Aqbeż għall-kontentut

Kunvent ta' Novodevichy

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
(Rindirizzat minn Kunvent ta’ Novodevichy)
Il-Kunvent ta' Novodevichy billejl

Il-Kunvent ta' Novodevichy, magħruf ukoll bħala l-Monasteru ta' Bogoroditse-Smolensky (bir-Russu: Новоде́вичий монасты́рь, Богоро́дице-Смоле́нский монасты́рь), x'aktarx li huwa l-iktar kunvent magħruf ta' Moska, ir-Russja. Isem il-kunvent xi kultant jiġi tradott bħala l-Monasteru l-Ġdid tas-Sorijiet sabiex ikun hemm distinzjoni mal-Monasteru l-Antik tas-Sorijiet fi ħdan il-Kremlin ta' Moska. Għad-differenza ta' kunventi oħra ta' Moska, dan baqa' ppreservat kważi għalkollox mis-seklu 17. Fl-2004, il-Kunvent ta' Novodevichy tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]

Struttura u monumenti

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Katidral tal-Madonna ta' Smolensk fi ħdan il-kunvent

Il-kunvent jinsab fin-naħa tal-Lbiċ taċ-ċentru storiku ta' Moska. It-territorju tal-kunvent ikkonfinat b'ħitan għoljin u huwa mdawwar b'park li jifforma żona ta' lqugħ. Il-park huwa limitat min-nisġa urbana tal-belt b'binjiet għoljin u moderni fin-naħat tat-Tramuntana u tal-Lvant. Fuq in-naħa tal-Punent, huwa limitat mix-xmara Moskva, u fin-naħa tan-Nofsinhar hemm triq urbana. Mad-dawra tal-binjiet u tal-monumenti differenti tal-kunvent hemm ħitan għoljin bi 12-il torri. Id-daħliet jinsabu fin-naħa tat-Tramuntana u fin-naħa tan-Nofsinhar. Il-pjanta tat-territorju tal-kunvent għandha għamla rettangolari irregolari mill-Punent għal-Lvant.[1]

L-iktar struttura antika fil-kunvent hija l-Katidral ta' Smolensky b'sitt pilastri, li huwa ddedikat lill-ikona tal-Madonna ta' Smolensk. Din tinsab fiċ-ċentru tal-assi bejn iż-żewġ bibien taż-żewġ daħliet. Abbażi tad-dokumenti eżistenti, il-kostruzzjoni tagħha tmur lura għall-perjodu bejn l-1524 u l-1525; madankollu, l-ewwel sular kbir tagħha, il-proporzjonijiet kbar, u l-frontun ċentrali tagħha huma tipiċi tal-katidrali li kienu wkoll monasteri, li nbnew fi żmien Ivan it-Terribbli. Il-biċċa l-kbira tal-istudjużi jaqblu li l-katidral ġie rikostruwit fis-snin 50 jew 60 tas-seklu 16. Qabel kien fih erba' kappelli iżgħar oħra madwaru, f'arranġament simili għall-Katidral tat-Tħabbira tal-Madonna fil-Kremlin ta' Moska. L-affreski tal-Katidral ta' Smolensky huma fost l-ifjen eżistenti f'Moska.[2]

Sofia Alekseyevna fil-Kunvent ta' Novodevichy, pittura tal-1879 ta' Ilya Repin

Il-katidral huwa l-punt ewlieni tal-kunvent, iżda hemm bosta knejjes oħra fi ħdan il-ħitan tal-kunvent. Il-biċċa l-kbira tal-knejjes inbnew fis-snin 80 tas-seklu 17, meta l-kunvent kien ġie rinnovat għalkollox taħt Sofia Alexeyevna, li iktar 'il quddiem inżammet priġunieri hawnhekk. Il-ħitan abjad u t-torrijiet ħomor b'għamla ta' kuruna, il-knejjes fuq il-bibien tad-daħliet, ir-refettorju, u l-kwartieri residenzjali kienu kollha ddisinjati bl-istil Barokk Muskovita, suppost minn ċertu Peter Potapov. Fil-katidral l-antik, tpoġġew fonti ġdid għall-ilma mbierek u ikonostasi mnaqqxa u indurata fl-1685. L-erba' livelli tal-ikonostasi fihom ikoni tas-seklu 16 mogħtija minn Boris Godunov, filwaqt li l-ħames livell tal-ikonostasi fih ikoni magħmula mill-pitturi ewlenin tas-seklu 17, Simeon Ushakov u Fyodor Zubov.[2]

