fil-Kunsill Ċentrali tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Imħallfin.

Fit-Tribunal Kriminali Internazzjonali tal-Ġnus Magħquda għall-Ex-Jugoslavja

[immodifika | immodifika s-sors]

L-Imħallef Agius serva fil-Kamra tal-Appelli tat-Tribunal Kriminali Internazzjonali tal-Ġnus Magħquda għall-ex-Jugoslavja (ICTY) kif ukoll tat-Tribunal Internazzjonali tal-Ġnus Magħquda għar-Rwanda (ICTR). Huwa ġie elett l-ewwel darba bħala Imħallef Permanenti tal-ICTY fl-2001 mill-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda u ġie ri-elett fl-2004.

Bejn l-2003 u l-2010 huwa serva bħala President ta’ Trial Chamber II tal-ICTY u f'dan il-perjodu huwa ppresjieda uħud mill-iktar proċessi importanti tat-Tribunal inkluż il-każ "Popovic et al" li kien jittratta dwar il-ġenoċidju ta’ Srebrenica li seħħ fl-1995 u li fih kien hemm seba’ akkużati. Fl-2010 huwa beda jservi fil-Kamra tal-Appelli taż-żewġ Tribunali.

Mill-2003, l-Imħallef Agius serva bħala President tar-Rules Committee tal-ICTY u kien ukoll membru tal-Bureau tal-President tat-Tribunal. Agius ikkoordina u ġab fit-tmiem il-kumpilazzjoni tar-Regolamenti ta’ Provi u Proċedura tar-Residual Mechanism li mbagħad ġew mgħoddija lill-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda biex imbagħad jiġu approvati mill-imħallfin tal-istess Residual Mechanism li huwa l-korp li ssuċċeda lit-Tribunal.

Fid-19 ta' Ottubru 2011, waqt seduta straordinarja plenarja tal-imħallfin tat-Tribunal Kriminali Internazzjonali tal-Ġnus Magħquda għall-eks-Jugoslavja (ICTY) f’The Hague, l-Imħallef Agius ġie elett unaniment bħala Viċi-President tat-Tribunal għal perijodu ta’ sentejn b’effett mis-17 ta’ Novembru 2011. Din kienet l-ewwel darba li Imħallef Malti ġie elett bħala Viċi-President ta’ qorti jew tribunal tal-Ġnus Magħquda. Fl-2012, kien Agius li sema’ l-appell ta’ Ratko Mladic li nstab ħati b’ġenoċidju u reati marbutin mal-gwerra. Fl-2013, Agius reġa' ġie ikkonfermat.

Fis-17 ta’ Novembru 2015, Agius ġie elett b’akklamazzjoni bħala President tat-Tribunal ICTY għal perijodu ta’ sentejn. L-Imħallef Agius kien l-ewwel imħallef Malta li qatt ġie elett bħala President ta’ qorti jew tribunal internazzjonali.

Fit-30 ta' Ġunju 2018, Agius inħatar president tat-tribunal internazzjonali tan-Nazzjonijiet Magħquda, imsejjaħ International Residual Mechanism for Criminal Tribunals.Is-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda ħatar lil Agius wara li saru għadd ta’ konsultazzjonijiet bejn il-15-il membru tal-Kunsill tas-Sigurtà u din il-ħatra tidħol fis-seħħ mid-19 ta’ Jannar 2019 u tibqa' sat-30 ta’ Ġunju 2020.

Fl-2015, l-Imħallef Agius kien ingħata Ġieħ ir-Repubblika.