Aqbeż għall-kontentut

Kumpless tal-Foresta ta' Kaeng Krachan

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Kumpless tal-Foresta ta' Kaeng Krachan.

Il-Kumpless tal-Foresta ta' Kaeng Krachan (bit-Tajlandiż: กลุ่มป่าแก่งกระจาน) huwa l-isem uffiċjali tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fit-Tajlandja. Ikopri l-inħawi tal-Parks Nazzjonali ta' Kaeng Krachan, ta' Kui Buri u ta' Chaloem Phrakiat Thai Prachan, u tas-Santwarju tan-Natura Selvaġġa ta' Mae Nam Phachi, fil-provinċji ta' Ratchaburi, ta' Phetchaburi u ta' Prachuap Khiri Khan tal-Punent tat-Tajlandja, fil-fruntiera tal-pajjiż mal-Myanmar/Burma. Is-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2021.[1]

Is-sit jinsab tul in-naħa Tajlandiża tal-Katina Muntanjuża ta' Tenasserim, parti mill-katina muntanjuża tal-granit u tal-ġebla tal-ġir mit-Tramuntana għan-Nofsinhar 'l isfel mill-Peniżola Malażjana. Il-kumpless jinsab f'salib it-toroq bejn il-kumplessi tal-fawna u tal-flora tal-Himalayas, tal-Indoċina u tas-Sumatra, u jospita bijodiversità rikka. Huwa ddominat minn foresti nofshom b'siġar li dejjem iħaddru, foresti b'siġar li dejjem inħaddru u tal-indewwa, foresti muntanjużi, u foresti b'siġar dipterokarpi ħorfija. Għadd ta' speċijiet ta' pjanti endemiċi u fil-periklu ta' estinzjoni globali ġew irrapportati fis-sit. Hemm żewġ Żoni Importanti għall-Għasafar u s-sit huwa magħruf għad-diversità rikka ta' għasafar, inkluż tmien speċijiet mhedda globalment.

Il-Kumpless tal-Foresta ta' Kaeng Krachan jospita l-kukkudrill ta' Siam (Crocodylus siamensis) f'periklu kritiku ta' estinjoni, il-kelb selvaġġ Asjatiku (Cuon alpinus) fil-periklu, il-banteng (Bos javanicus), l-iljunfant Asjatiku (Elephas maximus), il-fekruna tal-art safra/tawwalija (Indotestudo elongata), u l-fekruna tal-art ġganteska Asjatika (Manouria emys) fil-periklu ta' estinzjoni, kif ukoll diversi speċijiet vulnerabbli oħra ta' għasafar u ta' mammiferi. Barra minn hekk, is-sit jospita wkoll tmien speċijiet ta' felini: it-tigra (Panthera tigris) u l-qattusa selvaġġa wikkiela tal-ħut (Prionailurus viverrinus) fil-periklu ta' estinzjoni, il-leopard (Panthera pardus) u l-qattus selvaġġ dehbi Asjatiku (Catopuma temminckii) kważi mhedda, il-leopard bil-pil imċajpar (Neofelis nebulosi) u l-qattus tal-pil lewn l-irħam (Pardofelis marmorata) vulnerabbli, kif ukoll il-qattus selvaġġ tal-ġungla (Felis chaus) u l-qattus leopard (Prionailurus bengalensis).[1]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Kumpless tal-Foresta ta' Kaeng Krachan ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2021.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]

Drittijiet tal-bniedem

[immodifika | immodifika s-sors]

Is-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2021 matul l-44 sessjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji, f'nofs kontroversja dwar il-kampanja twila tal-gvern ta' spostament bl-użu tal-forza tal-poplu indiġenu ta' S'gaw Karen minn Bang Kloi mill-villaġġ tiegħu fil-Park Nazzjonali ta' Kaeng Krachan, li kienet tinvolvi wkoll il-qtil tal-attivist Porlajee Rakchongcharoen fl-2014. Xi jiem qabel ma s-sit tniżżel bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, panel ta' relaturi speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti kien ħeġġeġ lill-Kumitat tal-Wirt Dinji jiddifferixxi n-nomina tas-sit minħabba t-tkasbir ċar tad-drittijiet tal-bniedem, iżda din ġiet approvata bl-appoġġ taċ-Ċina u tar-Russja, fost pajjiżi oħra. Il-gvern Tajlandiż fl-imgħoddi kien ressaq żewġ nomini tas-sit, l-ewwel waħda fl-2016.[2]

  1. ^ a b ċ d "Kaeng Krachan Forest Complex - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2024-10-11.
  2. ^ "Rights experts urge UNESCO to defer heritage status for Thai park".