Lingwa Awżiljari Internazzjonali

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa

Lingwa Awżiljari Internazzjonali magħrufa ukoll bħala Lingwa Awżiljari (fil-qosor IAL), hija lingwa maħluqa għall-komunikazzjoni bejn nies ta' nazzjonijiet differenti li m'għandhomx l-istess lingwa, biex tiġi mitkelma bħala t-tieni lingwa ta' għajnuna komunikattiva internazzjonali. Għalkemm idea antika ħafna, l-IAL tqieset għall l-ewwel darba fuq bażi teoretika serja mil-Lingwisti Edward Sapir u Otto Jespersen fil-bidu tas seklu li għadda. B'mod speċjali, il-ħsibijiet ta' Sapir għadhom siewja sa llum. L-argumenti tal-filosofija konstruttivista ikomplu jsaħħu dawn il-ħsibijiet. Dan l-artiklu jagħmel emfasi fuq ir-rwol tal-krejattività konxja fil-lingwa. Fl-istess waqt irid jingħadd li, minħabba il-kumplessità tal-Lingwa, il-lingwisti saru joqgħodu ħafna aktar attenti li ma jagħmlux dikjarazzjonijiet daqshekk ġenerali. Fil-fatt ħafna kliem użat hawn huwa problematiku, per eżempju, għadd mhemmx definizjoni ċara fuq x'inhi "sempliċità" u "loġika" fil-lingwa (ara Evalwazzjoni).

L-ewwel parti ta' dan L-artiklu jittratta l-bażi teoretika. It-tieni parti (għad irid jitlesta), jagħti lista ta' lingwi artifiċjali li sostnu statut ta' IAL.

Bażi teoretika[immodifika | immodifika s-sors]

Relattivita' lingwistika - il-lingwa u il-ħsieb[immodifika | immodifika s-sors]

Skond Sapir, il-lingwa hija il-kapaċità mentali li tordna u tistruttura, l-ammont kbir ta' esperjenzi li ngħaddu minhom kif ukoll il-kapaċità li ssawwar il-kunċetti u tagħtihom forma konkreta f'tifsir. Fil-qosor: il-lingwa hija l-kapaċità mentali li tagħmel possibbli il-ħsieb. Din l-idea għandha il-bidu tagħha fil-filosofija ta' Wilhelm von Humboldt: Il-Lingwa hija l-organu li jsawwar il-ħsieb (f'Salus 1969:190)[1]. Fil-fatt, l-idea għandha similaritajiet kbar mal-prinċipji tar-relattività lingwistika, li jsostnu relazzjoni intima bejn il-kategoriji lingwistiċi u l-ħsieb fuq il-livell ta' kull lingwa (Drechsel 1988:233). Individwi jaħsbu fl-istrutturi, jiġifieri, fil-grammatika tal-lingwa tagħhom. Din ir-relazzjoni bejn il-lingwa u l-ħsieb dwar il-fatt li il-kategoriji imposti mil-lingwa jikkanlizzaw u jistrutturaw il-ħsieb hi magħrufa bħala l-Ipoteżi ta' Sapir-Whorf.

Dgħjufijiet fil-lingwi naturali[immodifika | immodifika s-sors]

Meta Sapir studja bir-reqqa l-grammatika ta' diversi lingwi, wasal għall konklużżjoni li kull grammatika għandha ċerti nuqqasijiet fl-istruttura. Konsekwentament in-nuqqasijiet f'kull-lingwa jistgħu jikkawżaw dgħjufijiet fil-ħsieb. Minkejja dan, huwa xorta jsostni li kull lingwa fiha innifisha hija suffiċjenti (cf. Il-forma-magħquda ta' kull lingwa naturali) u ż-żewġ argumenti m'humiex f'kuntradizzjoni.


