Life of Pi

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa

Life of Pi huwa rumanz ta' avventura fantastika miktub mill-Kanadiż Yann Martel fl-2001. Il-protagonist, Piscine Molitor "Pi" Patel, tifel Indjan minn Pondicherry, jesplora t-temi tal-ispiritwalità u tal-prattiċità minn età bikrija. Jirnexxilu jibqa' ħaj għal 227 jum fuq dgħajsa wara li l-vapur li kienu fuqu għereq f'nofs l-Oċean Paċifiku flimkien ma' tigra rjali tal-Bengala jisimha Richard Parker.

Fl-2002 il-ktieb rebaħ il-Man Booker Prize for Fiction, u fl-2004, l-Asian/Pacific American Award for Literature in Best Adult Fiction. Fl-2012 ġie addattat għaċ-ċinema b'film dirett minn Ang Lee, mimli animazzjoni tal-kompjuter bi screenplay ta' David Magee. Il-film li ħareġ f'Settembru mill-ewwel intlaqa' tajjeb mill-pubbliku u mill-kritika. Fl-Academy Awards tal-2013 kellu ħdax-il nominazzjoni, u rebaħ erba' Oscars: l-Aqwa Direttur, l-Aqwa Ċinematografija, l-Aqwa Effetti Viżivi u l-Aqwa Mużika.

Trama[immodifika | immodifika s-sors]

Life of Pi fih tliet taqsimiet. Fl-ewwel taqsima, il-karattru ewlieni, Pi, adult, jiftakar tfulitu. Kien ġie msemmi Piscine Molitor Patel għal pixxina li kien hemm Franza. Huwa jibdel ismu għal "Pi" meta jibda l-iskola sekondarja, għax jiddejjaq li kulħadd jaqbad miegħu bil-laqam "Pissing Patel". Missieru għandu zoo f'Pondicherry, u lil Pi jipprovdilu ħajja pjuttost komda u ċertu għarfien tal-psikoloġija tal-annimali.

Pi jitrabba bħala Indù, iżda ta' erbatax–il sena isir midħla tal-Kristjaneżmu u tal-Iżlam, u jibda josserva t-tliet reliġjonijiet għax kulma jrid li jħobb lil Alla "just wants to love God." Jipprova jifhem lil Alla mil-lenti ta' kull reliġjon u jara s-sabiħ ta' kull waħda minnhom.

Familtu tiddeċiedi li tbigħ iż-zoo wara kwistjoni fuq l-art li kellha mal-gvern, u tbigħ l-annimali lil diversi zoos madwar id-dinja qabel ma temigra lejn il-Kanada. Fit-tieni taqsima, il-familja ta' Pi tirkeb vapur merkantili Ġappuniż lejn il-Kanada b'uħud mill-annimali taż-zoo tagħhom, iżda wara ftit jiem, il-vapur jinqabad f'maltempata u jegħreq, u ommu, missieru u ħuh imutu. Fil-maltempata, Pi jaħrab f'dgħajsa tas-salvataġġ żgħira flimkien ma' jena ttikjata, żebra feruta, u orangutan.

Hekk kif Pi jipprova jibqa' ħaj qalb dawk l-annimali, il-hyena toqtol liż-żebra, u mbagħad lill-orangutan, u dan inikket ferm lil Pi. Tigra tal-Bengala li kienet ilha mistoħbija taħt il-kanvas tad-dgħajsa toqtol u tiekol lill-jena. Pi, imbeżża' jibni ċattra, jorbotha mad-dgħajsa, u jmur jgħix fuqha. Lil Richard Parker jagħtih l-ilma minn tiegħu u xi ħut biex joqgħod kwiet, u jikkundizzjonah billi jbandal id-dgħajsa u jagħmlu seasick waqt li jsaffar suffara. Richard Parker jitgħallem jaċċetta l-preżenza ta' Pi u t-tnejn jibdew jgħixu fid-dgħajsa.

Pi jirrakkonta diversi ġrajjiet, fosthom l-iskoperta ta' gżira magħmula minn minn alka karnivora miżgħuda bis-surikati (bl-Ingliż, meerkats). Wara 227 jum, id-dgħajsa tas-salvataġġ tasal fil-kosta tal-Messiku u Richard Parker mill-ewwel jaħrab fil-ġungla li kien hemm qrib.

Fit-tielet parti tar-rumanz, żewġ uffiċjali mill-Ministeru tat-Trasport Ġappuniż imorru jkellmu lil Pi biex isiru jafu kif għereq il-vapur. Meta ma jemmnux l-istorja tiegħu, jirrakkuntalhom storja oħra ta' kefrija umana, li fiha Pi ikun fid-dgħajsa tas-salvataġġ ma' ommu, ma' baħri b'siequ miksura, mal-kok tal-vapur, li qatel lill-baħri u lil omm Pi u qattagħhom biċċiet biex jikolhom u jużahom bħala lixka. Ix-xebh mal-ewwel storja ta' Pi iwassal lill-uffiċjali Ġappuniżi jaħsbu li l-orangutan kienet tirrapreżenta lil ommu, iż-żebra lill-baħri, il-jena lill-kok, u Pi huwa Richard Parker (it-tigra).

Wara li tahom it-tagħrif li xtaqu, Pi jistaqsihom liema miż-żewġ stejjer jippreferu. Billi ma setgħux ikollhom provi fuq l-ebda waħda u l-ebda waħda ma kienet tispjega għaliex għereq il-vapur, huma jagħżlu l-istorja bl-annimali. Pi jirringrazzjahom u jgħidilhom, "and so it goes with God" (u l-istess Alla).

Ispirazzjoni u reazzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

L-awtur jgħid: "Kont qed infittex li nikteb storja, mhux biss b' 's' żgħira iżda b' 'S' kbira – xi ħaġa li tagħti direzzjoni lil ħajti." U fil-fatt ir-rumanz tah direzzjoni u skop għal ħajtu.

Fl-2010 il-President Amerikan Barack Obama kiteb lill-awtur, u ddeskriva Life of Pi bħala "prova eleganti ta' Alla u tal-ħila tan-narrattiva" ("an elegant proof of God, and the power of storytelling").