Sofia Alexeyevna kkummissjonat ukoll il-kostruzzjoni ta' torri tal-kampnar għoli 72 metru, u fis-seklu 18 kien l-itwal struttura f'Moska wara t-Torri tal-Kampnar il-Kbir fil-Kremlin ta' Moska. L-għamla ottagonali tat-torri tal-kampnar donnha tgħaqqad l-elementi ewlenin kollha tal-kunvent kollu b'mod armonjuż.[2]

Perjodu Muskovita

[immodifika | immodifika s-sors]
Kartolina tal-Kunvent ta' Novodevichy qabel ir-rivoluzzjoni

Vasili III, il-Gran Prinċep ta' Moska, stabbilixxa l-Kunvent ta' Novodevichy fl-1524 sabiex jikkommemora l-ħakma tiegħu ta' Smolensk fl-1514.[3] L-istruttura bdiet bħala fortizza f'lilwa tax-xmara Moskva xi 3.3 kilometri fil-Lbiċ tal-Kremlin ta' Moska. Il-kunvent sar parti importanti tas-sistema difensiva tan-Nofsinhar ta' Moska, li diġà kienet tinkludi għadd ta' monasteri oħra. Malli ġie stabbilit, il-Kunvent ta' Novodevichy ingħata 3,000 rublu u l-villaġġi ta' Akhabinevo u Troparevo. Iben Vasili, il-Kżar Ivan it-Terribbli (li rrenja mill-1533 sal-1584), iktar 'il quddiem ta għadd ta' villaġġi oħra lill-kunvent.[2]

Il-Kunvent ta' Novodevichy kien jospita bosta nisa mill-familji rjali Russi u mill-aristokrazija Russa li kienu ġew imġegħla jsiru sorijiet, bħat-tifla tar-rispett ta' Ivan it-Terribbli, Yelena Sheremeteva (li għexet fil-kunvent mill-1581 sal-1587), il-mara ta' Feodor I, Irina Godunova (li għexet fil-kunvent mill-1598 sal-1603 flimkien ma' ħuha Boris Godunov sa ma sar mexxej hu stess), Sofia Alekseyevna (oħt Pietru l-Kbir minn ġenitur wieħed komuni għat-tnejn; li għexet fil-kunvent mill-1689 sal-1704), Eudoxia Lopukhina (l-ewwel mara ta' Pietru l-Kbir, li għexet fil-kunvent mill-1727 sal-1731), u ħafna oħrajn. Bejn l-1610 u l-1611, unità Pollakka taħt il-kmand ta' Aleksander Gosiewski ħatfu l-Kunvent ta' Novodevichy. Ladarba l-forzi Russi reġgħu ħadu l-kunvent taħt il-kontroll tagħhom, il-Kżar Mikhail Fyodorovich stazzjona gwardji permanenti mal-kunvent (100 Streltsy fl-1616 u 350 suldat fl-1618). Sa tmiem is-seklu 17, il-Kunvent ta' Novodevichy kellu s-sjieda ta' 36 villaġġ (164,215 desyatina ta' art) f'27 uyezd tar-Russja. Fl-1744, kellu s-sjieda ta' 14,489 raħħal.[2]

Perjodu Imperjali

[immodifika | immodifika s-sors]
It-torri tal-kampnar ottagonali

F'nofs is-seklu 17, sorijiet minn monasteri oħra f'artijiet Ukreni u Belarussi ġew ittrasferiti lejn il-Kunvent ta' Novodevichy. L-ewwel waħda minn dawn is-sorijiet kienet Yelena Dyevochkina. Fl-1721, uħud mis-sorijiet imdaħħlin fiż-żmien li ċaħdu l-moviment tal-Fidili Antiki ngħataw il-kenn fil-kunvent. Fl-1724, il-kunvent kien jospita wkoll sptar militari għas-suldati u għall-uffiċjali tal-Armata Imperjali Russa kif ukoll orfanatrofju għal iltiema bniet. Sal-1763, il-kunvent kien jospita 84 soru, 35 soru lajka, u 78 pazjent marid u l-qaddejja. Kull sena, l-istat kien jipprovdi lill-Kunvent ta' Novodevichy b'1,500 rublu, b'1,300 loqma ħobż, u b'680 rublu u 480 loqma ħobż għal iżjed minn 250 tifel u tifla abbandunati.[3]

