Aqbeż għall-kontentut

Kastell ta' Durham

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-veduta tal-Kastell ta' Durham mill-bitħa interna

Il-Kastell ta' Durham huwa kastell tan-Normanni fil-belt ta' Durham, l-Ingilterra, li ilu okkupat mill-Kulleġġ Universitarju mill-1837 wara r-rwol preċedenti tiegħu bħala r-residenza tal-Isqfijiet ta' Durham. Il-kastell ġie ddeżinjat flimkien mal-Katidral ta' Durham bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1986. Il-faċilità hija miftuħa għaż-żjarat iggwidati għall-pubbliku ġenerali, peress li jintuża bħala binja operattiva u jospita iktar minn 100 student. Il-kastell jinsab fil-quċċata ta' għolja fuq ix-xmara Wear fil-peniżola ta' Durham, faċċata tal-Katidral ta' Durham.

Storja bikrija

[immodifika | immodifika s-sors]
Id-Daħla tas-Sala l-Kbira tal-Isqof Bek

Il-kostruzzjoni tal-kastell bl-istil tradizzjonali tan-Normanni nbdiet fl-1072 skont l-ordnijiet ta' William il-Ħakkiem, sitt snin wara l-ħakma Normanna tal-Ingilterra, u ftit wara li n-Normanni ġew għall-ewwel darba fit-Tramuntana. Il-kostruzzjoni seħħet taħt is-superviżjoni ta' Waltheof, il-Konti ta' Northumbria, sa ma rribella kontra William u ġie ġustizzjat fl-1076.[1] Il-ġebel għall-binjiet il-ġodda nqata' mill-irdumijiet ta' taħt is-swar u ttella' bl-argni.[2]

Is-Sala l-Kbira tal-Isqof Bek minn ġewwa

Id-detentur tal-kariga ta' Isqof ta' Durham, l-Isqof William Walcher dak iż-żmien, inħatar mir-re biex jeżerċita awtorità rjali f'ismu, bil-kastell bħala s-sede tiegħu. Skont l-UNESCO:[1]

"Walcher xtara t-titlu ta' Konti [ta' Northumbria] u b'hekk sar l-ewwel Prinċep-Isqof ta' Durham, titlu li baqa' fis-seħħ sas-seklu 19, u li ta status uniku lil Durham fi ħdan l-Ingilterra. Kien taħt Walcher li nbnew ħafna mill-ewwel binjiet tal-kastell. Bħalma kien tipiku tal-kastelli Normanni, kien jikkonsisti minn tumbata fl-art u minn żona fuq ġewwa u fuq barra mdawra bis-swar. Mhuwiex magħruf liema strutturi nbnew l-ewwel. Ma hemmx qbil dwar jekk il-Kastell ta' Durham oriġinarjament kienx struttura tal-ġebel jew tal-injam. Sorsi storiċi jsemmu li t-torri ffortifikat tiegħu nbena bl-injam, iżda hemm biżżejjed evidenza arkeoloġika li tindika li anke fl-aħħar tas-seklu 11 meta nbena għall-ewwel darba, kellu bosta binjiet tal-ġebel.

Veduta tal-Kastell ta' Durham mix-xmara, quddiem il-Katidral ta' Durham

L-UNESCO tiddeskrivi wkoll ir-rwol tal-Prinċep-Isqof fl-"istat bejn l-Ingilterra u l-Iskozja":[3]

Mill-1075, l-Isqof ta' Durham sar Prinċep-Isqof, bid-dritt li jkollu armata, jizzekka l-muniti tiegħu, u jimponi t-taxxi. Diment li jibqa' leali lir-Re tal-Ingilterra, seta' jiggverna prattikament qisu mexxej awtonomu, u jaħsad il-benefiċċji mit-territorju tiegħu, iżda fl-istess ħin jibqa' attent li jaqdi r-rwol tiegħu li jipproteġi l-fruntiera tat-Tramuntana tal-Ingilterra.

L-Isqfijiet ta' Durham baqgħu jgawdu dawn is-setgħat sal-ħruġ tal-Att ta' Durham (il-Kontea Palatina) tal-1836 li rritornahom lill-monarkija.[4] Rapport ieħor tal-UNESCO b'mod iktar speċifiku jispjega l-ħtieġa għal kastell f'dan il-post:[1]

"F'termini difensivi, il-Kastell ta' Durham kellu importanza strateġika kemm bħala difiża tal-fruntiera problematika mal-Iskozja kif ukoll għall-kontroll tar-ribeljonijiet lokali Ingliżi, li kienu komuni fis-snin eżatt wara l-Ħakma Normanna, u li wasslu għall-Ħakma tat-Tramuntana minn William il-Ħakkiem fl-1069. ... il-Kastell inbena "biex l-isqof u l-unità domestika tiegħu jiġu mħarsa mill-attakki". Dan jagħmel sens – Robert de Comines (jew Cumin), l-ewwel Konti ta' Northumberland maħtur minn William il-Ħakkiem, inqatel brutalment flimkien ma' ta' madwaru fl-1069".

