Aqbeż għall-kontentut

Knisja Katidrali ta' Għawdex

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
(Rindirizzat minn Katidral ta' Għawdex)
Dehra tal-Knisja minn ġewwa.

Il-Katidral ta' Għawdex huwa l-ogħla knisja fil-gżira ta’ Għawdex u s-sede uffiċċjali tal-Isqof ta’ Għawdex, hekk kif promulgat mill-Papa Piju IX fl-1864. Il-Katidral preżenti jinsab fil-belt iffortifikata taċ-Ċittadella, u nbena fuq pjanta tal-arkitett Malti Lorenzo Gafà bejn l-1697 u l-1711. Hi t-tieni knisja f'Għawdex mibnija fil-forma ta' salib Latin wara dik ta' San Ġorġ fl-1678. Qabel il-bini preżenti kien hemm knisja oħra li ġġarrfet f’terremot qalil fl-1693. L-istoriku Agius de Soldanis jgħid li xi ħadd kien qallu li waqt it-tħaffir għall-pedamenti tal-Katidral preżenti nstabu fdalijiet ta’ dak li jingħad li kien tempju Ruman iddedikat lill-alla Ġunone.

Il-Katidral iservi wkoll ta’ waħda miż-żewġ parroċċi prinċipali tal-Belt Victoria, dik ta' San Ġorġ Martri u din tal-Assunzjoni ta' Marija. Il-Katidral hu kkunsidrat minn bosta bħala l-Knisja Ewlenija u Omm il-Knejjes tal-gżira, għalkemm is-suġġett għadu kontroversjali sal-lum. Fl-1991, il-Papa Ġwanni Pawlu II sar l-ewwel kap tal-Knisja Kattolika Rumana li għamel żjara uffiċċjali fil-Knisja Katidrali.

Preżentament, l-Isqof fil-kariga huwa l-E.T. Mons. Anton Teuma, filwaqt li l-Arċipriet huwa l-Mons. Ġużeppi Attard. L-Arċidjaknu tal-Kapitlu Katidrali huwa l-Mons. Giovanni Bosco Gauci. Nhar l-14 t'Awwissu 2011, il-knisja tkun qed tiċċelebra t-300 sena anniversarju mill-ftuħ tagħha.