Impjant tal-Ippompjar bl-Istim ta' Wouda
L-Impjant tal-Ippompjar bl-Istim ta' Wouda (bl-Olandiż: ir. D.F. Woudagemaal) jinsab fin-Netherlands, u huwa l-ikbar impjant tal-ippompjar imħaddem bl-istim li għadu operattiv fid-dinja. Fl-1998, l-impjant tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]
Ftuħ u kapaċità ta' ppompjar
[immodifika | immodifika s-sors]Fis-7 ta' Ottubru 1920, ir-Reġina Wilhelmina inawgurat il-ftuħ tal-impjant tal-ippompjar. Dan l-impjant inbena biex jippompja l-ilma eċċessiv minn Friesland, provinċja fit-Tramuntana tan-Netherlands. Fl-1967, il-fran industrijali li kienu jaħdmu bil-faħam u li kellhom 47 sena ġew ikkonvertiti biex jaħdmu fuq iż-żejt tal-fjuwil tqil. L-impjant għandu kapaċità ta' ppompjar ta' 4,000 m3/min.[2] Attwalment l-impjant tal-ippompjar jintuża l-iktar fix-xitwa (bħala medja għal xi 400 siegħa fis-sena) biex jissupplimenta l-kapaċità eżistenti ta' ppompjar tal-Impjant tal-Ippompjar bl-Elettriku ta' J. L. Hoogland f'Stavoren f'każ li jkun hemm livelli għoljin eċċessivi ta' ilma fi Friesland, xi ħaġa li normalment tiġri xi ftit drabi kull sena.
Filwaqt li l-impjanti tal-ippompjar iktar moderni jistgħu jibdew jitħaddmu b'sempliċi swiċċ, dan l-Impjant tal-Ippompjar bl-Istim ta' Wouda jeħtieġ sitt sigħat biex jisħon qabel ma jkun jista' jibda jitħaddem. Imbagħad, ikun kapaċi jippompja madwar erba' miljun litru ta' ilma kull minuta.
L-impjant huwa msemmi għal Ir. D. F. Wouda, l-inġinier ewlieni li kien responsabbli għad-disinn u għall-kostruzzjoni tal-impjant.
Tagħrif tekniku
[immodifika | immodifika s-sors]L-Impjant tal-Ippompjar bl-Istim ta' Wouda għandu erba' magni komposti, tandem, b'valvoli tat-tip poppet u reċiproċi li jaħdmu bl-istim. Dawn li ġejjin huma ftit iktar speċifikazzjonijiet tekniċi:
- Ċilindru attiv uniku ta' pressjoni għolja b'dijametru ta' 0.5 metri.
- Ċilindru attiv doppju ta' pressjoni baxxa, bi fluss uniku ta' egżost, b'dijametru ta' 0.85 metri.
- Tefgħa (stroke): 1.0 metru
- Qawwa: 500 horsepower, 373 kilowatt[2]
Barra minn hekk, l-impjant għandu wkoll tmien pompi ċentrifugi orizzontali, iffabbrikati, u b'assorbiment doppju: 500 m³ kull minuta, 125,000 GPM, 180 MGD:
- veloċità rotazzjonali: 95 sa 115 rpm, b'dijametru tar-rota tal-magna ta' 1.70 metru.[2]
Il-Impjant tal-Ippompjar bl-Istim ta' Wouda huwa miftuħ għall-viżitaturi u jsiru żjarat turistiċi kważi kuljum.
Pożizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]L-impjant jinsab eżattament f'Tacozijl, 'il barra mill-inħawi ta' Lemmer.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]L-Impjant tal-Ippompjar bl-Istim ta' Wouda ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1998.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Ħoloq esterni
[immodifika | immodifika s-sors]Wikimedia Commons għandha fajls multimedjali li għandhom x'jaqsmu ma': Impjant tal-Ippompjar bl-Istim ta' Wouda |
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Ir.D.F. Woudagemaal (D.F. Wouda Steam Pumping Station)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-10-11.
- ^ a b ċ Stenvert, Ronald [et al.] (2000) Fryslân. Monumenten in Nederland, deel 6. Zeist: Rijksdienst voor de Monumentenzorg / Zwolle: Waanders. ISBN 90 400 9476 4.