Aqbeż għall-kontentut

Koutammakou

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
It-torrijiet-djar ta' Koutammakou, l-Art tal-Batammariba.

Koutammakou, l-Art tal-Batammariba (bil-Franċiż: Koutammakou, le pays des Batammariba) huwa pajsaġġ kulturali li fl-2004 tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-fruntiera bejn it-Tramuntana tat-Togo u l-Benin.[1][2] L-inħawi jinkludu wkoll torrijiet-djar tradizzjonali tat-tajn li għadhom l-iżjed stil preferut ta' għajxien. Id-djar tradizzjonali tat-tajn huma magħrufa bħala simbolu nazzjonali tat-Togo. Ħafna mid-djar tat-tajn għandhom żewġ sulari u wħud minnhom għandhom bejt ċatt.

Fl-2008, sabiex jikkompleta t-tħejjija tas-sit biex jitniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, id-Dipartiment tal-Wirt Kulturali Intanġibbli tal-UNESCO, immexxi minn Rieks Smeets, stabilixxa s-"Salvagwardja tal-Wirt Kulturali Intanġibbli tal-Batammariba" mill-Konvenzjoni tal-2003. L-għan kien li tiġi promossa s-sostenibbiltà fit-trażmissjoni interġenerazzjonali u l-preservazzjoni tal-ħiliet u tal-għarfien fl-oqsma essenzjali kollha tal-kultura tagħhom, fosthom: il-manifattura ta' oġġetti ċerimonjali u ta' kuljum, l-użu ta' pjanti utli għall-fejqan, il-kostruzzjoni tat-takyentas, iż-żfin, il-mużika, l-arċerija, it-tradizzjonijiet bil-fomm, il-promozzjoni ta' turiżmu li jirrispetta t-tradizzjonijiet lokali, l-immappjar taż-żoni sagri, l-akkumulazzjoni tad-data dwar il-wirt kulturali intanġibbli u l-ħolqien tal-aċċess għalih, ir-reġistrazzjonijiet, il-filmati u r-ritratti, eċċ. Inġenerali, it-tagħlim tad-ditammari, il-lingwa tal-Batammariba fl-iskejjel primarji u fl-edukazzjoni taż-żgħażagħ fil-wirt kulturali intanġibbli (id-distribuzzjoni tal-kotba akkademiċi).

Dan il-programm ġie kkoordinat mill-Ministeru għall-Kultura u mill-Ministeru għall-Edukazzjoni Primarja tat-Togo, immexxija mill-Ministru Angèle Dola Akofa Aguigah. Dominique Sewane, bir-riċerka, bl-istudju u bil-pubblikazzjonijiet tagħha dwar il-ħajja ċerimonjali tal-poplu Batammariba, kellha rwol importanti fid-deżinjazzjoni tas-sit min-naħa tal-UNESCO.

Mid-19 sal-24 ta' Ottubru 2018, l-UNESCO organizzat missjoni ta' emerġenza biex tivvaluta l-ħsara li allegatament ġiet ikkawżata mix-xita li niżlet f'Awwissu 2018 f'Koutammakou fuq il-ħabitat u l-wirt intanġibbli tas-sit. Ir-rapport tħejja minn tliet esperti internazzjonali: Ishanlosen Odiaua, Dominique Sewane u Franck Ogou.[3]

Il-popli Tammari, li abitaw f'Koutammakou, għexu f'dan is-sit għal mijiet ta' snin. Huma wettqu migrazzjoni lejn iż-żona għall-ħabta tas-seklu 17 jew 18.

Koutammakou tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2004, u ż-żona ta' lqugħ tas-sit ġiet estiża fl-2023.[1]

Id-djar tradizzjonali ta' Koutammakou huma magħrufa bħala Siken u huma s-simbolu nazzjonali uffiċjali tat-Togo. Huma jirriflettu t-twemmin animistiku uniku u t-tradizzjonijiet uniċi tal-komunità.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Koutammakou, l-Art tal-Batammariba, ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2004.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]

Biblijografija

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Philippe et Marie Huet, Koutammakou : portraits en pays somba, Nord Bénin, Hesse, Saint-Claude-de-Diray, 2012, 155 p. (ISBN 978-2-35706-021-0).
  • Albert-Marie Maurice, Atakora : Otiau, Otammari, Osari, peuples du Nord-Bénin (1950), Académie des sciences d'outre-mer, Pariġi, 1986, 481 p. (ISBN 2-900098-11-4).
  • Paul Mercier, Tradition, changement, histoire. Les “Somba” du Dahomey septentrional, Anthropos, Pariġi, 1968, 538 p. (texte remanié d'une thèse).
  • Suzanne Preston-Blier, The Anatomy of Architecture – Ontology and metaphor in Batammaliba architectural expression, Cambridge University Press, Cambridge, 1987, 314 p. (ISBN 0-226-05861-1).
  • Dominique Sewane Rapport final en vue de l’inscription du Koutammakou, pays des Batammariba au Togo sur la liste des sites classés du Patrimoine mondial de l’Unesco, Diċembru 2002, 102 paġni.
  • Dominique Sewane Rapport de coordination du Programme de sauvegarde du Patrimoine culturel immatériel des Batammariba du Koutammakou – Première Phase (Novembru 2008 - Novembru 2009).
  • Dominique Sewane, La nuit des grands morts : l’initiée et l’épouse chez les Tamberma du Togo (préface de Jean Malaurie), Economica, Paris, 2002, 272 p. + pl. (ISBN 2-7178-4484-8).
  • Dominique Sewane, Le souffle du mort : la tragédie de la mort chez les Batãmmariba du Togo, Bénin, Plon, « Collection Terre humaine », 2007, 849 p. + pl., 2020, collection Terre Humaine, Plon (ISBN 978-2-266-17579-1) (Premju Robert Cornevin).
  • Dominique Sewane, Les Batãmmariba, le peuple voyant : carnets d’une ethnologue, éditions de La Martinière, Pariġi, 192 p. (ISBN 2-7324-3209-1).
  • Dominique Sewane, « Rites et pensée des Batammariba » pour les écoles primaires du Togo, Ministère des Enseignements Primaire Secondaire et de l’Alphabétisation du Togo, Patrimoine Culturel Immatériel de l’UNESCO, éditions Haho, Lomé (Togo), Éditions Haho, Togo, 2009.
  • Dominique Sewane, Bantéé N’Koué, Bakoukalébé Kpakou, Koutammakou - Lieux sacrés, Préface de Jean Malaurie, éditions Hesse, 2018, (ISBN 978-2-35706-041-8).
  • Jean Pierre Vallat (dir.), Le Togo : lieux de mémoire et sites de conscience, L’Harmattan, Pariġi, 2013, 204 p. + pl. (ISBN 978-2-336-29117-8).
  1. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Koutammakou, the Land of the Batammariba". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-03-03.
  2. ^ Dominique Sewane, ′Ceux qui malaxent la peau fine de la terre′. Les Batammariba. Anthropologie de l'habiter, 40th Session of Unesco Heritage – Istanbul: THE ETHIC VALUES OF KOUTAMMAKOU, Courrier des Afriques.
  3. ^ mondial, UNESCO Centre du patrimoine. "UNESCO Centre du patrimoine mondial - Document - Rapport de la mission d'urgence WHC au Koutammakou, le pays des Batammariba (Togo), 19-24 octobre 2018". UNESCO Centre du patrimoine mondial (bil-Franċiż). Miġbur 2024-03-03.