L-istudji tat-traduzzjoni
L-Istudji tat-Traduzzjoni hija dixxiplina akkademika li tikkonsisti fl-istudju sistematiku tat-teorija, id-deskrizzjoni u l-użu tat-traduzzjoni, tal-interpretar, u tal-lokalizzazzjoni. Bħala qasam interdixxiplinarju, din id-dixxiplina tissellef ħafna aspetti minn oqsma ta' studji oħra li jistgħu jkollhom x'jaqsmu mat-traduzzjoni u li jsaħħuha fil-proċess. Dawn jistgħu jinkludu suġġetti bħal-letteratura komparattiva, l-informatika, l-istorja, il-lingwistika, il-filoloġija, il-filosofija, is-semjotika, u t-terminoloġija.
It-terminu "studji tat-traduzzjoni" li nħoloq minn James S.Holmes, akkademiku Amerikan li kien joqgħod Amsterdam, deher għall-ewwel darba f'artiklu li kiteb fl-1972 intitolat "The name and nature of translation studies" (“L-isem u n-natura tal-istudji tat-traduzzjoni”), li huwa kkunsidrat bħala dikjarazzjoni fundamentali għal din id-dixxiplina.[1] Kittieba Ingliżi spiss jużaw ukoll it-terminu translatology (translatoloġija), u f'każijiet iktar rari, traductology (traduttoloġija), biex jirreferu għad-dixxiplina tal-istudji tat-traduzzjoni. Bil-Franċiż, it-terminu għal dan il-qasam huwa "traductologie" (bħall-isem tal-organizzazzjoni Société Française de Traductologie [Is-Soċjetà Franċiża tat-Traduttoloġija]). Fl-Istati Uniti jippreferu terminu li jinkludi referenza għall-interpretar ukoll, jiġifieri "l-istudji tat-traduzzjoni u l-interpretar" (bħall-isem tal-Assoċjazzjoni Amerikana tal-Istudji tat-Traduzzjoni u l-Interpretar). It-tradizzjoni fl-Ewropa hi li l-interpretar jiġi inkluż awtomatikament fl-istudji tat-traduzzjoni (bħal fl-isem tas-Soċjetà Ewropea għall-Istudji tat-Traduzzjoni).
Studji bikrin
[immodifika | immodifika s-sors]Storikament, id-dixxiplina tal-istudji tat-traduzzjoni kienet meqjusa bħala waħda "preskrittiva" (jgħidu lit-tradutturi kif għandhom jittraduċu). Dan wassal biex diskussjonijiet deskrittivi dwar it-traduzzjoni ma kinux jiġu kkunsidrati bħala parti minn dan il-qasam. Eżempju ta’ dan huwa li meta l-istoriċi ta’ din id-dixxiplina jittraċċaw il-ħsibijiet tal-Punent rigward it-traduzzjoni, ħafna drabi jassoċjaw il-bidu tagħha ma’ Ċiċerun, li qal li kien uża t-traduzzjoni mill-Grieg għal-Latin biex isaħħah il-ħiliet tal-oratorija tiegħu - deskrizzjoni bikrija ta’ dak li Ġilormu kien isejjaħ traduzzjoni minn sens għal sens. Ftit sekli qabel iż-żmien ta' Ċiċerun, l-istorja deskrittiva li kiteb Erodotu dwar l-interpreti Eġizzjani llum il-ġurnata mhix meqjusa bħala parti mill-istorja tal-istudji tat-traduzzjoni, probabbilment għaliex ma tgħidx lit-tradutturi kif għandhom jittraduċu. Fiċ-Ċina, id-diskussjoni rigward kif wieħed għandu jittraduċi bdiet mat-traduzzjoni tas-sutras Buddisti li saret fi żmien id-Dinastija tal-Ħan.