Wieħed mit-12-il torri b'għamla ta' kuruna

Fl-1812, l-armata ta' Napuljun Bonaparte ippruvat tisplodi l-kunvent, iżda s-sorijiet irnexxielhom isalvawh mill-qerda. F'Gwerra u Paċi ta' Leo Tolstoy, Pierre kellu jiġi ġġustizzjat mal-ħitan tal-kunvent. F'rumanz ieħor tiegħu, Anna Karenina, Konstantin Lyovin (karattru ewlieni tar-rumanz) jiltaqa' mal-mara futura tiegħu Kitty li kienet qed tiskejzja fuq is-silġ ħdejn il-ħitan tal-monasteru. Tabilħaqq, l-Għalqa tas-Sorijiet (kif saret magħrufa mergħa quddiem il-kunvent) kienet l-iktar post popolari għall-iskejzjar f'Moska fis-seklu 19. Tolstoy innifsu kien jieħu gost jiskejzja hemmhekk meta kien jgħix fil-qrib, fid-distrett ta' Khamovniki.[3]

Fl-1871, l-aħwa Filatyev għamlu donazzjoni fi flus għal skola u kenn għall-iltiema. Barra minn hekk, il-kunvent kien jospita wkoll żewġ ospizji għas-sorijiet u għas-sorijiet lajċi. Fil-bidu tal-ewwel deċennju tas-seklu 20, twettaq stħarriġ u restawr fuq il-Katidral mill-arkitett u preservatur Ivan Mashkov. Sal-1917, kien hemm 51 soru u 53 soru lajka jgħixu fil-Kunvent ta' Novodevichy.[2]

Perjodu Sovjetiku u wara

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Kunvent ta' Novodevichy fl-1902

Fl-1922, il-Bolxeviki għalqu l-Kunvent ta' Novodevichy (l-aħħar li ngħalaq kien il-Katidral fl-1929) u għamluh Mużew tal-Emanċipazzjoni tan-Nisa. Sal-1926, il-kunvent kien ġie ttrasformat f'Mużew tal-Istorja u tal-Arti. Fl-1934, il-mużew ġie affiljat mal-Mużew Storiku Statali. Il-biċċa l-kbira tal-faċilitajiet ġew ikkonvertiti f'appartamenti, u b'hekk il-kunvent ma nqeridx.[3]

Fl-1943, meta Joseph Stalin beda jindiehes mal-Knisja Ortodossa Russa matul it-Tieni Gwerra Dinjija, huwa approva l-ftuħ tal-Korsijiet Teoloġiċi ta' Moska fil-kunvent. Is-sena ta' wara l-programm ġie ttrasformat u sar l-Istitut Teoloġiku ta' Moska. Fl-1945, is-Sovjetiċi rritornat il-Katidral tat-Tħabbira tal-Madonna lill-fidili. Ir-residenza tal-Metropolitan ta' Krutitsy u ta' Kolomna ilha l-Kunvent ta' Novodevichy mill-1980.[2]

Fl-1994, is-sorijiet irritornaw fil-kunvent, li attwalment jaqa' taħt l-awtorità tal-Metropolitan ta' Krutitsy u ta' Kolomna. Uħud mill-knejjes u binjiet monastiċi oħra għadhom affiljati mal-Mużew Storiku Statali. Fl-1995, reġgħu bdew isiru s-servizzi reliġjużi fil-kunvent fil-jiem tal-qaddis patrun.[2]

In-nar li ħakem l-armar tat-torri tal-kampnar fl-2015

Fl-2004, il-Kunvent ta' Novodevichy tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]

