Inċiżjonijiet fuq il-Blat f’Valcamonica

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
L-inċiżjonijiet fuq il-blat f’Valcamonica: xena ta’ ġlieda

L-Inċiżjonijiet fuq il-Blat f’Valcamonica (il-Wied ta’ Camonica) jinsabu fil-Provinċja ta’ Brescia, l-Italja, u jikkostitwixxu l-ikbar kollezzjoni ta’ inċiżjonijiet (petroglifiċi) preistoriċi fid-dinja. Il-kollezzjoni ġiet irrikonoxxuta mill-UNESCO fl-1979[1] u kienet l-ewwel Sit ta’ Wirt Dinji rrikonoxxut fl-Italja.[2] L-UNESCO rrikonoxxiet formalment iktar minn 140,000 rappreżentazzjoni u simbolu, iżda skoperti ġodda żiedu l-għadd ta’ inċiżjonijiet ikkatalogati għal bejn 200,000 u 300,000.[3] L-inċiżjonijiet fuq il-blat huma mifruxa fuq kważi kull superfiċe tal-wied, iżda huma kkonċentrati fi 8 parks, riżervi jew perkorsi fiż-żoni ta’ Darfo Boario Terme, Capo di Ponte, Ceto (Nadro), Cimbergo u Paspardo.[4]

Karatteristiċi[immodifika | immodifika s-sors]

Il-maġġoranza l-kbira tal-inċiżjonijiet fuq il-blat saru fuq blat glaċjali u subglaċjali erratiku li ġie żvelat malli l-aħħar glaċier li fforma l-wied beda jdub gradwalment xi 15,000 sena ilu.

L-inċiżjonijiet magħrufa bħala ż-żewġ astronawti

Bosta mill-inċiżjonijiet saru matul perjodu ta’ 8,000 sena qabel Żmien il-Ħadid (l-ewwel millenju Q.K.[5]), filwaqt li l-inċiżjonijiet li saru l-aħħar ġew attribwiti lin-nies ta’ Camunni, imsemmija minn sorsi Latini. It-tradizzjoni tal-inċiżjonijiet fuq il-blat ma ntemmitx ħesrem. Ġew identifikati inċiżjonijiet (għalkemm f’għadd żgħir ħafna; mhux komparabbli mal-attività preistorika kbira) minn żmien ir-Rumani, żmien il-Medju Evu u possibbilment anke minn żminijiet kontemporanji, sas-seklu 19.[4] Il-biċċa l-kbira tal-inċiżjonijiet saru bit-teknika magħrufa bħala “martellina” (b’martell żgħir u skalpell) u għadd iżgħar saru permezz ta’ graffiti.[3]

Ir-rappreżentazzjonijiet xi drabi saru fuq xulxin mingħajr xi ordni partikolari. Oħrajn minflok jidher li għandhom rabta loġika ma’ xulxin; perżempju, rappreżentazzjoni ta’ rit reliġjuż jew xena tal-kaċċa jew ġlieda. Dan l-approċċ jispjega l-iskema tar-rappreżentazzjonijiet bl-inċiżjonijiet. Kull rappreżentazzjoni hija ideogramma, jiġifieri mhux l-oġġett reali, iżda l-“idea” tiegħu.[5] Il-funzjoni tar-rappreżentazzjonijiet hija marbuta mar-riti ċelebrattivi: kommemorattivi, ta’ inizjazzjoni u propizjatorji; l-ewwel fil-qasam tar-reliġjon, imbagħad iktar ’il quddiem anke lajċi, li kienu jsiru f’okkażjonijiet speċjali, jew ta’ darba jew inkella rikorrenti. Fost l-iktar simboli famużi li nstabu f’Valcamonica, hemm l-hekk imsejħa Rosa camuna (warda ta’ Camunni) li ġiet adottata bħala s-simbolu uffiċjali tar-reġjun tal-Lombardia. Bid-djalett lokali f’Valcamonica, il-popolazzjoni lokali tirreferi għall-inċiżjonijiet fuq il-blat bit-terminu riduttiv ta’ pitoti, jiġifieri “pupazzi”.[5]

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Fis-snin 60 tas-seklu 20, l-arkeologu Emmanuel Anati, li kien minn tal-bidu li beda jistudja ż-żona b’mod sistematiku, fassal kronoloġija tal-inċiżjonijiet fuq il-blat. Huwa qabbel ukoll l-istil u t-tipi ta’ simboli sabiex jidentifika korrelazzjonijiet possibbli maż-żminijiet storiċi tradizzjonali, mill-Preistorja sal-Medju Evu.