Id-Daħla tal-Kastell ta' Durham immudellata mill-ġdid fis-sekli 18 u 19

F'Mejju 1080, il-kastell ġie attakkat u assedjat għal erbat ijiem mir-ribelli minn Northumbria, u l-Isqof Walcher inqatel. Fl-1177, ir-Re Enriku II tal-Ingilterra ssekwestra l-kastell wara nuqqas ta' qbil mal-isqof ta' dak iż-żmien Hugh de Puiset (xi kultant magħruf bħala Pudsey).[5]

Fis-seklu 12, l-Isqof Pudsey (Hugh de Puiset) bena l-arkata Normanna u l-kappella tal-Katidral.[6] Alterazzjonijiet kbar oħra saru mill-Isqof Thomas Hatfield fis-seklu 14, inkluż ir-rikostruzzjoni tal-fortizza u tal-għolja mdawra bis-swar.[7]

Il-kastell għandu Sala Kbira, oriġinarjament imsejħa Sala taċ-Ċena, li nħolqot mill-Isqof Antony Bek fil-bidu tas-seklu 14; l-Isqof Hatfield żied gallerija tal-injam għall-kantanti Medjevali. Is-Sala ġiet immodifikata u tkabbret, imbagħad iċċekknet, minn isqfijiet suċċessivi.[8][9] Illum il-ġurnata, is-Sala hija għolja 14-il metru (46 pied) u twila iktar minn 30 metru (98 pied).[7]

L-istemma tal-Kulleġġ Universitarju

Kulleġġ Universitarju

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Kastell ta' Durham baqa' jintuża bħala l-palazz tal-isqof għall-Isqof ta' Durham sa meta l-Kastell ta' Auckland sar ir-residenza tal-isqfijiet fl-1832; l-isqof attwali għad għandu uffiċċji f'dak il-kastell, bejn wieħed u ieħor għaxar mili lejn in-Nofsinhar. Sussegwentement, il-Kastell ta' Durham ingħata lill-Università ta' Durham mill-Isqof William Van Mildert u iktar 'il quddiem sar il-Kulleġġ Universitarju.[10] Il-kulleġġ ma kienx jokkupa l-kastell qabel l-1837, wara li l-isqof ta' wara, Edward Maltby, temm ir-rinnovazzjonijiet tal-binja.[11]

Is-Sala l-Kbira oriġinali tal-Kastell ta' Durham

Il-Kappella Normanna hija l-eqdem parti aċċessibbli tal-kastell u nbniet għall-ħabta tal-1078. L-arkitettura tagħha hija ta' natura Angljana, possibbilment minħabba x-xogħol imġiegħel Angljan li ntuża għall-bini tagħha. Fis-seklu 15, it-tliet twieqi tagħha ġew imblukkati kollha minħabba l-espansjoni tal-fortizza. B'hekk ma baqgħetx tintuża sal-1841 meta ntużat bħala kuritur ta' aċċess għall-fortizza. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, intużat bħala post ta' kmand u ta' osservazzjoni għall-Forza tal-Ajru Rjali meta ġie rikonoxxut l-użu oriġinali tagħha. Il-Katidral kien fil-mira ta' Baedeker Blitz jew bumbardament mill-ajru mill-Ġermanja iżda ħelisha ħafif bis-saħħa taċ-ċpar li bblokka l-viżjoni tal-bdoti.[12]

Il-kappella ġiet ikkonsagrata mill-ġdid ftit wara l-gwerra u għadha tintuża għas-servizzi ta' kull ġimgħa mill-Kulleġġ Universitarju.[13]

Il-Kappella ta' Tunstall, imsemmija għal Cuthbert Tunstall, inbniet fis-seklu 16 u ntużat għall-qima fi ħdan il-kulleġġ.[14] Din ġiet immodifikata fis-seklu 17 mill-Isqof Cosin.[15]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
It-torri tal-Kastell ta' Durham

Il-Kastell u l-Katidral ta' Durham ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1986.[16][17]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[16]

  1. 1 2 3 "Durham Castle - Durham World Heritage Site". www.durhamworldheritagesite.com. Miġbur 2022-05-06.
  2. "Durham of the Prince Bishops". British Heritage (bl-Ingliż). Miġbur 2022-05-06.
  3. "Prince Bishops - Durham World Heritage Site". www.durhamworldheritagesite.com. Miġbur 2022-05-06.
  4. The Statutes of the United Kingdom of Great Britain and Ireland. His Majesty's Statute and Law Printers. 1836. p. 130.
  5. The Universal British Directory of Trade, Commerce, and Manufacture. 1790. p. 859.
  6. The Castle, Durham. T. Caldcleugh. 1892. p. 1.
  7. 1 2 Page, William (1928). "'The city of Durham: The castle', in A History of the County of Durham: Volume 3". Londra: British History Online. pp. 64–91.
  8. "The city of Durham: The castle | British History Online". www.british-history.ac.uk. Miġbur 2022-05-06.
  9. The Castle, Durham. T. Caldcleugh. 1892. pp. 4-5.
  10. Express, Britain. "Durham Castle | Historic County Durham Guide". Britain Express (bl-Ingliż). Miġbur 2022-05-06.
  11. University, Durham; University, Durham. "Van Mildert College". www.durham.ac.uk (bl-Ingliż). Miġbur 2022-05-06.
  12. Shaw, Alan. "The tourist guidebook that helped Nazis to blitz British cities" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-05-06.
  13. "Chapels of University College, Durham". web.archive.org. 2011-05-14. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-05-14. Miġbur 2022-05-06.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  14. "Chapels of University College, Durham". web.archive.org. 2013-04-04. Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-04-04. Miġbur 2022-05-06.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  15. The Castle, Durham. T. Caldcleugh. 1892. p. 2.
  16. 1 2 Centre, UNESCO World Heritage. "Durham Castle and Cathedral". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-05-06.
  17. "Durham Castle and Cathedral - 1000089 | Historic England". historicengland.org.uk (bl-Ingliż). Miġbur 2022-05-06.