Ċertu nuqqas ta' loġika narawħ f'dan l'eżempju: bl-Ingliż, li tgħid it rains huwa grammatikament korrett, madanakollu il-grammatika Ingliża titlob li ikun hemm suġġett overt f'kull sentenza. Dana jikkawża ċerti kontradizzjonijiet:

Fil-fatt is-suġġett it m'għandu l-ebda tifsira in konnessjoni mal-verb, peress li it mhiex qed taqdi l-iskop regolari li tindika oġġett, fenomnu jew persuna. Is-suġġett it f'din is-sentenza jikkostitwixxi irregolarità, għaliex kull sentenza bl-Ingliż tista tinbidel f'mistoqsija billi tpoġġi interrogattiv who jew what flok is-suġġett. Madanakollu b'rains u snows, dana mhux possibbli -- rains mingħajr ebda suġġett, ma taqdix il-ħtiġijiet kollha grammatikali ta' l-Ingliż għaliex, kif għedna, kull sentenza fl-Ingliż teħtieġ suġġett. Għalekk, l-it li tissostitwixxi is-suġġett (EN = dummy subject) hija restrizzjoni ta' regola grammatika.

Konsekwenzi għal-lingwa u il-ħsieb[immodifika | immodifika s-sors]

B'mod indirett sitwazzjonijiet bħall dawn jistgħu jimponu fuq il-ħsieb ta' l-individwu. Nuqqas ta' loġika jista' jwassal għall-ħsieb inqas ċar.

L-ewwel pass biex wieħed jevita li dgħjufija fil-grammatika tiġi trasferita għall-ħsieb hi li wieħed jakkwista sens ta' inkongruwenzi fil-lingwa li-wieħed juża.

Li persuna, li tuża lingwa bħala l-istrument tal-ħsieb, teżamina l-istess lingwa hu paradoss fih innfisu: kif jista strument jeżamina lilu innifsu? Sapir jissuġġerixxi li wieħed jeżamina l-istrutturi ta' lingwi naturali oħra b'loġika u grammatika diversa biex isir aktar konxju ta' l-istrutturi tal-lingwa tiegħu. Jissuġġerixxi wkoll li wieħed iqabbel il-linġwa tiegħu ma' lingwi oħrajn (anki artifiċjali) u sistemi li josservaw loġika assoluta. Dawn is-sistemi għandhom ikunu loġiċi fil-kunċetti, is-simboli u l-kombinazzjoni tas-simboli li jużaw.

Minbarra li jkun mezz konvenjenti biex wieħed jagħraf difetti strumentali fil-lingwa fuq bażi ta' dan l-istudju, wieħed ikun ukoll f'pożizzjoni li jsawwar lingwa internazzjonali awżiljari li taqdi numru ta' skopijiet.

Sapir hu kontra l-idea li waħda mil-lingwi naturali popolari, bħal ma hu l-Ingliż jew il-Franċiz tieħu post ta' l-IAL peress li dawn ma jissodisfawx il-ħtiġijiet li jenħtieġ taqdi l-IAL.

Kwalitajiet ta' Lingwa Awżiljari[immodifika | immodifika s-sors]

Edward Sapir jissokta isemmi ħames kwalitajiet ta' IAL:

  1. semplicità
  2. regolarità
  3. loġika
  4. rikkezza
  5. krejattività

Min ikun qiegħed jitgħallem il-lingwa jeħtieġ li jkun kapaċi juża l-istruttura ta' l-espressjoni li diġa akkwista bħala paradigmi u jibni espressjonijiet ġodda. Jekk, ngħidu aħna, wieħed ġa tgħallem minn espressjoni partikolari li il-passat sempliċi ta' verb fl-Ingliż jinħadem billi jżid is-suffiss / -ed / hu għandu jkun kapaċi jaħdem il-passat sempliċi tal-verbi l-oħra billi jżid / -ed /. L-idea ta' krejattività testendi għal setturi oħra u timplika illi meta wieħed jitkellem, irid ikun kapaċi, a bażi ta' strutturi l-aktar sempliċi, regolari u loġiċi, li ġa akkwista, joħloq kliem jew għaqda ta' kliem ġdid skond il-ħtieġa.