Skont ir-riżultati tar-riċerka ta’ Anati, l-inċiżjonijiet fuq il-blat f’Valcamonica jistgħu jiġu maqsuma f’ħamsa: il-perjodu Proto-Camunni u Żmien il-Camunni I, II, III, IV u Post-Camunni, li jikkorrispondu maż-Żminijiet Paleolitiċi, Neolitiċi, Rumani, tal-Medju Evu u reċenti.

Perjodu Proto-Camunni Żmien Paleolitiku Finali, Epipaleolitiku u Proto-Neolitiku
Żmien il-Camunni I Żmien in-Neolitiċi
Żmien il-Camunni II Żmien in-Neolitiċi
Żmien il-Camunni III Żmien Kalkolitiku, Żmien il-Bronż Bikri u Finali
Żmien il-Camunni IV Żmien il-Bronż Finali, Żmien il-Ħadid

Parks, riżervi jew perkorsi[immodifika | immodifika s-sors]

Nru Isem Lokalità Koordinati Noti
1. Parco di Interesse Sovracomunale del Lago Moro, Luine e Monticolo Darfo Boario Terme 45°53′20″N 10°10′46″E Żona protetta kbira li fiha żewġ postijiet prinċipali: is-sit tal-Park ta’ Luine u dak tal-Qrejjen friski. L-inċiżjonijiet ma tantx jidhru ċari minħabba t-tip tal-ġebla (Pietra Simona).
2. Parco archeologico di Asinino-Anvòia Ossimo 45°57′19″N 10°14′47″E Il-park jinsab f’żona li kienet tintuża fi Żmien ir-Ram b’rikostruzzjonijiet tal-isteli li nstabu hemmhekk.
3. Riserva naturale Incisioni rupestri di Ceto, Cimbergo e Paspardo Ceto Cimbergo Paspardo 46°01′06″N 10°21′10″E Ir-riżerva hija żona naturali protetta kbira 290 ettaru, fil-biċċa l-kbira bil-boskijiet, bis-siġar tal-qastan u l-betuli. Fi ħdanha jiġu kkonservati iktar minn 400 blata bl-inċiżjonijiet b’konċentrazzjonijiet partikolari fiż-żoni ta’ Foppe (Nadro di Ceto), Campanine (Cimbergo), Plas, In Vall u Sottolaiolo (Paspardo).
4. Parco nazionale delle incisioni rupestri di Naquane Capo di Ponte 46°01′32″N 10°20′57″E L-ewwel park li ġie stabbilit fil-Valcamonica fl-1955, b’104 blat bl-inċiżjonijiet f’14-il ettaru.
5. Parco archeologico nazionale dei Massi di Cemmo Capo di Ponte 46°01′52″N 10°20′20″E Fil-park hemm żewġ mases ta’ blat magħrufa bħala Massi di Cemmo, żewġ blatiet kbar b’inċiżjonijiet fuqhom ta’ Żmien ir-Ram li kienu l-ewwel inċiżjonijiet li ġew issinjalati fil-Valcamonica fl-1909. Hemm ukoll żewġ steli.
6. Parco archeologico comunale di Seradina-Bedolina Capo di Ponte 46°02′00″N 10°20′29″E L-aħħar park li nfetaħ fil-Valcamonica fl-2005. Fih inċiżjonijiet li jmorru lura għall-aħħar ta’ Żmien il-Bronż u tal-Ħadid.
7. Parco comunale archeologico-minerario di Sellero Sellero 46°03′26″N 10°20′29″E L-ewwel sejbiet saru fis-snin 70 tas-seklu 20 bl-iskoperta ta’ 25 inċiżjoni, fosthom il-blata tal-idolu femminili.
8. Percorso pluritematico del "Coren delle Fate" Sonico 46°10′07″N 10°21′20″E Preżenza tal-inċiżjoni magħrufa bħala l-idolu ta’ Sonico, flimkien ma’ żewġ ċrieki solari, li qisu tarbija fil-fisqija.

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Rock Drawings in Valcamonica". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-21.
  2. ^ "UNESCO: Italia al primo posto nella Lista. Però..." (bit-Taljan). 2013-07-17. Miġbur 2021-03-21.
  3. ^ a b Galbiati, Alberto (2010-01-26). "Introduzione all'arte rupestre della Valcamonica". www.archeocamuni.it . Miġbur 2021-03-21.Manutenzjoni CS1: lingwa mhix magħrufa (link)
  4. ^ a b "Vallecamonica Unesco |". www.vallecamonicaunesco.it. Miġbur 2021-03-21.
  5. ^ a b ċ Piero Adorno, Mesolitico e Neolitico, p. 16.