John Strutt Rayleigh

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
John Strutt Rayleigh
39. President tas-Soċjetà Rjali

1905 - 1908
William Huggins - Archibald Geikie
Membru tal-Kunsill tal-Kuruna tar-Renju Unit

1905 -
Lord Logutenent ta’ Essex

2 Frar 1892 - 1 Awwissu 1901
Membru tal-House of Lords

14 Ġunju 1873 - 30 Ġunju 1919
Ħajja
Twelid Maldon, 12 Novembru 1842
Nazzjonalità Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda
Residenza Terling Place
Mewt Terling Placeu Witham (en) Translate, 30 Ġunju 1919
Post tad-dfin Terling (All Saints) Churchyard (en) Translate
Familja
Missier John Strutt, it-tieni Baruni Rayleigh ta’ Terling Place
Omm Clara Vicars
Konjuga/i Evelyn Strutt, Barunessa Rayleigh ta’ Terling Place  (19 Lulju 1871 -
Ulied
Edukazzjoni
Alma mater Università ta' Cambridge
Kulleġġ ta’ Eton
Skola ta’ Harrow
(1855 -
Trinity College
(Ottubru 1861 -
Livell tal-edukazzjoni Baċellerat tal-Arti
Masters tal-Arti
Direttur tat-teżi Edward Routh (en) Translate
Sir George Stokes, 1st Baronet (en) Translate
Studenti dottorali J. J. Thomson (en) Translate
Jagadish Chandra Bose (en) Translate
Lingwi Ingliż
Studenti
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni fiżiku
politiku
għalliem fl-università
matematiku
kimiku
Post tax-xogħol Terling Place
Impjegaturi Università ta' Cambridge  (1879 -  1884)
Xogħlijiet importanti argon
Rayleigh scattering (en) Translate
Rayleigh–Bénard convection (en) Translate
Rayleigh wave (en) Translate
Premjijiet
Nominat għal
Sħubija Soċjetà Rjali
Akkademja Rjali Żvediża tax-Xjenzi
Akkademja Bavarjana tax-Xjenzi
Akkademja tax-Xjenzi ta' San Pietruburgu
Akkademja Ungeriża tax-Xjenzi
Akkademja Franċiża tax-Xjenzi
Akkademja Amerikana tal-Arti u tax-Xjenzi
Akkademja Russa tax-Xjenzi
Akkademja tax-Xjenzi Prussjana
Koninklijke Nederlandse Akademie van Wetenschappen
Accademia Nazionale delle Scienze detta dei XL
Akkademja Nazzjonali tax-Xjenzi
Akkademja tax-Xjenzi ta’ Torino

John William Strutt, it-tielet Baruni Rayleigh, OM, PC, PRS (/ˈreɪli/; twieled fit-12 ta’ Novembru 1842 – miet fit-30 ta’ Ġunju 1919), kien xjenzat Brittaniku li ta kontributi estensivi kemm għall-fiżika teorika kif ukoll għall-fiżika sperimentali. Huwa qatta’ l-karriera akkademika kollha tiegħu fl-Università ta’ Cambridge. Fost il-ħafna unuri li ngħata, huwa rċieva l-Premju Nobel għall-Fiżika fl-1904 “għall-investigazzjonijiet tiegħu tad-densitajiet tal-iktar gassijiet importanti u għall-iskoperta tiegħu tal-argon b’rabta mal-istudji tiegħu”. Huwa kien President tas-Soċjetà Rjali mill-1905 sal-1908 u Kanċillier tal-Università ta’ Cambridge mill-1908 sal-1919.

Rayleigh ipprovda l-ewwel trattament teoriku tat-tifrix elastiku tad-dawl minn partikoli ferm iżgħar mit-tul tal-mewġ tad-dawl; fenomenu li issa huwa magħruf bħala “t-tifrix ta’ Rayleigh”, li b’mod partikolari jispjega għalfejn is-sema huwa blu. Huwa studja u ddeskriva il-mewġ trasversali tas-superfiċe fis-solidi, li issa huma magħrufin bħala l-“mewġ ta’ Rayleigh”. Huwa kkontribwixxa b’mod estensiv għad-dinamika tal-fluwidi, b’kunċetti bħan-numru ta’ Rayleigh (numru mingħajr dimensjoni assoċjat mal-konvezzjoni naturali), il-fluss ta’ Rayleigh, l-instabbiltà ta’ Rayleigh-Taylor, u l-kriterju ta’ Rayleigh għall-istabbiltà tal-fluss ta’ Taylor-Couette. Huwa fformula wkoll it-teorija taċ-ċirkolazzjoni tal-portanza ajrudinamika. Fl-ottika, Rayleigh ippropona kriterju magħruf sew għar-riżoluzzjoni angolari. Iktar ’il quddiem, id-derivazzjoni tiegħu tal-liġi ta’ Rayleigh-Jeans għar-radjazzjoni klassika tal-korpi suwed kellha rwol importanti fit-twelid tal-mekkanika kwantistika. Il-ktieb akkademiku ta’ Rayleigh The Theory of Sound (It-Teorija tal-Ħoss, 1877) għadu jintuża sa llum mill-akustiċi u mill-inġiniera.

