Aqbeż għall-kontentut

Jum Ewropew tan-Numru ta’ Emerġenza

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Ajruport ta’ Stuttgart (Il-Ġermanja): studenti tal-iskejjel tal-mużika Leinfelden-Echterdingen, Schönbuch u Stuttgart idoqqu l-innu Ewropew fl-okkażjoni tal-Jum Ewropew 112, fil-11 ta’ Frar, 2014.
Edelgard Huber von Gersdorff, ta’ 112-il sena, ġiet magħżula bħala patruna onorarja tal-kampanja ‘Ewropa Waħda – numru wieħed!’, biex jikber l-għarfien dwar in-numru Ewropew ta’ emerġenza 112.

Il-Jum Ewropew tan-Numru ta’ Emerġenza jitfakkar kull sena fil-11 ta’ Frar madwar l-Ewropa kollha. Il-jum ġie introdott mill-Unjoni Ewropea fl-1991 biex jippromwovi s-servizz u l-użu tajjeb tan-numru ta’ emerġenza li jista’ jintuża fl-Ewropa kollha.[1]

Sejħa ta’ emerġenza madwar l-Ewropa

[immodifika | immodifika s-sors]

In-numru 112 jista’ jintuża fl-Istati Membri kollha f’każi ta’ emerġenza. Xi pajjiżi Ewropej għandhom numri oħra flimkien mal-112. Sa mis-sena 2008, is-servizz jista’ jintlaħaq minn kull linja fissa jew ċellulari tat-telefon madwar l-Unjoni Ewropea u huwa bla ħlas. Minħabba l-firxa wiesgħa ta’ għarfien tiegħu, in-numru 112 sar simbolu komuni ta’ għajnuna u appoġġ, imma wkoll tal-Unjoni Ewropea b’mod ġenerali.

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea, iffirmaw konvenzjoni fl-2009 biex kull sena jibda jitfakkar il-jum Ewropew tal-112. Dan il-jum hu maħsub biex ikattar l-għarfien mal-Ewropa kollha dwar l-użu u l-vantaġġi tan-numru Ewropew ta’ emerġenza. Il-jum tal-11 ta’ Frar intgħażel minħabba li d-data tirrifletti n-numru nnifsu – 11 u 2.[2] L-idea li jiġi ddedikat dan il-jum bdiet tiġi diskussa fl-2007 fil-Parlament Ewropew fil-kuntest tal-preparamenti għad-Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew dwar in-numru Ewropew ta’ emerġenza 112.[3] Il-ħtieġa li jikber l-għarfien tan-numru ta’ emerġenza Ewropew 112 ġiet ikkonfermata minn stħarriġ tal-Ewrobarometru 228 fi Frar 2008: bħala medja Ewropea, 22% biss ta’ dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ kienu jafu li n-numru 112 jgħodd għall-Unjoni Ewropea kollha. F’Malta, kienu jafu bih 11% biss.[4] Dan ġie kkonfermat fl-2009 (24% medja Ewropea, 17% f’Malta)[5] u fl-2010 (25% medja Ewropea, 19% f’Malta).[6]

Ċelebrazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-Ewropa jittieħdu ħafna inizjattivi kull sena biex jitfakkar il-Jum Ewropew 112. Xi inizjattivi jittieħdu mill-politiċi u uffiċjali tal-gvern, oħrajn minn entitajiet ta’ salvataġġ u tal-protezzjoni ċivili, kif ukoll għaqdiet mhux governattivi. F’Malta, fis-sena 2020, il-korp tal-pulizija, l-armata u uffiċjali tal-protezzjoni ċivili organizzaw attività fi skola primarja dwar kif in-numru 112 jintuża b’mod responsabbli [7] . Attivitajiet simili ġew organizzati mal-Ewropa kollha, bħal pereżempju fi Brussell, fejn il-Manneken-Pis tlibbes kostum tal-112[8], jew fl-Estonja, b’kompetizzjoni għall-familji u tfal tal-kindergarten li fiha kellhom jiktbu ‘112’ fis-silġ u jibagħtu ritratt.

  1. ^ “Deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta 'Lulju 1991 dwar l-introduzzjoni ta' numru wieħed ta 'sejħa għal emerġenza Ewropea”, Rilaxxat mill-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej, 29 ta'Lulju, 1991.
  2. ^ Dikjarazzjoni Konġunta Tripartita li Twaqqaf "Jum 112 Ewropew", Stqarrija għall-istampa mill-Kunsill ta 'l-Ewropa, 10 ta'Frar, 2009.
  3. ^ Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew dwar in-numru Ewropew ta 'sejħa ta' emerġenza 112, Stqarrija għall-istampa mill-Parlament Ewropew, 25 ta'Settembru, 2007.
  4. ^ Ewrobarometru Flash Nr. 228, In-Numru Ewropew ta ’Emerġenza 112, Sommarju, 11 ta'Frar, 2008, p. 12.
  5. ^ Ewrobarometru Flash Nr. 262, In-Numru Ewropew ta ’Emerġenza 112, Sommarju, 11 ta'Frar, 2009, p. 11.
  6. ^ Ewrobarometru Flash Nr. 285, In-Numru Ewropew ta ’Emerġenza 112, Rapport Analitiku, 11 ta'Frar, 2010, p. 29.
  7. ^ rapport dwar l-użu responsabbli tal-112, ippubblikat fil-11 ta'Frar 2020.
  8. ^ Manneken Pis calls 112 :).