Skopijiet ta' Lingwa Awżiljari[immodifika | immodifika s-sors]

Minbarra l-vantaġġi prattiċi li-toħloq IAL - biżżejjed wieħed isemmi tnejn: vantaġġi ekonomiċi u l-vantaġġ ta' l-ebda telf ta' Informazzjoni fit-traduzzjoni - Sapir isemmi wkoll xi vantaġġi psikoloġiċi. Li tuża lingwa li tinħass li hi magħmula mil-bnedmin, tnissel sens ta' kontroll fuq il-lingwa, flok il-jasar ta' l-istrutturi u l-irqaqat. Hu jkompli jgħid li-wieħed ikollu inqas inibizzjonijiet meta juża lingwa internazzjonli "artifiċjali", peress li b'hekk jista jserraħ moħħu li m'hux ser joffendi 'l xi ħadd billi jmur kontra l-etiquette ta' l-ilsien ta' xi wieħed mis-semmiegħa.

Din l-osservazzjoni tista' tinstema' daqxejn skabruża, fl-istess ħin meta wieħed jinnota kemm jimbarazzaw rwieħom migranti ta' ċertà età meta ma jirnexxilhomx jaddataw għal kulturi ġodda bl-iżvantaġġi soċjali li jinqalgħu, l-argument isir tassew relevanti.

Lingwa perfettament loġika, mibnija fuq bażi ta' reflessjoni konxja, u mifruxa sewwa ma l-erbagħt irjieħ tkun aktar strument fin u adekwat minn kull-lingwa naturali bi strutturi inkongruenti. Lingwa bi struttura aktar loġika twassal għal ħsieb aktar loġiku. Il-prodott (il-ħsieb), jikber skond kemm tippermetti il-lingwa (sapir 1921:15). [2]

Il-ħolqien ta' IAL jenħtieġ li jkun bażat fuq grammatika ta' lingwi naturali, billi jislet il-partijiet li jagħmlu sens u jwarrab dawk difettużi. F'dan is-sens, Lingwa awżiljari mibnija bil-għaqal hija rikostruzzjoni ta' strutturi ġa eżistenti f'Lingwi naturali. Rikostruzzjon bħal din tippresupponi li wieħed ikun imħarreġ tajjeb fil-grammatika tal-Lingwi naturali. U għalhekk nikkonkludu illi li wieħed ikun imħarreġ fl-istrutturi grammatikali tgħin lill-moħħ jirfinħom. U peress li d-dinja li ngħixu fiha hi soġġetta għall-grammatika, wieħed jista' jkompli jargumenta u jgħid li it-tagħlim tal-prinċipji grammatikali li jħaddnu u jsawwru ir-realtajiet soġġettivi kollha, iġiegħlu l-moħħ ikompli jtejjibhom dejjem aktar. Din hi opinjoni tipikament konstruttivista:

Il-kostruttiviżmu radikali jsostni, ... li l-operazzjonijiet li bihom aħna naslu biex insawwru d-dinja li nesperjenzaw, fil-parti kbira jintlaħqu - u aktar minn hekk, li aħna ngħarfu l-mekkaniżmu tagħhom forsi wkoll iwassal biex intejbuhom (Glasersfeld, p17)[3].

Il-forma-magħquda ta' kull lingwa naturali[immodifika | immodifika s-sors]

Il-motivazzjoni ta' Sapir nibtet minn xewqa ġenwina li jkun hemm ftehmin bejn il-popli. Mill-istudju profond li għamel Sapir dwar id-diversi Lingwi Indigeni Amerikani sar jaf tajjeb ir-rikkezza tal-lingwi ż-żgħar. Minn dan l-istudju, sar ferm konvint, li wieħed ma jistagħx jgħid li lingwa hija superjuri għal oħra. Sapir jargumenta, li jekk lingwa tipprovdi mezzi li bihom tkun kapaċi tesprimi kwalunkwe kunċett, allura, "[...] li wieħed jgħid, li lingwa hi aktar grammatikali jew li għandha forma-magħquda aktar minn oħrajn hu assoluttamant bla sens." (Sapir 1949:9)[4].