L-Istudji tat-Traduzzjoni Awdjoviżwali
[immodifika | immodifika s-sors]Id-dixxiplina tal-Istudji tat-Traduzzjoni Awdjoviżwali (AVT) hija kkonċernata b’traduzzjoni li ssir f'ambjent viżwali u/ jew ta’ awdjo, bħaċ-ċinema, it-televiżjoni, il-logħob elettroniku u anki avvenimenti li jsiru fit-teatri bħall-ispettakli tal-opera.[2] Id-denominatur komuni għall-istudju f'dan il-qasam hu li t-traduzzjoni ssir fuq numru ta' sistemi semjotiċi, peress li t-testi tradotti (magħrufin bħala testi polisemjotiċi)[3] fihom messaġġi li jiġu mwassla permezz ta’ iktar minn mezz semjotiku wieħed, jiġifieri mhux biss permezz tal-kelma miktuba jew mitkellma, imma wkoll permezz ta’ awdjo u/ jew stampi.[4] Il-modi ewlenin ta' traduzzjoni li jaqgħu taħt dan l-istudju huma s-sottotitolar, id-doppjaġġ tal-films, u t-taħdit sovrapost, però anki s-sopratitolar għall-opri u t-teatru.[5] Id-dixxiplina tal-istudji dwar l-aċċessibiltà tal-midja hija spiss ikkunsidrata bħala parti minn dan il-qasam ukoll. L-istudji ewlenin jiffukaw fuq[6] id-deskrizzjoni awdjo għal persuni għomja jew b'vista mnaqqsa u s-sottotitolar għal persuni torox jew nieqsa mis-smigħ. Id-diversi kundizzjonijiet u restrizzjonijiet imposti minn mezzi ta' midja u ta' traduzzjoni differenti, li jinfluwenzaw kif issir it-traduzzjoni, ħafna drabi huma ċentrali għal ħafna studji li jagħmlu parti mill-proċess jew huma prodotti tal-AVT. Ħafna mir-riċerkaturi u prattikanti fil-qasam tal-istudji tal-AVT huma membri tal-European Association for Studies in Screen Translation.
L-Istudji dwar il-Ġeneru
[immodifika | immodifika s-sors]L-istudji dwar il-ġeneru jħarsu lejn is-sesswalità tat-tradutturi,[7] lejn in-natura bbażata fuq is-sessi tat-testi li jittraduċu,[8] lejn il-possibbiltà ta' użu ta' proċessi fit-traduzzjoni skont il-ġeneru, u lejn il-metafori bbażati fuq is-sessi użati biex jiddeskrivu t-traduzzjoni. L-istudji ta’ Luise von Flotow, Sherry Simon u Keith Harvey[9] huma kollha pijunieri f’dan il-qasam. Is-suġġett dwar l-eliminazzjoni jew l-inkapaċità li jiġu eliminati forom ta' theddid għas-sesswalità tal-istess sess huwa wieħed prominenti bħal kif, per eżempju, il-kittieba ta’ żmien antik huma tradotti minn ħassieba tar-Rinaxximent f'kuntest Kristjan[10].
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Munday, Jeremy (2009-05-07). "Introducing Translation Studies". Ċitazzjoni journal għandha bżonn
|journal=
(għajnuna) - ^ Pedersen, Jan (2010). "Audiovisual translation – in general and in Scandinavia". Perspectives. 18 (1): 1–22.
- ^ Henrik., Gottlieb, (2001). Screen translations : six studies in subtitling, dubbing and voice-over. University of Copenhagen.Manutenzjoni CS1: punteġġjatura żejda (link)
- ^ Luis., Pérez-González, (2017). Audiovisual translation : theories, methods and issues. Routledge Taylor & Francis Group.Manutenzjoni CS1: punteġġjatura żejda (link)
- ^ Vervecken, Anika (2012). Surtitling for the Stage and Directors' Attitude: Room for Change.
- ^ Remael, Aline; Orero, Pilar; Carroll, Mary (2012-01-01). Audiovisual Translation and Media Accessibility at the Crossroads. BRILL.
- ^ 1951-, Flotow, Luise von, (2011). Translating women. University of Ottawa Press.Manutenzjoni CS1: punteġġjatura żejda (link) Manutenzjoni CS1: ismijiet bħala numri: authors list (link)
- ^ Klein-Lataud, Christine (1998). "Luise von Flotow. Translation and Gender. Translating in the 'Era of Feminism'. Manchester, St Jerome Publishing and Ottawa, University of Ottawa Press, 1997". TTR : traduction, terminologie, rédaction. 11 (1): 251.
- ^ Harvey, Keith (1998). "Translating Camp Talk". The Translator. 4 (2): 295–320.
- ^ Reeser, Todd (2016). Setting Plato straight : translating ancient sexuality in the Renaissance. University of Chicago Press.