Fil-15 ta' Marzu 2015[4], waqt li kien qed isir ir-restawr tal-ogħla torri tal-kampnar tal-kunvent, l-armar tar-restawr madwar it-torri ħa n-nar. In-nar tant kien qawwi li l-membri tat-tifi tan-nar damu kważi tliet sigħat biex jitfuh. Minkejja li n-nirien affettwaw żona ta' xi 300 metru kwadru, il-ħsarat tal-bini storiku ma kinux wisq estensivi. Abbażi ta' spekulazzjoni, jingħad li n-nar ħa minħabba xort ikkawżat mit-tagħmir tas-sħana għat-tnixxif tal-faċċata tat-torri tal-kampnar waqt ir-restawr. Is-servizz tal-istampa tad-dipartiment tal-wirt kulturali ta' Moska tefgħet il-ħtija tan-nirien fuq id-ditta li kienet qed twettaq ix-xogħol ta' restawr. Madankollu, id-Deputat Ministru Russu tal-Kultura Grigory Pirumov stqarr li t-tagħmir inkwistjoni ma kienx intuża fit-territorju tal-kunvent u tat-torri tal-kampnar u li l-provvista tal-elettriku ewlenija kienet ġiet skonnessa. Minn dak iż-żmien 'l hawn, it-torri tal-kampnar reġa' ġie rrestawrat u nfetaħ għall-pubbliku.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Knisja tat-Trasfigurazzjoni fi ħdan il-Kunvent ta' Novodevichy

Fl-2004, il-kumpless tal-Kunvent ta' Novodevichy ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]

Fl-evalwazzjoni tan-nominazzjoni tas-sit, l-UNESCO saħqet li l-Kunvent ta' Novodevichy huwa l-iktar eżempju straordinarju tal-hekk imsejjaħ "Barokk ta' Moska". Minbarra l-arkitettura fina tiegħu u d-dettalji tat-tiżjin, is-sit huwa kkaratterizzat mill-valuri tal-ippjanar tal-bliet u tal-irħula. L-UNESCO indikat ukoll li l-kunvent huwa eżempju straordinarju ta' kumpless monastiku li għadu ppreservat tajjeb ħafna, u li jintegra n-natura kulturali u politika ta' Sit ta' Wirt Dinji ieħor, il-Kremlin ta' Moska. Barra minn hekk, il-kunvent innifsu huwa marbut mill-qrib mal-Knisja Ortodossa Russa u mal-istorja Russa inġenerali tas-sekli 16 u 17.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]

Nekropoli u ċimiterju

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-qabar tal-Ġeneral Timofeyev (1783-1850) fil-Kunvent ta' Novodevichy

In-Nekropoli tal-Kunvent ta' Novodevichy kien jeżisti diġà fis-seklu 16. Bħal monasteri oħra ta' Moska (b'mod partikolari dawk ta' Danilov u ta' Donskoy), il-kunvent kien irriċerkat ferm min-nobbiltà Russa bħala post fejn jindifnu. Sergey Solovyov u Alexei Brusilov huma biss tnejn mill-ħafna Muskoviti prominenti li ndifnu fi ħdan il-ħitan tal-kunvent. L-eroj Napuljoniku Denis Davydov huwa midfun hemmhekk ukoll.

Bejn l-1898 u l-1904, l-hekk imsejjaħ Ċimiterju ta' Novodevichy ġie stabbilit 'il barra mill-ħitan tan-Nofsinhar. Anton Chekhov kien wieħed mill-ewwel nies notevoli li ġie midfun fiċ-ċimiterju l-ġdid, u iktar 'il quddiem Nikolai Gogol ġie midfun hemmhekk ukoll. Matul l-epoka Sovjetika, iċ-ċimiterju sar ċimiterju ta' profil għoli fl-Unjoni Sovjetika, tant li ġew midfuna fih nies notevoli bħal Peter Kropotkin, Nikita Khrushchev, Sergei Prokofiev, Dmitri Shostakovich, Konstantin Stanislavski, Boris Yeltsin, u Mstislav Rostropovich kif ukoll diversi kożmonawti Russi.[5][6]

  1. ^ a b ċ d e f Centre, UNESCO World Heritage. "Ensemble of the Novodevichy Convent". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-14.
  2. ^ a b ċ d e f ġ g "Novodevichy Convent - rusmania.com". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-05-14. Miġbur 2021-05-14.
  3. ^ a b ċ d "The origins and history of Novodevichy Convent - moscovery.com". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-05-14. Miġbur 2021-05-14.
  4. ^ "Moscow: fire breaks out at Novodevichy Convent". the Guardian (bl-Ingliż). 2015-03-15. Miġbur 2021-05-14.
  5. ^ "Novodevichy Cemetery - atlasobscura.com".
  6. ^ "A walk through the resting place of aviation legends - afterburner.com".