Fil-ġabra ta' l-artikli tiegħu ippublikata fl-1949, Sapir jargumenta, illi b'lingwa mitkellma min-nies ta' kultura primittiva wieħed għandu mezz jesprimi teżi astratta filosofika, ġaladarba l-istrutturi ta' dawk il-Lingwi kapaċi jesprimu ideat ta' struttura komplessa - anki jekk il-vokabularju tal-lingwa ikun insuffiċjenti. Li ħsibijiet ta' dan it-tip għadhom qatt ma ġew espressi f'dawn il-kulturi hu sempliċiment għaliex għadhom mhumhiex avvanzati biżżejjed biex jinterressaw rwieħhom fuq livell astratt u filosofiku.(Sapir 1949:FINDPAGE)[5]. Fi-kliem ieħor "il-forma-magħquda" ta' kull lingwa tfisser "aktar min ħaġa oħra li it-tħaddim tagħha hu bla limitu"(Harris 1951:296)[6].

Kull lingwa għandha il-prinċipji grammatikali tagħha li jiddettaw x'informazzjoni trid tingħata f'sentenza u x'inhu permess li wieħed iħalli barra. Fil-Ġermaniż u l-Ingliż, ngħidu aħna, in-numru hu obligatorju, fil-waqt li l-Kwaikutl ma jeħtieġx informazzjoni bħal din - madankollhu il-Kwaikutl hu formalment mgħadud peress li joffri lil minn jitkellmu xi possibilità biex jesprimi in-numru tan-nom. Franz Boas jargumenta fuq linji simili: Naturalment l-eskimiż jista' jesprimi jekk raġel hux marid issa [...] imma l-forma grammatikali tas-sentenza tiegħu ma teħtieġx li jagħti relazzjoni ta' temp (Boas 1969:38)[7].

Evalwazzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Dawn l-ideat, illum, daqs qabel, għadhom avantgardisti u fl-istess ħin diskutibbli ħafna. Huwa fatt aċċettat illi komunitajiet li ma jitkellmux waħda mil-lingwi ekonomikament importanti qegħdin fi żvantaġġ. Huwa fatt ukoll li l-biċċa l-kbira tal-Ewropej għad mgħandhomx meżż kif jikkomunikaw direttament mal-biċċa l-kbira tal-Asjatiċi u l-Għarab. Dan ifisser telf kbir ta' tagħrif dwar veduta differenti tad-dinja.

Sal-ġurnata ta' llum qħad m'hemmx implementazzjoni ta' IAL fil-veru sens tal-kelma - m'hux faċli li wieħed jimplementa il-ħtigijiet li semmejna aktar 'il fuq. Il-ħtigijiet infishom huma diskutibbli għall-aħħar. Mis-sittinijiet 'l hawn il-lingwisti bdew joqgħodu lura milli jagħmlu dikjarażżjonijiet fuq is-"semplicità" u il-"loġika" fil-lingwa. L-istess japplika għal dikjarazzjonijiet bħal, ngħidu aħna, il-mod kif il-lingwa tħares lejn id-dinja huwwa soġġett għall-grammatika. Wieħed sempliċiment jaċċetta l-possibbiltà, iżda m'hemm l-ebda ċertezza assoluta fuq dan.

Wieħed ma jridx jinsa punt ieħor; sistema mibnija b'mod ideali llum mhux bilfors ser tibqa valida maż-żmien (time stability of language systems) - jekk nikkunsidraw dak kollhu li nafu fuq it-Tibdil fil-Lingwa, maż-żmien anke sistema ideali "taddatta" u "tiddeforma" bħal kull lingwa oħra.

Madanakollu insibu nies li kibru fl-lingwa kostruwita, bħal ngħidu aħna l-Esperanto jew f'lingwi rikostruwiti, bħal ma hu l-Ebrew Modern.