Bijografija[immodifika | immodifika s-sors]

Strutt twieled fit-12 ta’ Novembru 1842 f’Langford Grove f’Maldon, Essex, ir-Renju Unit. Fi tfulitu huwa kien fraġli u kellu problemi tas-saħħa. Huwa attenda l-Kulleġġ ta’ Eton u l-Iskola ta’ Harrow (it-tnejn li huma għal perjodu qasir), qabel ma kompla jistudja fl-Università ta’ Cambridge fl-1861 fejn studja l-matematika fit-Trinity College, Cambridge. Huwa kiseb Baċellerat tal-Arti (Senior Wrangler u l-ewwel Premju Smith) fl-1865, u Master tal-Arti fl-1868. Sussegwentement ġie elett sħab fit-Trinity College. Huwa baqa’ f’din il-kariga sa meta żżewweġ lil Evelyn Balfour, bint James Maitland Balfour, fl-1871. Huwa kellu tliet subien flimkien magħha.[1] Fl-1873, meta miet missieru, John Strutt, it-tieni Baruni Rayleigh, huwa wiret it-titlu ta’ Baruni Rayleigh.

Huwa kien it-tieni Professur Cavendish tal-Fiżika tal-Università ta’ Cambridge (wara James Clerk Maxwell), mill-1879 sal-1884. Huwa ddeskriva t-titjir dinamiku tal-għasafar tal-baħar għall-ewwel darba fl-1883, fil-ġurnal Brittaniku Nature. Mill-1887 sal-1905 huwa kien Professur tal-Filosofija Naturali fl-Istituzzjoni Rjali.

Għall-ħabta tas-sena 1900, Rayleigh żviluppa t-teorija duplex (kombinament ta’ tnejn) tal-lokalizzazzjoni umana tal-ħsejjes bl-użu ta’ żewġ sinjali biawrikolari, id-differenza fil-fażi interawrikolari (IPD) u d-differenza fil-livell interawrikolari (ILD) (abbażi tal-analiżi ta’ ras sferika bl-ebda pinen esterni). It-teorija sserraħ fuq il-fatt li nużaw żewġ sinjali primarji għal-lateralizzazzjoni tal-ħsejjes, filwaqt li nużaw id-differenza fil-fażijiet ta’ komponenti sinusojdi tal-ħsejjes u d-differenza fil-livell jew fl-amplitudni bejn iż-żewġ widnejn.

Fl-1904 ingħata l-Premju Nobel għall-Fiżika “għall-investigazzjonijiet tiegħu dwar id-densitajiet tal-iktar gassijiet importanti u għall-iskoperta tiegħu tal-argon b’rabta mal-istudji tiegħu”.

Matul l-Ewwel Gwerra Dinjija, huwa kien il-President tal-Kumitat Konsultattiv tal-Gvern għall-Ajrunawtika, li kien stabbilit fil-Laboratorju Fiżiku Nazzjonali, u ppresjedut minn Richard Glazebrook.

Fl-1919, Rayleigh kien il-President tas-Soċjetà għar-Riċerka Psikika. Bħala wieħed li kien favur il-ħsieb li s-sempliċità u t-teorija huma parti mill-metodu xjentifiku, Rayleigh argumenta wkoll favur il-prinċipju tas-similitudni.

Rayleigh ġie elett sħab tas-Soċjetà Rjali fit-12 ta’ Ġunju 1873, u kien President tas-Soċjetà Rjali mill-1905 sal-1908. Minn żmien għal żmien huwa pparteċipa fil-House of Lords; madankollu, kien jitkellem biss meta l-politika kienet tipprova tinvolvi ruħha fix-xjenza.

Ħafna mid-dokumenti li kiteb dwar il-lubrifikazzjoni, issa ġew rikonoxxuti bħala kontributi klassiċi bikrin fil-qasam tat-triboloġija. Għal dawn il-kontributi, huwa ssemma bħala wieħed mit-23 “Irġiel tat-Triboloġija” minn Duncan Dowson.

