Aqbeż għall-kontentut

Kluane / Wrangell–St. Elias / Bajja tal-Glaċieri / Tatshenshini-Alsek

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Glaċier fil-Park Nazzjonali ta' Wrangell–St. Elias, l-Istati Uniti.

Kluane / Wrangell–St. Elias / Bajja tal-Glaċieri / Tatshenshini-Alsek hija sistema ta' parks internazzjonali transfruntieri tal-Kanada u tal-Istati Uniti, fil-fruntiera ta' Yukon, Alaska u British Columbia.

Is-sistema tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1994 bis-saħħa tal-pajsaġġi spettakolari tal-glaċieri u tal-meded tas-silġ, kif ukoll għall-importanza tagħha bħala ħabitat tal-orsijiet grizzly, tal-karibù u tan-nagħaġ ta' Dall.[1] L-erja totali tas-sit tammonta għal 98,391.21 kilometru kwadru (37,989.06 mil kwadru), jiġifieri kemxejn iżgħar mill-pajjiż tal-Korea t'Isfel li għandu erja ta' 100,339 kilometru kwadru (38,741 mil kwadru).[1]

Is-sit jospita għadd ta' formazzjonijiet ġeoloġiċi notevoli, inkluż l-ikbar medda tas-silġ mhux polari fid-dinja; l-ikbar glaċier tat-tip piedmont fid-dinja, il-Glaċier ta' Malaspina; l-itwal glaċier f'wied intern fid-dinja, il-Glaċier ta' Nabesna, kif ukoll l-ogħla quċċata tal-Kanada u t-tieni l-ogħla quċċata tal-Amerka ta' Fuq, il-Muntanja Logan, b'għoli ta' 5,959 metru (19,551 pied).

Komponenti[immodifika | immodifika s-sors]

Is-sistema internazzjonali tinkludi parks li jinsabu f'żewġ pajjiżi u fi tliet reġjuni amministrattivi:[1]

  • ir-Riżerva u l-Park Nazzjonali ta' Kluane (il-Kanada);
  • ir-Riżerva u l-Park Nazzjonali ta' Wrangell–St. Elias (l-Istati Uniti);
  • ir-Riżerva u l-Park Nazzjonali tal-Bajja tal-Glaċieri (l-Istati Uniti); u
  • l-Park Provinċjali ta' Tatshenshini-Alsek (British Columbia, il-Kanada).

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Glaċier ta' Johns Hopkins fil-Bajja tal-Glaċieri, il-Kanada.

Kluane / Wrangell–St. Elias / Bajja tal-Glaċieri / Tatshenshini-Alsek ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; il-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti"; il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b ċ d e Centre, UNESCO World Heritage. "Kluane / Wrangell-St. Elias / Glacier Bay / Tatshenshini-Alsek". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-06-20.