Punt diskuttibli ieħor forsi hu wkoll il-fatt li visti (views) u tradizzjonijiet huma mħaddna fil-lingwa stess u jiġu mgħoddija minnħa. Konsekwentamet jekk nadottaw IAL "ekklettika" dawna jintilfu. Madankollu ir-riċerka fl-istorja turina li ħafna "tradizzjonijiet" ġew kostrutti konxjament b'għanijiet politiċi u ekonomiċi[8].

Wieħed jista jargumenta li triq realistika għal IAL tista' tintleħaq bir-riċerka tal-Lingwistika Ġenerattiva u it-Teorija tal-Prinċipji ul-Patrametri.

Provi Prattiċi[immodifika | immodifika s-sors]

L-ewwel prova prattika ta' IAL li kienet mifruxa sew ġiet żviluppata min-negozjanti Anżejatiċi

Noti[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Il-kwotazzjoni oriġinali hija: language is the formative organ of thought
  2. ^ Il-kwotazzjoni oriġinali hija: The product (thought) grows with the instrument.
  3. ^ Il-kwotazzjoni oriġinali hija: Der radikale Konstruktivismus behauptet, daß wir die Operationen, mit denen wir unsere Erlebenswelt zusammenstellen, weitgehend erschließen können, und daß uns dann die Bewußtheit des Operierens helfen kann, es anders und vielleicht besser zu machen.
  4. ^ Il-kwotazzjoni oriġinali hija: [...] there is no meaning whatsoever in the statement sometimes made, that one language is more grammatical, or form-bound, than another
  5. ^ Il-kwotazzjoni oriġinali hija: [these cultures have] not advanced to the point, where it is of interest for them to form abstractions of a philosophic order
  6. ^ Il-kwotazzjoni oriġinali hija:"completeness" of a language is "more exactly its constructivity without limit"
  7. ^ Il-kwotazzjoni oriġinali hija: The Eskimo can, of course, express whether the man is sick at the present time but the grammatical form of his sentences does not require the expression of the tense relation
  8. ^ Eric Hobsbawm, Ranger T., The Invention of Tradition, CUP, Cambridge, 1983. ISBN 0-521-43773-3

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  • Darnell, Regna. 1990. Edward Sapir: Linguist, antropologist, humanist. Berkeley/Los Angeles. ISBN 0-520-06678-2.
  • Drechsel, Emanuel J. 1988. Wilhelm von Humboldt and Edward Sapir: analogies and homologies in their linguistic thoughts. In Honor of Mary Haas: From the Haas Festival Conference on Native American Linguistics, William Shipley, Mary Rosamond Haas, Mary Haas, Walter de Gruyter, 1988. ISBN 3-11-011165-9, ISBN 0-89925-281-8.
  • Erickson, Jon, Marion Gymnich and Ansgar Nünning. 1997. Wilhelm von Humboldt, Edward Sapir and the Constructivist framework. Historiographia Linguistica. 24. 285-306.
  • Glasersfeld, Ernst von. 1984. An Introduction to radical constructivism. The invented reality: How do we know what we believe we know? Contributions to Constructivism, ed. By Paul Watzlawick, 17-40. New York. ISBN 0-393-01731-1.
  • Harris, Zellig S. 1951b. Review of Sapir 1949.
  • Nünning, Ansgar. Selbsttätigkeit und Verstehen. Grundzüge des Denkens Wilhelm von Humboldts und ihre Gemeinsamkeiten mit dem Radikalen Konstruktivismus. Delfin X (September 1988): 38-49.
  • Sapir Edward, 1921. Language: An introduction to the study of Speech. New York. ISBN 0-15-648233-9.
  • Sapir Edward, 1949. Selected Writings in Language Culture and Personality, ed. By David G. Mandelbaum and epilogue by Dell H. Hymes. Berkely/Los Angeles, 1985. ISBN 0-520-05594-2.

Ħoloq esterni[immodifika | immodifika s-sors]