Huwa miet fit-30 ta’ Ġunju 1919, fid-dar tiegħu f’Witham, Essex. Ibnu Robert John Strutt, fiżiku magħruf ieħor, sar ir-raba’ Lord Rayleigh. Rayleigh ġie midfun fiċ-ċimiterju tal-Knisja tal-Qaddisin Kollha f’Terling, Essex.

Hemm mafkar iddedikat lilu minn Derwent Wood fil-Kappella ta’ Sant'Indrija fl-Abbazija ta’ Westminster.

Unuri u premjijiet[immodifika | immodifika s-sors]

Il-krater Rayleigh tal-qamar kif ukoll ta’ Marte ngħataw ismu f’ġieħu. L-asterojde 22740 Rayleigh ingħatat ismu fl-1 ta’ Ġunju 2007. Rayleigh ingħata wkoll:

  • Premju Smith (1864)
  • Medalja Rjali (1882)
  • Membru tas-Soċjetà Filosofika Amerikana (1886)
  • Medalja ta’ Matteucci (1894)
  • Membru tal-Akkademja Rjali Żvediża tax-Xjenzi (1897)
  • Medalja ta’ Copley (1899)
  • Premju Nobel għall-Fiżika (1904)
  • Medalja ta’ Elliott Cresson (1913)
  • Medalja ta’ Rumford (1914)

Lord Rayleigh kien fost ir-riċevituri oriġinali tal-Ordni tal-Mertu (OM) fil-lista tal-1902 tal-Unuri tal-Koronazzjoni ppubblikata fis-26 ta’ Ġunju 1902, u rċieva l-ordni mir-Re Edward VII fil-Palazz ta’ Buckingham fit-8 ta’ Awwissu 1902.

Huwa rċieva d-dottorat Doctor mathematicae (honoris causa) mill-Università Rjali ta’ Frederick fis-6 ta’ Settembru 1902, meta ċċelebraw iċ-ċentenarju tat-twelid tal-matematiku Niels Henrik Abel.

Sir William Ramsay, il-ko-ħaddiem tiegħu fl-investigazzjoni li wasslet għall-iskoperta tal-argon iddeskriva lil Rayleigh bħala “l-aqwa raġel ħaj” hu u jitkellem ma’ Lady Ramsay matul l-aħħar marda tiegħu.

H. M. Hyndman qal dwar Rayleigh li “l-ebda raġel qatt ma wera daqstant li kien ġenju kbir mingħajr hu stess ma jaf”.

Biblijografija[immodifika | immodifika s-sors]

  • The Theory of Sound vol. I (Londra: Macmillan, 1877, 1894) (Cambridge: University Press, maħruġ mill-ġdid mill-pubblikatur fl-2011, ISBN 978-1-108-03220-9)
  • The Theory of Sound vol.II (Londra: Macmillan, 1878, 1896) (Cambridge: University Press, maħruġ mill-ġdid mill-pubblikatur fl-2011, ISBN 978-1-108-03221-6)
  • Scientific papers (Vol. 1: 1869–1881) (Cambridge: University Press, 1899–1920, maħruġ mill-ġdid mill-pubblikatur fl-2011, ISBN 978-0-511-70396-6)
  • Scientific papers (Vol. 2: 1881–1887) (Cambridge: University Press, 1899–1920, maħruġ mill-ġdid mill-pubblikatur fl-2011, ISBN 978-0-511-70397-3)
  • Scientific papers (Vol. 3: 1887–1892) (Cambridge: University Press, 1899–1920, maħruġ mill-ġdid mill-pubblikatur fl-2011, ISBN 978-0-511-70398-0)
  • Scientific papers (Vol. 4: 1892–1901) (Cambridge: University Press, 1899–1920, maħruġ mill-ġdid mill-pubblikatur fl-2011, ISBN 978-0-511-70399-7)
  • Scientific papers (Vol. 5: 1902–1910) (Cambridge: University Press, 1899–1920, maħruġ mill-ġdid mill-pubblikatur fl-2011, ISBN 978-0-511-70400-0)
  • Scientific papers (Vol. 6: 1911–1919) (Cambridge: University Press, 1899–1920, maħruġ mill-ġdid mill-pubblikatur fl-2011, ISBN 978-0-511-70401-7)

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "The Nobel Prize in Physics 1904". NobelPrize.org (bl-Ingliż). Miġbur 2021-06-30.